Nibdew din il-ħarsa lejn il-kontenut bis-suppliment speċjali li joffrilna intervista mal-Prof. Albert Borg, il-lingwista ta’ esperjenza kbira li għandu ħafna xi jgħid fuq il-lingwa Maltija llum u anke fuq dawk li jitkellmuha.
L-ewwel taqsima toffrilna artiklu ma’ Reuben Degiorgio, il-kreatur tal-paġna Għidha bil-Malti, familjari ħafna ma’ dawk li jużaw il-media soċjali. Interessanti wieħed jiskopri l-karattru ta’ Reuben u x’inhu li jġiegħlu jtektek. Artiklu ieħor jittratta t-taħbila ortografika jekk tiktibx zona jew żona. Il-Prof. Manwel Mifsud jiċċara din l-istampa mċajpra.
Peress li l-avukati jkollhom ħafna xi jgħidu, din id-darba għandhom żewġ artikli fit-tieni taqsima, dik dwar it-terminoloġija. Jagħtuna analiżi dwar x’nużaw bejn ‘mingħajr preġudizzju’ jew ‘bla ħsara’ u f’artiklu ieħor naraw id-differenza bejn ‘id-data tad-dħul fis-seħħ’, ‘id-data tal-applikazzjoni’ u ‘d-data meta d-dispożizzjonijiet ikollhom effett’. Antoine Cassar iżomm l-appuntament mal-qarrejja tiegħu bit-tieni parti tar-raba’ artiklu mis-sensiela Lejn mappa tad-dinja bil-Malti. Artiklu ieħor hu ta’ Ġużi Gatt li din id-darba jispjega d-differenza bejn blat, xaħx, ramel u raba’ grass.
It-tielet taqsima tinkludi żewġ artikli dwar seminars li saru f’Malta, wieħed dwar is-sessimu fil-lingwa u l-ieħor dwar it-traduzzjoni u l-integrazzjoni. Ivan Said iżomm ukoll l-appuntament tiegħu b’artiklu dwar traduttur mill-imgħoddi – Wzzinu – li niżel fl-istorja bħala traduttur tal-ewwel ktieb bil-Malti stampat.
Insibu wkoll il-kontribut tat-terminologi bis-suppliment li huwa kontinwazzjoni ma’ dak tal-ħarġa ta’ qabel: Produzzjoni sostenibbli permezz tal-aqwa tekniki disponibbli.
Tinsewx issegwuna wkoll fuq facebook (facebook.com/accentmt/), u nilqgħu kull kumment, kritika u idea biex l-aċċent nagħmluh aħjar.
Il-pubblikazzjoni ssibuha wkoll online: http://ec.europa.eu/translation/maltese/magazine/mt_magazine_en.htm
Alan Delia
Koeditur