Poeżiji – “Autunnale (Frammenti)” minn Ray Mahoney

Qed tfewwaħ il-furnata ta’ flgħaxija
Xħin jimla, l-għagħa tat-tfal, zuntier il-knisja, 
ħerġin, xuxithom, ta’ xemgħat mitfija
id-dħaħen trejjaħ f’lajmet it-tnikkira
lejn darhom wara s-siegħa tad-duttrina.
Mar-riħ li għadu jvenven b’nifs imqanqal
ta’ xlokk ħeddiel, jitħarrku taħt bankini
il-weraq mejjet li fix-xemx ta’ l-għodwa
ingħalaq, tkebbeb, tqarqaċ dejjem aktar, 
jiżżerżaq issa mill-ispralli għall-kantini.
Ix-xwejħa tal-isqaq iddomm iż-żibeġ
bejn swaba’ mgħaddma, mkemmxa, fuq ħoġorha,
filwaqt li tgħarrex sew b’għajnejn magħsura
sa tilmaħ liż-żagħżugħ li ġismu fileġ
f’tal-ħsad l-għelieqi, jkaxkar lejn il-għorfa.
L-imnara tnemnem, wiċċu qajla ddawwal,
mixħut f’mitraħ-benniena tal-ħaxixa 
bħal f’xewqa donnu l-lejla jrid itawwal
f’stħajjil u ħolm ta’ msaġar fuqanija
ikennu twapet ħodor, lwien demmija.
U r-riħ ma’ wiċċu sawwab, f’trofof xagħru,
u l-fur bajdan bħal tbikkem madwar rasu
fiċ-ċirċ iħuf ma’ slaleb biżantini …

 
RIMORS

Hawnhekk ma jfewħux friegħi ħadranija,
lanqas il-vjoli ta’ tfulija imbiegħda,
imkeffna f’solitudni ċassa, mbikkma,
ma jħeddlu s-sensi b’riħet l-għaxqa safja
tinġarr f’dirgħjan ir-riħ minn wara l-għolja.
Hawnhekk id-dawl imqartas f’nikotina,
bħal garigor iddur ma’ swaba’ sofor
u d-daħna li tinbaram b’sejf is-sikta
f’idejha, tal-qattiela, inkiss tidħol
sakemm il-wiċċ jiqras, għal mewt jitgħaddmu
ħaddejn żagħżugħ.  Hawnhekk fejn b’nifs maqtugħ
is-sider jilheġ minn gerżuma s-sogħla
tax-xorb u t-tartru sa ma r-riq jinbeżaq
bi ħjut id-demm li darba għajjex bniedem
illum tal-eqqel agunija l-għelm aħħari!

 

 
KUNĊERT GĦALL-PJANU (LILL-PJANISTA)

B’dirgħajk miftuħa bħal t’għasfur f’titjira
il-ġwienaħ mifruxin man-nifs imżiegħel
tal-majjistral,
B’xagħrak satin jitmewweġ bħalma l-baħar
jitliegħeb ma’ xufftejn imħabbtu sħuna,
lewn sbulet qamħa, xemx li tagħsar demmha,
B’fommok imħarrek fi tregħid il-kordi
moħbija jqattru diqa Venezjana
matul knali mħarsa m’nn ajkli w ljuni,
B’għajnejk iferrgħu nostalġija mxennqa
Fil-ħarsa ġawhar u kristall imnikket
ta’ sema mħeddel f’riħet stefanotis,
Sawwab in-noti bejn l-arazzi mwarrda
għad-dawl tax-xemgħa ħamra mill-gandlieri
U tilmaħ baħar jofrogħ, wita tħaddar
sal-qilla mragħwa tal-allat imgħaddba
issir il-bikja ta’ tarbija ltima.

 
PATETIKA

Minflok t’Ottubru l-posti tar-rużarju,
fuq wiċċu, ma’ ħaddejh, idomm iż-żibeġ
ta’ żlieġ il-għaraq ma’ kull grokk iċarċar
ma’ lħitu mgħakkra u jaqa’ fuq il-ħwejjeġ
darba nodfa llum imdennsa, mqattgħa.
Min ħabbu l-bieraħ meta kelmtu u flusu
kienu bħan-nofsinhar t’Awissu xemxi,
illum li għasar dehnu, legleg ġidu
idawwa ħarstu u b’tehmiza jiċħdu
quddiem il-bqija lib la jafu l-ġrajja
jiddieħku meta l-ġamra taħraq qmisu,
l-ispirtu moħħu jdallam
u jgerfex triqtu lura biex imut!

 

 

SENZA RANCORE

U l-għodwa tiegħmet sadid qares f’ħalqi,
kubrit u rmied it-twiebet li soffejt
xħin f’xenqa mxengla tlajt turġien altarek
u l-ward imtebba’ b’demmi b’qima offrejt.
Għax lejlek kien is-sokor tal-imxabba’
u l-ħedla għas-sajmin jgħixu f’stħajjil,
kien fih il-balzmu sħun ta’ tregħid ħżiemi;
il-moħba li misjuba mar-rampil.
‘mma l-għodwa raxxet l-ilma mniġġes tagħha
u minn sidirha ġwiebi mirra sqiet
san-nifs iħarħar seraq l-aħħar kelma
ta’ min, bla sogħba, ħabb għal darba u miet!

 

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.