It-Tagħlim tal-Malti f’Pajjiż Bilingwi

Stqarrija għall-istampa

Dan l-aħħar il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ippropona bidliet fil-kurrikulu tat-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel sekondarji li jagħmlu distinzjoni kemm bejn il-Malti kif jintgħallem bħalissa u l-Malti bħala lingwa barranija, kif ukoll bejn il-Malti ta’ xejra “akkademika” u l-Malti “applikat”.

Aħna ma naqblux li ċ-ċittadini Maltin jagħmlu l-eżami tal-Matsec tal-ilsien nazzjonali tagħhom bħala lsien barrani jew bħala t-tieni lingwa. Lanqas ma naqblu mal-proposta li dawk li jkollhom ġenitur jew kustodju barrani jiġu eżaminati fil-Malti bħala lsien barrani jew bħala t-tieni lingwa. Ir-raġunijiet huma erbgħa.

Qabelxejn, dawn id-distinzjonijiet imorru kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta, li fiha hemm stabbilit li l-Malti hu l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta, u li, mal-Ingliż, hu l-ilsien uffiċjali ta’ pajjiżna. Imorru wkoll kontra l-Att dwar l-Ilsien Malti, li jagħraf li l-Malti “huwa l-Ilsien ta’ Malta u element ewlieni tal-identità nazzjonali tal-Maltin”, u għalhekk jistqarr li “l-Istat Malti għandu jipprovdi biex l-istudju tal-Ilsien Malti fil-manifestazzjonijiet lingwistiċi, letterarji u kulturali tiegħu jingħata dejjem importanza prijoritarja fl-iskejjel, kemm dawk statali kif ukoll dawk li mhumiex, sa mis-snin bikrin tat-tagħlim taċ-ċittadini Maltin kollha.”

It-tieni, miżuri bħal dawn jissarrfu fi ħsara lill-bilingwiżmu fil-pajjiż. Fid-dawl tar-riċerka estensiva li turi l-benefiċċji tal-bilingwiżmu għall-iżvilupp intellettwali tal-individwi u tal-vantaġġi soċjo-ekonomiċi li jġib miegħu, aħna nemmnu li ċ-ċittadini Maltin m’għandhomx jagħmlu eżamijiet tal-Matsec la tal-Malti u lanqas tal-Ingliż bħala lingwa barranija jew bħala t-tieni lingwa. Jekk hemm sezzjonijiet tal-poplu li qed jinqatgħu jew mhumiex esposti għal bilingwiżmu sħiħ, allura rridu nagħmlu sforz ikbar, u mhux iżgħar, biex insaħħu t-tagħlim tal-Malti u tal-Ingliż fost dawk kollha li jgħixu Malta.

Huwa għalhekk li naqblu:

(a) mal-Politika Lingwistika għas-Snin Bikrin f’Malta u f’Għawdex (2016), mal-Language Education Policy Profile for Malta (2015) u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex (2014) li jagħrfu li l-bilingwiżmu għandu jitħaddem fis-snin kollha tal-edukazzjoni obbligatorja;

(b) u mal-parir tal-esperti mit-Taqsima tal-Politika tal-Lingwa fil-Kunsill tal-Ewropa li Malta għandha tidher aktar bħala pajjiż bilingwi, anzi multilingwi, minflok pajjiż ikkaratterizzat bi gruppi monolingwi separati.

It-tielet, nifhmu li sillabi differenti mpoġġijin fl-istess livell, dak tal-Malti ordinarju, se jwasslu għal differenzi u inugwaljanzi fost l-istudenti. Dan imur kontra l-għanijiet ta’ ċertifikat mogħti abbażi ta’ kurrikulu komuni, li għandu jservi ta’ qafas għall-impjieg u l-edukazzjoni postsekondarja. Nemmnu li t-tagħlim tal-Malti u tal-Ingliż, bl-istess impenn u enerġija, għandu jkun mezz mill-aqwa, mhux ta’ segregazzjoni bejn dawk kollha li jgħixu Malta u Għawdex, imma ta’ integrazzjoni u inklużjoni soċjali. M’għandux ikollna tfal u żgħażagħ esklużi minn xi qasam jew ieħor tas-soċjetà għax ma jkollhomx ħakma tajba tal-Malti u tal-Ingliż.

Ir-raba’, il-Malti hu lsien ta’ komunità żgħira, mitkellem minn nofs miljun ruħ, bi preżenza limitata fid-dinja diġitali. L-Istat Malti, bħalma jgħid l-Att dwar l-Ilsien Malti, “għandu jkun minn ta’ quddiem biex joħloq l-opportunitajiet kollha possibbli għall-iżvilupp tal-Ilsien Nazzjonali u jara li jkollu d-dinjità li tixraqlu.” Dan isir mhux billi studenti, ġejjin mnejn ġejjin, jagħmlu eżami tal-Malti bħala t-tieni lingwa jew bħala lingwa barranija, iżda billi jingħataw aktar mezzi u riżorsi xierqa lill-istudenti u lill-edukaturi biex l-istudenti kollha f’Malta jkollhom l-aqwa ħiliet lingwistiċi fil-Malti u fl-Ingliż. L-iskejjel ma jistgħux jaħdmu waħedhom. F’pajjiżna rridu nrawmu kultura li fiha l-lingwi tagħna jintużaw bl-aħjar mod possibbli, fl-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż. Iż-żewġ ilsna tagħna jridu jkunu aktar viżibbli f’kull qasam, mis-sinjali fit-toroq u l-postijiet pubbliċi sal-internet.

Fil-qosor, il-proposti tagħna huma:

a) Ċertifikazzjoni tal-Matsec

Iċ-ċertifikazzjoni tal-Malti u l-Ingliż għall-barranin u għal oqsma differenti (imsejjaħ “applikat”) ma tistax tieħu post iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi essenzjali tal-Malti u l-Ingliż (MQF 3) għal dawk kollha li jgħaddu mis-sistema tal-edukazzjoni obbligatorja. Iċ-ċertifikat tal-Malti bħala lsien barrani ma jistax ikollu l-istess livell (MQF 3) taċ-ċertifikat tal-Malti tal-Matsec li jeżisti llum fl-aħħar tal-iskola obbligatorja.

b) Riżorsi għall-iżvilupp ta’ pedagoġija aġġornata

L-awtoritajiet tal-edukazzjoni f’pajjiżna jridu jaħdmu mill-qrib mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Università ta’ Malta, u entitajiet oħrajn biex jinvestu aktar fir-riżorsi għat-tagħlim tal-Malti lill-Maltin, fost l-oħrajn billi jinvestu fl-iżvilupp ta’ pedagoġija u riżorsi għat-tagħlim tal-Malti, u f’dizzjunarji u ċekkjaturi elettroniċi. Il-Gvern irid jagħmel minn kollox ukoll biex ikompli jgħin lill-pubblikaturi u l-kittieba Maltin, fost l-oħrajn billi jagħti aktar inċentivi finanzjarji u joffri aktar viżibilità lill-qasam tal-pubblikazzjoni ta’ kotba edukattivi, ta’ riċerka u ta’ letteratura li qatt ma kien daqshekk dinamiku u f’saħħtu.

ċ) Aktar programmi edukattivi

Għandna quddiemna opportunità kbira li niżviluppaw riżorsi ġodda għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin ta’ etajiet differenti u minn kulturi lingwistiċi differenti. Neħtieġu aktar programmi edukattivi komprensivi li jinqdew b’kotba, riżorsi awdjoviżivi u elettroniċi għat-tagħlim tal-Malti ħalli l-għalliema jkollhom il-mezzi biex jgħallmu u l-istudenti ta’ kull età jkollhom l-għodda biex jitgħallmu. L-għalliema u r-residenti barranin ilhom is-snin jitolbu li jiżdiedu r-riżorsi f’dan il-qasam importanti għall-iżvilupp tal-edukazzjoni f’pajjiżna u għall-integrazzjoni soċjali u kulturali. Inqas ma jkollna għalfejn niddistingwu bejn “Maltin” u “barranin,” iktar ikollna soċjetà ġusta u b’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

d) Il-lingwi f’oqsma differenti

Is-sistema tal-Learning Outcomes Framework diġà ħasbet għal livelli differenti u kwalunkwe proposta oħra hija żejda. Ma naqblux mal-introduzzjoni tal-Malti “Applikat” għax is-sistema l-ġdida diġà ħasbet għal min se jkollu livelli u ħiliet differenti. Minflok, jeħtieġ li l-awtoritajiet jinvestu fl-iżvilupp ta’ pedagoġija aġġornata u l-ħolqien ta’ riżorsi għat-tagħlim tal-Malti u l-Ingliż f’oqsma differenti. L-għarfien ta’ dawn il-lingwi f’oqsma differenti m’għandux jieħu post it-tagħlim tal-lingwa u l-letteratura bil-Malti u bl-Ingliż li huwa dritt taċ-ċittadini kollha li jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.

 It-28 ta’ Marzu 2018

 Firmatarji:

L-Akkademja tal-Malti

Id-Dipartiment tal-Malti, L-Università ta’ Malta

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)

L-Għaqda tal-Malti – Università

Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti

Għaqda Poeti Maltin

L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta

Dr Mario Aquilina (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)

Prof. Ivan Callus (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)

Dr James Corby (Id-Dipartiment tal-Ingliż, l-Università ta’ Malta)

Dr Sarah Grech (Centre for English Language Proficiency)

Dr Chris Gruppetta (Pubblikatur)

Ms Ann Marie Schembri (Kap tad-Dipartiment fl-Iskejjel tal-Knisja)

Ms Claire Zerafa (Kap tad-Dipartiment fl-Iskejjel tal-Knisja)

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.