Ħarġiet akkademiċi

Il-Malti – ħarġa 2021

Din il-ħarġa akkademika tinkludi fiha ħames taqsimiet: it-taqsima tal-kritika letterarji tinkludi studju ta’ Rev. Dr Charlò Camilleri dwar l-oratorju “Pawlu ta’ Malta” li fih jesplora kif Oliver Friggieri żewweġ il-prinċipju loġiku ma’ dak mitoloġiku sabiex jiċċelebra mument reliġjuż tant fundamentali fl-istorja tal-identità kulturali tan-nazzjon Malti. Dwar l-oratorju tant meqjum, Immanuel Mifsud jippreżenta studju li fih jistħarreġ l-idea ta’ Friggieri dwar Alla li, bil-moħbi, jiddetermina kemm il-perkors ta’ San Pawl, kif ukoll dak ta’ Malta u tal-abitanti tagħha. Maż-żewġ studji dwar l-oratorju Pawlu ta’ Malta, fis-sezzjoni tal-kritika letterarja nsibu l-istudju metikoluż ta’ Prof. Bernard Micallef dwar id-“diversi naħat u laqtiet” tar-rakkontar satiriku tan-narratur maħluq minn Ġwann Mamo f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka sabiex jesplora x’inhu – jekk hemm – l-iskop tas-satira mħaddma mill-awtur.

Fis-sezzjoni tal-lingwistika, Sinclair Bugeja janalizza numru ta’ traduzzjonijiet għall-Malti ta’ frażi fundamentali fid-Dewteronomju mill-Ebrajk, kif ukoll fl-Evanġelju skont San Mark mill-Grieg. Rev. Dr Paul Sciberras jittratta wkoll it-traduzzjoni tat-testi bibbliċi billi jistudja t-tħaddim tal-Malti minn Pietru Pawl Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg. Ivan Said janalizza kif Mikelanġ Camilleri, bħal Mikiel Anton Vassalli, influwenza l-iżvilupp tal-Malti modern permezz tat-traduzzjonijiet reliġjużi tiegħu li fis-seklu dsatax ġew imbuttati mill-Protestanti f’Malta. Fi studju ieħor fl-istess sezzjoni ta’ din il-ħarġa, Dr George Farrugia jiddiskuti jekk, fil-kuntest lingwistiku kontemporanju, aħniex qed nassistu għal tendenza ġdida fl-għoti tal-ġens Malti – dan jagħmlu billi janalizza mill-qrib in-nomi epiċeni u t-trattament differenti tagħhom fil-konfront tan-nomi ta’ ġens komuni.

F’taqsima oħra ta’ riċerka, Dr Sergio Grech jagħtina studju dwar il-Lux Printing Press fil-kuntest lokali tal-istampar tal-kotba u tal-ġurnaliżmu. Din il-ħarġa tinkludi wkoll riċensjoni ta’ In-Nar għandu Isem – il-kapulavur ta’ Gioele Galea li tfaċċa dan l-aħħar fix-xena letterarja Maltija u l-omelija ta’ Rev. Dr Charlò Camilleri li għamel fil-funeral ta’ Mario Azzopardi, li fiha għamel referenza għad-“diversi naħat u laqtiet” ta’ dan il-personaġġ eklettiku Malti b’mod partikulari għas-sehem ta’ Azzopardi fl-oqsma tal-letteratura, tal-edukazzjoni u tat-teatru.

Dan Il-Malti ġie dedikat lil dan il-ġgant tal-letteratura Maltija li ħalliena proprju fil-11 ta’ Marzu 2022, fl-età ta’ 77 sena. Fl-ispirtu dejjem fittiexi ta’ Azzopardi, din il-ħarġa tkompli tfittex qalb id-“diversi naħat u laqtiet” tal-lingwa u tal-letteratura Maltija li tant kien jgħożż; permezz tar-riċerka metikoluża tal-kontributuri ta’ din il-ħarġa, il-qarrejja jistgħu jkomplu jterrqu fid-dinja tal-akkademja li qatt ma tieqaf tindaga u tissorprendi.Il-Malti – ħarġa akkademika XCIV (2021) huwa pubblikazzjoni tal-Akkademja tal-Malti u din l-edizzjoni kienet fi ħsieb bord editorjali magħmul minn Dr David Aloisio (Editur), Prof. Albert Borg u Prof. Adrian Grima.


Il-Malti – ħarġa 2019

Il-WERREJ u L-EDITORJAL ta’ Dr George Farrugia


TAGĦRIF DWAR IL-ĦARĠA AKKADEMIKA TA’ IL-MALTI  XCII (2019)

L-Akkademja tal-Malti, flimkien mal-Klabb Kotba Maltin, ħarġet l-edizzjoni numru 92 tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha Il-Malti. Din l-edizzjoni hija editjata minn Dr George Farrugia u tiġbor fiha numru ta’ xogħlijiet akkademiċi. Flimkien ma’ Dr Farrugia, il-bord editorjali kien iffurmat minn David Aloisio, Phyllis Debono,  Dr Immanuel Mifsud u Ann Marie Schembri.

Din il-ħarġa hija mżewqa b’bosta taqsimiet li jiġbru fihom xogħlijiet ta’ natura differenti. Fit-taqsima tad-Diskorsi nsibu tliet xogħlijiet li tnejn minnhom, ta’ Trevor Żahra u ta’ Prof. Stanley Fiorini, saru f’okkażjonijiet ta’ tnedija ta’ kotba filwaqt li l-ktiba ta’ Dr Mario Cassar kienet ippreżentata mill-awtur f’waħda mit-taħditiet li organizzat l-Akkademja. Il-ktiba ta’ Prof. Fiorini hija bbażata fuq diskors li kien għamel fit-tnedija tal-ktieb ta’ Rev. Dr Martin Micallef Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex li saret fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton nhar il-25 ta’ Frar 2020. F’din il-ktiba Fiorini jispjega kif kurċifiss li kien jitqies mirakoluż spiċċa proprju fid-dar tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis. Fil-kuntest ta’ din il-ġrajja Fiorini jagħtina tagħrif ieħor interessanti dwar ir-rabta li De Soldanis kellu mal-Kapuċċini t’Għawdex u mal-Kapuċċini ħbieb tiegħu, fosthom Patri Pelaġju. Id-diskors ta’ Trevor Żahra, li kien sar bħala d-diskors tal-għeluq fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb tiegħu Vespri, huwa diskors konċiż iżda profond u jiffoka dwar dak li  verament iqanqal lill-kittieb biex jikteb. Fid-diskors tiegħu, ibbażat fuq taħdita li kien ta huwa stess fis-sensiela ta’ taħditiet organizzati mill-Akkademja, Dr Mario Cassar jitkellem fuq William Wolkowski, poliglotta u kaligrafista Franċiż ta’ nisel Pollakk. Mill-1987 Wolkowski beda jsawwar għadd ta’ proġetti multilingwi msejsin fuq kwotazzjonijiet ta’ personaġġi u awturi famużi. F’dawn il-kollezzjonijiet ġieli dehru kampjuni bil-Malti, fosthom traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ awturi kbar, testi bibliċi u reliġjużi u ġabra ta’ poeżiji Marjani bil-Malti.

It-taqsima tal-Kritika Letterarja hija l-aktar taqsima li tiġbor fiha xogħlijiet f’din il-ħarġa akkademika. Fix-xogħol tiegħu “‘Malta wkoll miegħek titgħannaq’ – Sejba ta’ poeżiji ġodda tal-Prof. P. Anastasju Cuschieri, Karmelitan” Dr Charlò Camilleri O.C. jinkludi poeżiji tal-Prof. P. Anastasju Cuschieri bil-Malti u bit-Taljan li sab wara l-pubblikazzjoni tal-edizzjoni kritika tal-Poeżiji Miġbura fl-2013, frott tar-riċerka tiegħu li baqgħet u għadha għaddejja. Charles Casha jittratta l-umoriżmu fil-letteratura Maltija fil-ktiba li għandha sewwasew dan it-titlu. Casha jargumenta li l-umoriżmu jista’ jkun biċċa għodda tajba f’idejn il-kittieb biex jittratta problemi soċjali jew personali. “Proża Popolari Maltija kontra l-Komuniżmu” hija ktiba ta’ Sergio Grech li tiffoka fuq perjodu politiku partikolari ta’ pajjiżna u kif dan ġie rifless fil-letteratura ta’ żmienu. L-artiklu ta’ Emanuel Tanti jitkellem dwar l-insularità psikoloġika, soċjali, morali u politika f’żewġ rumanzi: Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo u What Happens in Brussels stays in Brussels ta’ Ġużè Stagno. L-aħħar xogħol fit-taqsima tal-kritika letterarja huwa l-istudju tal-Prof. Adrian Grima, intitolat “Ħelsien u n-narratur li dejjem jindaħal”. L-argument prinċipali fl-istudju tiegħu huwa li l-leħen narrattiv eterodijeġetiku, li fit-terminoloġija fundamentali ta’ Gérard Genette huwa ta’ xi ħadd li mhuwiex wieħed mill-karattri, dejjem jindaħal fir-rakkont biex jagħtina l-perspettiva tiegħu.  Grima jiddiskuti dan l-aspett fundamentali tan-narratoloġija u japplikah għar-rumanz Ħelsien ta’ Ġużè Bonnici.

Fit-taqsima tar-Riċerka Storika nsibu x-xogħol ta’ David Agius Muscat li jeħodna lura fl-ewwel xhur ta’ meta Malta kisbet il-libertà tal-istampa. Waqt li kien qed jeżamina wieħed mill-ewwel ġurnali bil-Malti, Il Kaulata Maltia (1839), Agius Muscat sab li t-tielet u l-aħħar ħarġa li għandna f’idejna ta’ dan il-ġurnal fiha siltiet minn ‘Stedina’ ta’ Mikiel Anton Vassalli. Fl-istess artiklu Agius Muscat jagħti wkoll tagħrif ġdid fuq Mikelanġ Camilleri, kittieb tas-seklu 19.

Ix-xogħlijiet ta’ Mons. Lawrenz Cachia u ta’ Paul Zahra huma żewġ xogħlijiet ta’ natura lingwistika li jkomplu jżewqu l-għażla wiesgħa ta’ suġġetti varji f’din il-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti. Fix-xogħol tiegħu Zahra jitkellem fuq l-importanza taż-żamma tal-kuntest kulturali tat-test sors u tal-elementi lessikali, kemm dijakroniċi kif ukoll sinkroniċi, fil-proċess tat-traduzzjoni li tinvolvi testi letterarji u nonletterarji. Mons. Cachia jiddiskuti l-verbi bl-ewwel radikali W.

Fit-taqsima tal-Intervisti nsibu x-xogħol ta’ Ivan Said, mibni fuq intervista li Toni Cortis kien għamel lill-Kardinal Prospero Grech OSA dwar il-ktieb Dun Karm – Poet of Malta tal-Professur Arthur John Arberry.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll riċensjoni magħmula mill-Prof. Charles Briffa dwar il-poeżija ta’ Jonathan Balzan, imsejsa fuq it-tliet kotba tal-poeta Irdieden – Poeżiji (2013), Kilometri – Poeżiji (2016) u Madwar Ħajti – Poeżiji (2018). Balzan huwa poeta kontemporanju li skont Briffa jgħarrex il-valuri umani tal-kontemporanjetà bl-istil partikolari tiegħu – “stil li meta nifluh nilmħu sitwazzjoni interessanti għax il-poeżija ta’ Balzan turina qagħda ta’ moħħ b’xejriet meqjusa li jattiraw l-attenzjoni u jqajmu l-kurżità”.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll rendikont metikoluż, miktub mis-Segretarju attwali Joe Borg, dwar il-ħidma tal-Akkademja bejn is-snin 2013 – 2015. Fl-aħħar tal-pubblikazzjoni nsibu linji gwida għall-edituri u l-bordijiet editorjali ta’ Il-Malti. Dawn il-linji gwida huma utli ferm ukoll għal dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu xi xogħlijiet għall-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Akkademja tal-Malti.

Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti hija ddedikata lill-memorja tal-għażiża Marlene Mifsud Chircop, riċerkatriċi dwar bosta oqsma marbuta mal-folklor Malti, li ħallietna fis-26 ta’ Awwissu tal-2020.



L-EDITORJAL ta’ Dr Mario Cassar

Għodod Meħtieġa

Fl-1924, bis-saħħa ta’ mozzjoni mressqa mill-membru parlamentari Laburista Turu Mifsud, il-Gvern aċċetta li jippubblika l-grammatika tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, it-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, miktub minn Ninu Cremona u Ġanni Vassallo. Sal-lum dan il-ktieb għadu meqjus bħala x-xogħol fundamentali fuq l-ortografija u l-grammatika tal-Malti. Fis-snin tletin, imbagħad, l-istess Cremona, bl-għajnuna ta’ Ġanni Cilia, ħareġ Tagħlim fuq il-Kitba Maltija – L-Ewwel Ktieb: Ortografija u Gramamtika (1934) u Tagħlim fuq il-Kitba Maltija – It-Tieni  Ktieb: Grammatika u Sintassi. Dawn iż-żewġ volumi flimkien jikkostitwixxu, fil-fehma ta’ ħafna, l-aħjar grammatika ta’ lsienna li qatt ġiet ikkompilata.

Biex taġġorna l-ortografija tal-Malti u fl-istess waqt tikkodifika xi rqaqat li kienu qed joħolqu ftit diżgwid fost il-kittieba, l-Akkademja tal-Malti eventwalment ħarġet iż-Żieda mat-Tagħrif (1984) u Aġġornament tat-Tagħrif (1992). L-istess Akkademja, fl-2004, ippubblikat Tagħrif fuq il-Kitba Maltija II li għaqqad b’mod kritiku x-xogħol oriġinali ta’ Cremona maż-żewġ dokumenti importanti li għadna kif semmejna, anki jekk bħala appendiċi. Ix-xogħol seminali ta’ Cremona jibqa’ utilissimu, iżda jidhrilna li wasal iż-żmien li l-istudent, il-ġurnalista, l-akkademiku, u l-kittieb lokali llum għandhom bżonn grammatika ġdida tal-Malti li tabilħaqq tirrifletti l-qagħda kontemporanja ta’ lsienna. Din il-grammatika għanda tibqa’ fis-sew leali lejn l-ideat essenzjali ta’ Cremona, imma fl-istess waqt trid tinkorpora r-riforma ortografika li fassal il-Kunsill tal-Malti bis-saħħa tad-dokument Deċiżjonijiet I (2008) fuq il-varjanti ortografiċi fil-Malti, u ħwejjeġ oħra li għadhom, b’xorti ħażina, pendenti, fosthom ir-regoli dwar l-Angliċiżmi fil-Malti.

Minkejja r-rispett kbir li kulħadd għandu jkollu lejn Cremona, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li xogħlu, tajjeb kemm hu tajjeb, jinkludi għadd ta’ żbalji nozzjonali, li jridu jiġu riveduti jew addirittura kkoreġuti. Il-grammatika ġdida tal-Malti li għandna bżonn trid (a) tkun dħulija, sempliċi, u ċara, b’tali mod li tevita spjegazzjonijiet laborjużi; tinkorpora ż-Żieda, l-Aġġornament, u d-Deċiżjonjiet f’volum wieħed (biex ma jibqgħux sparpaljati fi tliet dokumenti separati); u tħaddem terminoloġija aktar aġġornata u sofistikata (eż. ġeminazzjoni, inflessjoni, vokali ewfonika, suffissi prenominali, element preformattiv, eċċ.). Nemmnu li għandna lingwisti u grammatiki bravissimi li kapaċi jwettqu dan il-proġett, verament diffiċli, imma assolutament neċessarju.

Għandna bżonn ukoll dizzjunarju Malti aġġornat. Dak ta’ Aquilina ħareg bejn l-1987 u l-1990, jiġifieri issa ilu f’idejna tletin sena. Qdiena tajjeb u ħaffilna x-xogħol, imma issa ejjew nammettu li qdiem. Jekk xejn, mhuwiex konformi mar-regoli l-ġodda u f’retrospettiva jsofri minn lakuni notevoli. Xi lessikografi, bħal Joe Felice Pace, ħarġu fil-frattemp xi żidiet utli. Oħrajn, bħal Charles Briffa, tabilħaqq introduċew għadd ġmielu ta’ vokabuli ġodda fid-dizzjunarji tagħhom. Sar ħafna xogħol siewi wkoll minn numru sabiħ ta’ tradutturi fuq registri speċifiċi, speċjalment fuq oqsma tekniċi u professjonali li jistgħu jaqdu tajjeb il-ħtiġijiet lessikali ta’ żmienna. Madankollu miklem komprensiv, bl-istess nifs u dettall ta’ Aquilina, għad irid jara d-dawl. Nafu li qed jinħema dizzjunarju elettroniku li jirrekjedi ħafna ħin u dedikazzjoni. Hux forsi l-każ li sakemm jiġi konkluż dan il-proġett ambizzjuż, tiġi kkompilata lista (word list), eżawrenti kemm jista’ jkun, tal-lessiku Malti, elenkat f’ordni alfabetiku. Almenu dak li jkun jista’ jikkonsultaha biex jassigura l-korrettezza ortografika tal-kliem, b’konformità mar-regoli attwali.

Għandna bżonn ukoll bħal-ħobż ċekkjatur elettroniku (spell checker) tal-Malti. Minn informazzjoni affidabbli li għandna f’idejna jidher li qed nersqu, imma nisperaw li dan il-proġett ma jmutx fuq ruħ ommu. Ejjew nammettu li l-livell tal-Malti miktub fuq l-internet huwa abiżmali. Iċ-ċekkjatur mhux ħa jsolvi kollox, imma żgur li sa jgħin qatigħ biex l-affarijiet jitjiebu b’mod konsiderovoli.

Fl-aħħarnett nixtiequ li d-dokument imħejjji mill-Kunsill tal-Malti fuq l-kitba tal-kliem ta’ nisel Ingliż jara d-dawl tax-xemx mill-aktar fis possibbli. Saret konsultazzjoni wiesa’. Smajna l-qniepen kollha. Imma issa wasal iż-żmien li nieħdu deċiżjoni, anki jekk ma tkunx id-deċiżjoni mixtieqa minn kulħadd. Anki dan il-proġett, li sar bil-ħidma għaqlija ta’ diversi nies dedikati, ma jistax jibqa’ jrabbi l-għanqbut fuq l-ixkaffa. Appena dan id-dokument (Deċiżjonijiet 2) jikseb it-timbru uffiċjali, inkunu nistgħu nibdew naħsbu fuq il-varjanti fonetiċi (Deċiżjonijiet 3) biex b’hekk inkompli nnaqqsu l-inċertezzi li kultant ifixkluna.

Kemm l-istudent kif ukoll l-istudjuż tal-Malti għandu bżonn l-għodda biex jaħdem. L-għodod kollha li semmejna huma assolutament meħtieġa biex nersqu lejn xi forma ta’ konsistenza u standardizzazzjoni. Dan ma jistax isir fi klima ta’ pika u ostilità. Kien hemm min ikkontesta xi deċiżjonijiet li ttieħdu fl-imgħodd … u kellu kull dritt. Anki xi wħud minna, fuq livell individwali, kellhom ir-riservi tagħhom, wara kollox. Imma f’ġieħ l-imħabba li għandna lejn ilsien pajjiżna, ejjew inwarrbu l-intransiġenza u l-orgolju tagħna. Inħallu l-lingwisti esperti jaħdmu bil-kwiet … u nħalluhom jikkonkludu b’mod seren. Jekk sa nibqgħu nkaxkru saqajna minħabba l-ideat ‘prezzjużi’ tagħna sa nħallu l-Malti jgħum fil-limbu tad-dubji. Min hu komdu u kuntent b’dan ix-xenarju?


IL-MALTI 2015 (qoxra) jpg

L-EDITORJAL ta’ Dr Olvin Vella

Fl-aħħar snin, l-Akkademja organizzat għadd ta’ taħditiet fuq il-lingwa u l-letteratura. It-taħditiet kienu kollha bbażati fuq riċerka akkademika u għalhekk infittxu biex nippubblikawhom f’Il-Malti, li qed isaħħaħ il-profil tal-Akkademja bħala organizzazzjoni li ġġib ’il quddiem ir-riċerka ta’ studjużi stabbiliti u oħrajn żgħażagħ. Din il-ħarġa fiha studji fuq il-pronunzja, l-ortografija, il-grammatika, u x-xogħlijiet letterarji ta’ Ellul Mercer u Mamo.

L-istudju dettaljat ta’ Olivia Borg jagħti ħarsa lejn kif Ellul Mercer jippreżenta l-karattri femminili u maskili, u kif dawn jaraw lil xulxin fir-rumanz ċelebri tiegħu.

Dr George Farrugia jittratta l-ġens grammatikali fil-Malti f’perspettiva usa’ minn dik li nħarsu lejha s-soltu. Il‑kelliema tal‑Malti jikklassifikaw in‑nomi billi jassoċjaw magħhom ġens jew ieħor. Dan kollu jinvolvi bosta proċessi mentali, proċessi ta’ assoċjazzjonijiet u analiżi kontinwi  li ħafna drabi lanqas il‑kelliem innifsu ma jkun konxju tagħhom.

L-istudju ta’ Reno Fenech hu kontribuzzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ regola ortografika tal-1984 li għadha tħabbatna meta niġu biex niktbu xi kliem ta’ nisel Rumanz. Din ir-regola titlob mingħandna tagħrif etimoloġiku li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed insibuh diffiċli minħabba li naqset il-familjarità tal-Maltin mat-Taljan. Ma għandniex xi ngħidu, fil-każ tal-kliem imnissel minn xi djalett Sqalli, id-diffikultà tikber għax kull djalett Sqalli jista’ joffri forom differenti tal-istess kelma.

Dr Bernard Micallef jistħarreġ il-mod kif in-narratur ta’ Juan Mamo jirrakkonta b’konvinzjoni żuffjettuża ġrajja li qatt ma setgħet seħħet, billi jippreżentaha mill-perċezzjoni żbaljata tal-karattri raħlin involuti fiha. Dan l-istudju juri l-istrateġiji narrattivi li bihom Mamo jagħmel lin-narratur u lill-qarrej kompliċi mal-imġiba retrograda u provinċjali li eventwalment tiġi kkundannata.

L-istudju ta’ Christina Sammut huwa l-ewwel xogħol ippubblikat li jagħti ħjiel tal-firxa ta’ pronunzja bħal jaqraħħa (“jaqraha”) u ftit iħalli dubju li, ’il quddiem, dil-firxa se tieħu mal-pajjiż kollu.

Fi tmiem il-volum qed inkomplu nagħtu rendikont tal-ħidma tal-Akkademja fis-snin 2009-2013. Kienu erba’ snin ta’ ħidma kontinwa u ġeneruża. Dħalna għal inizjattivi ġodda, ewlenin fosthom l-organizzazzjoni tal-Premju tal-UE għall-Kittieba Emerġenti. Fittixna wkoll il-kollaborazzjoni ta’ entitajiet differenti għax konvinti li ħaddieħor ukoll jimpurtah mit-trawwim tal-ilsien u tal-letteratura. Irrodd ħajr lill-membri kollha tal-Kunsill tad-dedikazzjoni tagħhom, tal-kritika kostruttiva, u fuq kollox tal-ispirtu ta’ ħbiberija li wrew fil-laqgħat u fil-komunikazzjonijiet tagħhom.


L-EDITORJAL ta’ Carmel Azzopardi

F’din l-edizzjoni ta’ Il-Malti nsibu tiżwiqa ta’ xogħlijiet ta’ valur li jittrattaw diversi aspetti: l-aspett storiku, l-aspett soċjokulturali, l-aspett lingwistiku u l-aspett letterarju. L-istudji jkopru medda wiesgħa ta’ żmien, mir-riċenti ddokumentat u rriċerkat saż-żminijiet imbiegħda. Xogħol ir-riċerkatur li jgħarbel dawn l-aħħar żminijiet, iż-żminijiet imbiegħda, forsi jitlob sforz akbar għax  l-istudjuż irid jistad għall-informazzjoni għal sigħat twal, xogħol metikoluż u ta’ paċenzja li bosta drabi jħallih bil-ġewlaq vojt mingħajr l-iċken vopa.  Il-kitbiet bikrin li jitkellmu fuq Malta, fuq il-Maltin jew fuq l-ilsien Malti, aktar u aktar jekk miktubin bil-Malti, ma jinstabux bil-gzuz u l-anqas jinstabu kif ġieb u laħaq. U għax rari u mhux disponibbli jakkwistaw aktar valur, bħal frotta bnina fi staġun niexef qoxqox.

F’dan il-kuntest takkwista valur imprezzabbli l-Kantilena ta’ Pietru Caxaro miġjuba għad-dawl minn Patri Mikiel Fsadni u Godfrey Wettinger. Hawnhekk m’għandniex frotta waħdanija iżolata, imma siġra godlija mtaqqla bi frott bnin.  Fiha m’għandniex kelma waħda, frażi jew sentenza iżda poeżija sħiħa ta’ għoxrin vers miktuba f’nofs is-seklu ħmistax. Hi ġawhra imprezzabbli li toffri lill-istudjuż mhux biss tagħrif siewi fuq l-ilsien Malti f’din il-fażi bikrija tal-evoluzzjoni tiegħu, tagħrif fuq il-grammatika, il-lessiku, il-fonoloġija, l-influss tar-Rumanz u l-idjoma, iżda wkoll il-possibiltà li jislet tagħrif importanti li jitfa’ dawl fuq l-aspett storiku u soċjokulturali tal-perjodu u fuq l-ewwel tentattiv ta’ kitba letterarja.

Ma jistax jonqos li l-Kantilena toħroġ bħala l-primadonna fost il-kitbiet li jittrattaw iż-żminijiet imbiegħda.  Minbarra l-aċċenn li jagħmel għaliha Carmel Cassar fl-istudju “Il-Malti fi Żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann” fejn jgħid li l-Malti miktub fil-Kantilena jirrifletti l-Malti miktub tal-perjodu,  f’din l-edizzjoni ta’ “Il-Malti” nsibu żewġ studji li jitkellmu fuq il-Kantilena jew fuq aspetti marbutin magħha: “Pietru Caxaro, Uliedu u Omm Uliedu” ta’ Godfrey Wettinger u “Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro: Bejn Lingwa u Storja” ta’ Stanley Fiorini.

Godfrey Wettinger jagħtina dettalji interessanti dwar il-ħajja soċjali u l-intriċċi tagħha fi żmien Caxaro, dwar it-trabi tan-nisa lsiera, dwar kif il-mara lsira ħafna drabi kienet tintuża bħala l-konkubina tas-sid tagħha; jagħtina tagħrif fuq l-istess Caxaro, dwar il-fatt li minkejja li kellu t-tfal minn Mika, l-ilsira tiegħu, hu kien baqa’ ġuvni u kien xtaq jiżżewweġ lil Francha de Biglera imma dan iż-żwieġ baqa’ ma seħħx.  Dan it-tagħrif fuq il-poeta Caxaro jista’ jagħti ħjiel dwar it-tifsira ta’ l-istess Kantilena:  possibbli li meta Caxaro fil-poeżija tbekka d-dar li waqgħetlu għax kienet mibnija fuq ir-ramel kien qed jirreferi għaż-żwieġ tiegħu li baqa’ ma seħħ qatt?

Stanley Fiorini fl-istudju “Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro: Bejn Lingwa u Storja”, filwaqt li jagħtina tagħrif storiku siewi ħafna, b’mod partikulari fuq il-ħajja tal-istess Caxaro, janalizza l-poeżija minn aspett lingwistiku u joħroġ numru ta’ konklużjonijiet. Il-Kantilena tagħti ħjiel tal-influwenza ta’ kulturi barranin; il-Malti tas-seklu XV kien diġà ddakkar mir-Rumanz u fil-poeżija nstabu qwiel ta’ nisel Sqalli. Fl-analiżi lingwistika tal-poeżija Fiorini jsemmi li l-Kantilena tagħtina tagħrif importanti dwar din il-fażi partikulari fl-evoluzzjoni tal-ilsien Malti.  Il-Malti tal-Kantilena kien diġà tbiegħed mill-Għarbi klassiku imma kien għadu ’l bogħod mill-Malti tal-lum. Fost it-tibdiliet li seħħew isemmi l-iżvilupp minn migħallimin u mirammiti tal-Kantilena għall mgħallmin  u (i)mrammti tal-Malti ta’ żmienna. Għall-preċiżjoni, ta’ min wieħed josserva li l-vokali i tas-sillaba inizjali fil-kelmiet migħallimin  u mirammiti mhix vokali tal-leħen iżda l-vokali tal-Għarbi li żżomm postha. Hwan naraw li r-riduzzjoni fil-vokali li sseħħ mill-Għarbi għall-Malti f’din il-fażi kienet għadha ma seħħitx. Dan jorbot ukoll ma’ kumment ieħor li jagħmel Fiorini dwar id-deċiżjoni li niktbu għasafar minflok agħsafar.  L-istess bħal fil-każ ta’ migħallimin  u  mirammiti hawnhekk m’għandniex vokali tal-leħen imma vokali fl-ewwel sillaba li żżomm postha. Mill-Għarbi għasafir niktbu għasafar.  Interessanti li hawnhekk ir-riduzzjoni li sseħħ f’forom oħra tal-istess binja, bħal  fil-kelma mkatar, fil-kelma għasafar  ma sseħħx, jiġifieri ma niktbux għsafar.  U ma sseħħx għax is-sekwenza inizjali għs fil-Malti mhix possibbli.  F’każi bħal dawn (eż. għamilt, għeluq) il-vokali tal-Għarbi dejjem iżżomm postha.

Kitba oħra li wkoll tittratta perjodu li jinkludi s-seklu XV, iż-żmien meta nkitbet il-Kantilena, hu l-istudju ta’ Godfrey Wettinger, “Tagħrif fuq il-Kultura Orali f’Malta Qabel ma Wasal l-Ordni”. Hawnhekk Wettinger jgħid li mis-seklu XIV sal-wasla tal-ordni tal-Kavallieri l-Maltin, bl-eċċezzjoni ta’ ftit professjonisti, kienu illitterati u għalhekk il-kultura popolari kienet waħda orali. Il-qasam orali kien jidher l-aktar fil-kant tal-knisja, għalkemm hemm il-probabilità li dan kien jinkiteb ukoll u għalhekk ma jibqax jagħmel parti għal kollox mill-kultura orali, fl-għana popolari li, l-istess bħall-kant tal-knisja, jista’ jkun li kien jinkiteb, u fil-kliem tas-snajja’.

Mill-aspett kronoloġiku l-istudju ta’ Carmel Cassar “Il-Malti fi Żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann”  ikompli fejn ħalla  Wettinger. Cassar janalizza fid-dettall il-qagħda ta’ l-ilsien Malti f’dan il-perjodu storiku.  Il-miġja tal-kavallieri qorrbot lill-Malta lejn l-Ewropa u b’mod partikulari lejn l-Italja mhux biss minn aspett reliġjuż u kulturali imma wkoll  minn aspett lingwistiku. L-attività fil-port u fil-bliet tal-qrib ħolqot il-ħtieġa li tintuża lingwa oħra minbarra l-Malti u din il-lingwa franka kienet it-Taljan. Cassar ifisser li f’dan il-perjodu l-għażla tal-ilsien mitkellem kienet ikkundizzjonata mill-kuntest: il-Maltin tal-kampanja kienu jitkellmu bil-Malti filwaqt li l-Maltin ta’ wara s-swar kienu jitkellmu bil-Malti bejniethom imma jużaw it-Taljan biex jikkomunikaw mal-barranin.  Il-Malti tan-nies tal-irħula kien Malti safi filwaqt li l-Malti tal-inħawi tal-port kien Malti korrott minħabba l-interfereza ta’ ilsna barranin. L-influwenza tat-Taljan tant kienet tinħass li kien hemm min anke wera l-biża’ li l-Malti għad jintilef.

Minbarra tagħrif siewi fuq l-istat tal-Malti f’dan il-perjodu, Cassar jagħtina, biex ngħid hekk en passant, tagħrif interessanti fuq l-aspett soċjali u soċjokulturali tal-epoka.  Cassar jikkwota diversi kitbiet bil-Malti ta’ din l-epoka biex jagħti eżempju u jsaħħaħ l-argumenti tiegħu u meta jagħmel dan jiddeskrivi l-kuntest li fih intuża dan il-Malti miktub. U f’din id-deskrizzjoni tal-kuntest insibu tagħrif dettaljat fuq l-intriċċi tal-ħajja ta’ kuljum, fuq l-inkwiżizzjoni u fuq is-sħarijiet.

Marbuta ma’ perjodu aktar qrib lejna nsibu tliet studji:  “L-Għanjiet Maltin li Ġabar Alberto Favara” ta’ Anna Borg Cardona, “Vassalli u l-Ambjent Borgian” ta’ Olvin Vella u “Il-Prietki Bikrin: Għajn Ewlenija għall-Istorja tal-Malti” ta’ Reno Fenech.  Fil-kitba tagħha Borg Cardona, minbarra li tagħti tagħrif awtobijografiku siewi fuq Favara, titkellem fuq tliet għanjiet Maltin miġbura minnu, tanalizzahom u anke tqabbilhom ma’ għanjiet oħra li jixbhuhom. Interessanti li, minbarra l-analiżi letterarja tal-għanjiet, Borg Cardona, dejjem bis-saħħa tax-xogħol li wettaq Favara, tagħtina wkoll il-melodija mużikali, aspett interessanti li jitfa’ dawl ġdid fuq l-għana Malti bikri.

Fil-kitba tiegħu Olvin Vella jagħtina tagħrif bijografiku siewi fuq Antonio Fulgari, l-istampatur ta’ Vassalli u dwar il-Kardinal Stefano Borgia, wieħed mill-kittieba awtorevoli u prominenti li kien jistampa għand Fulgari u kien anke jaf lil Vassalli.  Hawnhekk Vella japplika l-qawl Malti “għidli ma’ min tagħmilha u ngħidlek x’int” għal Mikiel Anton Vassalli.  Vassalli kien ħabib u midħla ta’ nies importanti u prominenti fil-qasam kulturali u din il-konoxxenza u ħbiberija tkompli tikkonferma l-istampa ta’ Vassalli bħala bniedem kolt u studjuż li kellu ideat li kienu avanzati ħafna għall-Maltin ta’ żmienu.

Reno Fenech jagħtina studju ddettaljat dwar is-sehem li kellhom il-prietki fl-iżvilupp tal-Malti miktub.  Qabel l-aħħar nofs tas-seklu tmintax il-prietki, għallinqas il-prietki li kienu jsiru għall-poplu illitterat, kienu x’aktarx isiru bil-Malti, imma ma kinux jinkitbu.  Kien hemm influwenza qawwija tal-kultura Taljana u fihom kien jidħol ħafna kliem ta’ nisel Rumanz.  Minħabba li ma kienx hemm ortografija standard, ħafna drabi l-predikatur kien jikteb il-prietka bit-Taljan imbagħad jimprovvizza u jaqlibha għall-Malti minn fuq il-pulptu. Wara nofs is-seklu tmintax, wara De Soldanis u Vassalli, il-prietki bdew jinkitbu aktar bil-Malti u kien proprju fil-qasam tal-predikazzjoni li l-Malti beda jinkiteb ta’ spiss u b’mod regolari.

Fix-xogħol ta’ Fenech insibu wkoll tagħrif dettaljat u interessanti dwar il-prietki inġenerali, dwar il-ġeneri differenti tal-prietka u dwar predikaturi Maltin li għamlu isem. Insibu wkoll bosta referenzi bikrin għall-prietki bil-Malti.

Fl-aħħar fażi tal-mixja kronoloġika tul din l-edizzjoni ta’ “Il-Malti” nsibu tliet kontribuzzjonijiet li tnejn minnhom jittrattaw awturi kontemporanji. Fil-kitba “Franġisku Saverju Attard (1877 – 1937) u l-Festa ta’ Marija Bambina 1918” Horatio Caesar Roger Vella jagħtina deskrizzjoni bijografika ta’ bużnannuh Franġisku Saverju Attard flimkien ma’ analiżi ta’ waħda mill-poeżiji tiegħu.  Żewġ elementi jispikkaw f’Attard, u forsi wkoll fl-awtur tal-istudju nnifsu:  l-imħabba lejn Marija Bambina u l-patrijottiżmu jew, biex inkun aktar preċiż, il-parrokkjaliżmu.  Fix-xogħol innifsu jispikka mbagħad id-dettall mogħti mill-awtur, imbuttat minn entużjażmu ġenwin, kemm fil-parti bijografika kif ukoll fil-parti deskrittiva u analitika.  Għall-preċiżjoni, ta’ min wieħed josserva li fl-analiżi ddettaljata tal-poeżija l-awtur mhux dejjem hu preċiż.  Ngħidu aħna fl-analiżi metrika jittratta l-vers tal-ħamsa mtenni, tronk jew wati, bħala vers tad-disa’ jew tal-għaxra.

Il-kontribuzzjoni ta’ Emanuel Psaila: “Il-Letteratura u l-Politika” – Il-Pubblikazzjoni ta’ Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri” tittratta xogħol ta’ awtur kontemporanju, Oliver Friggieri. L-istess titolu tal-istudju jagħti ħjiel tad-dibattitu bejn il-letteratura fuq naħa u l-politika fuq oħra, bejn l-inutilità tal-letteratura li ma tbiddel xejn u bejn l-utilità tal-politika li teżegwi u timplimenta.  Friggieri, il-poeta, rumanzier u kritiku, li kien diġà impenja ruħu politikament anke meta wera l-interess tiegħu li jipparteċipa fuq livell politiku u meta wera kif kien jaħsibha dwar is-sitwazzjoni f’Malta fis-snin 70 u 80, isib kompromess f’din id-dikotomija billi jikteb rumanz politiku. Psaila jibqa’ lura milli jikkomprometti ruħu u, aktar milli jesprimi fehmtu dwar il-valuri tal-kontenut tar-rumanz jew dwar kemm Friggieri rnexxielu jikteb letteratura li tkun utli u ġġib bidla, jikkonċentra fuq x’qal ħaddieħor f’dan id-dibattitu, kultant jaħraq, li qajjem ir-rumanz.  Fil-fatt il-parti l-kbira tal-kontenut ta’ Psaila hi ddedikata lil numru ta’ kwotazzjonijiet minn diversi awturi, politiċi u ħassieba li juru fehmithom, min favur ir-rumanz u min kontra.

Xogħol ieħor li jittratta awtur kontemporanju hu “Il-poeżija ta’ Maria Grech Ganado: Diwi ta’ Leħen Femminili” ta’ Olivia Borg.  F’dan l-istudju volumuż u ddettaljat Borg tanalizza x-xogħol letterarju tal-poetessa minn diversi aspetti. Titkellem fuq kif tinkwadra l-poetessa fl-istampa tal-letteratura Maltija. Grech Ganado hi l-artista taż-żmien tal-lum li tagħti lill-mara vuċi kontemporanja. Titkellem ukoll dwar ir-relazzjoni bejn il-poetesa u l-poeżija tagħha. Għall-poetessa l-poeżija hi żvog, l-istess ħajjitha; hi tirrifletti l-mumenti sbieħ u koroh ta’ ħajjitha ħafna drabi mċajpra bit-toqol li jissarraf f’għajta ta’ protesta. Tanalizza wkoll l-poeżija ta’ Grech Ganado mill-aspett stilistiku; l-istil imħaddem fil-poeżija jakkumpanja  l-kontenut; il-poeżija hi analizzata bħala lingwaġġ li jiddevja min-norma u minn din id-devjazzjoni tissawwar il-formazzjoni tal-mara tal-poetessa.

Ma jistax jonqos li l-aktar element li jingħata spazju fl-analiżi ta’ Borg hu t-tema tal-femminiżmu. Għalkemm Grech Ganado tiċħad li hi femminista, għallinqas fit-tifsira popolari tal-femminiżmu, hi fil-fatt femminista, għalkemm il-femminiżmu tagħha hu femminiżmu kkwalifikat u distint. Il-poeżija tagħha hi sejħa biex il-mara tieħu l-jeddijiet tagħha bla ma tippermetti li tkun żvantaġġata u mxekkla. Hi ma tattakkax u ma teskludix is-sess oppost imma titkellem fuq il-maskulinità u l-femminilità bħala ħaġa waħda; għalkemm tinsisti fuq id-dilemma tal-mara li trid issib lilha nfisha, tgħid li l-mara ma tistax tagħmel dan mingħajr is-sehem tar-raġel.

Kif wieħed jista’ josserva minn din il-ħarsa ġenerali lejn il-kontenut, din l-edizzjoni ta’ “Il-Malti” hi mogħnija b’numru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ valur li jagħmluha ħarġa interessanti daqskemm valida.  Nixtieq nagħlaq billi ngħid kelma ta’ radd il-ħajr, qabelxejn lill-awturi li taw il-kontribuzzjoni tagħhom u mbagħad lill-membri kollha tal-bord editorjali, b’mod partikulari lil Joe Borg li għen ħafna biex din il-ħarġa tasal f’idejkom.


Il-MALTI LXXIX – 2007

L-EDITORJAL ta’ Dr Marco Galea

Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti tagħlaq ċiklu ta’ sentejn fil-ħidma ta’ l-Akkademja tal-Malti. Il-kitbiet li jidhru hawnhekk huma frott it-tip ta’ riċerka li l-Akkademja tixtieq tara fil-qasam tal-Malti. Uħud mill-artikli huma r-riżultat dirett ta’ attivitajiet li wettqet l-Akkademja, meta stiednet studjużi prominenti jitkellmu dwar il-qasam tar-riċerka tagħhom. Fost l-artikli l-oħra hemm ukoll ix-xogħol ta’ studjużi aktar żgħażagħ, li aktarx se taqraw il-kitba tagħhom għall-ewwel darba. Magħhom imbagħad hemm artikli oħra ta’ studjużi magħrufa sew fil-qasam tal-Malti.

Il-bord editorjali għamel sforz biex minbarra li l-artikli jkunu kollha ta’ livell għoli, ikun hemm firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ suġġetti mill-oqsma kollha ta’ l-istudji Maltin. Ninsabu sodisfatti li dawn l-għanijiet ilħaqniehom, għalkemm naturalment inħallu lill-qarrejja jiġġudikaw.

L-esperjenza ta’ dawn is-sentejn bħala editur ta’ Il-Malti u president tal-Akkademja tal-Malti wrietni sitwazzjonijiet li qabel ma kontx midħla daqshekk tagħhom. Fi tmiem dan it-terminu naħseb li nista’ nitkellem dwar ir-rwol tal-Akkademja fil-kuntest soċjali u politiku ta’ żmienna, u f’relazzjoni ma’ entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-Malti u tal-kultura.

L-Għaqda Kittieba tal-Malti, li mbagħad saret l-Akkademja tal-Malti, intrabtet f’moħħ il-Maltin mal-alfabett, l-ortografija u l-grammatika tal-Malti. Bir-raġun. M’hemmx dubju f’moħħi illi kieku ma kinitx il-ħidma tal-pijunieri tal-Għaqda kmieni fis-seklu għoxrin, il-kitba bil-Malti llum hija ħafna inqas stabbli milli hi. Imma dan ix-xogħol irridu nqegħduh f’perspettiva usa’. In-nies li tawna l-alfabett li nużaw u stabbilew ir-regoli tal-grammatika kienu qed jaħdmu fil-qafas ta’ għaqda li tirrappreżenta l-kittieba. L-interess fl-ortografija qatt ma kien l-għan ewlieni tal-attività tagħhom. Kien biss il-mezz biex bħala kittieba Maltin ikunu jistgħu jikkomunikaw. Imma l-ewwel u qabel kollox kienu jqisu lilhom infushom bħala kittieba.

Ftit aktar minn sentejn ilu, bit-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, lill-Akkademja “tteħditilha” l-funzjoni li tkun il-kustodja ta’ l-ortografija u l-grammatika. Naturalment, l-Att dwar l-Ilsien Malti, li permezz tiegħu twaqqaf il-Kunsill, jirrikonoxxi x-xogħol li għamlet l-Akkademja f’dan il-qasam, u minbarra li l-Akkademja hija rrappreżentata fil-Kunsill imsemmi, trid tiġi kkonsultata f’diversi sitwazzjonijiet. Imma r-responsabbiltà l-kbira ta’ l-iżvilupp ta’ l-ortografija issa waqgħet fuq il-Kunsill.

Ħafna nies li tul ħajjithom taw sehemhom fl-Akkademja setgħu raw dan l-iżvilupp bħala umiljazzjoni għall-Akkademja. Imma naħseb li nistgħu nħarsu lejn is-sitwazzjoni minn naħa oħra. Għal ħafna snin in-nies kienu jħarsu lejn l-Akkademja bħala istituzzjoni li hija marbuta ma’ patrimonju prezzjuż imma li qed issibha bi tqila biex tamministrah. Jista’ jkun illi kieku fis-snin li għaddew l-Akkademja rriformat ruħha u dehret quddiem is-soċjetà bħala istituzzjoni dinamika li tista’ tagħti direzzjoni lill-Maltin quddiem l-isfidi l-ġodda li sab quddiemu l-Malti bil-firxa tat-teknoloġija tal-informazzjoni u bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, illum l-Akkademja kien ikollha aktar kontroll fuq kif tiżviluppa l-kitba tal-Malti. Imma minbarra li dan huwa kollu argument inutli, għaliex issa l-istorja seħħet kif seħħet, fir-realtà l-Akkademja naqsitilha xi ħaġa importanti mill-identità tagħha b’dak li ġara?

Nissogra ngħid li llum l-Akkademja tinsab f’sitwazzjoni aħjar biex tagħmel ix-xogħol tagħha. Il-missjoni ewlenija tagħha hija li ġġib ’il quddiem l-interessi tal-kittieba Maltin. U x’jistgħu jkunu dawn l-interessi? L-ewwel interess għandu jkun li titjieb il-kwalità tal-kitba tagħna kemm jekk aħna, studjużi, poeti, rumanziera, tradutturi jew ġurnalisti u l-bqija. Qatt ma nistgħu ngħidu li ma nistgħux nagħmlu aktar biex niktbu aħjar. Ma nistgħux inkunu kuntenti li l-Akkademja qed tagħmel biżżejjed f’dan il-qasam. Fl-aħħar sentejn organizzajna numru ta’ seminars u taħditiet li fihom għadd ta’ riċerkaturi kellhom il-possibbiltà li jiddiskutu r-riċerka tagħhom ma’ riċerkaturi, studenti u mal-pubbliku interessat fis-suġġett. Irridu nippruvaw nagħmlu xi ħaġa simili f’oqsma oħra. Irridu wkoll insibu mezzi biex il-kittieba Maltin ikollhom aktar kuntatti ma’ kittieba minn pajjiżi oħra, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Dan għandna nagħmluh kemm fuq livell individwali kif ukoll bħala organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-kittieba.

L-Akkademja trid taħdem ukoll fuq il-preżenza u l-viżibilità tal-kittieba u l-kitba tagħhom fis-soċjetà. Ma nistgħux nippretendu li dak li għandhom xi jgħidu l-kittieba jkun importanti daqs dak li jgħidu l-kantanti li nibagħtu għall-Eurovision, imma rridu nippruvaw noħolqu klima fejn il-kittieba, l-istudjużi, il-ġurnalisti serji, fi kliem ieħor, il-kategoriji li f’ambjenti oħrajn jitqiesu bħala l-intellettwali, in-nies li jaħsbu, ikollhom sehem ewlieni mill-mod kif tiġi ffurmata l-opinjoni pubblika f’pajjiżna. Ma nistgħux inweħħlu biss fis-soċjetà li mhix interessata fil-kittieba, irridu nsibu mezzi kif il-kitba (u b’kitba ma nifhimx biss il-letteratura, imma wkoll ir-riċerka u l-ġurnaliżmu) ssir aktar ċentrali għall-ħajja tal-pajjiż. Jekk l-Akkademja, li tirrappreżenta lill-kittieba, ma tibdiex diskussjoni bħal din, ma nafx min jista’ jkollu interess jibdieha.

Din il-preżenza trid tibda fuq livell istituzzjonali. F’pajjiżna, m’għandna ebda istituzzjoni li hija responsabbli mill-iżvilupp tal-letteratura. Jeżisti l-Kunsill tal-Ktieb, jeżisti l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, hemm il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti; ilkoll għandhom interess li jmexxu ’l quddiem il-letteratura Maltija u lkoll iwettqu inizjattivi f’dan is-sens, imma m’hemmx strateġija ċara ta’ x’inhu meħtieġ biex il-letteratura tagħna titjieb fil-kwalità u tinfirex aktar fost il-Maltin u l-barranin. Mhux qed ngħid li dawn il-kunsilli ma jaħdmux biżżejjed, għaliex naf biċ-ċert li jagħmlu ħafna iżjed milli hu mistenni minnhom bil-fondi li jingħatawlhom. Qed ngħid biss li ħadd qatt ma ħaseb li fuq livell governattiv hemm bżonn politika koerenti li tgħin il-letteratura tiżviluppa. Il-kittieba, bħall-produtturi tal-patata, għandhom bżonn appoġġ istituzzjonali biex jagħmlu xogħolhom aħjar, u meta jagħmluh, biex isibu suq għalih, u meta jbigħuh jitħallsu tiegħu. Jgħidu li l-letteratura kbira tinħoloq ukoll f’sitwazzjonijiet diffiċli, u allura m’għandhiex bżonn għajnuna, imma ma naħsibx li għandna l-lussu li nħallu l-politika tagħna f’idejn xi Pinochet jew Stalin biex naraw x’jiġri mil-letteratura tagħna.

Fil-qasam tar-riċerka s-sitwazzjoni mhix wisq aħjar. Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università huwa wieħed mill-iżgħar dipartimenti tal-lingwi f’termini ta’ riżorsi umani minkejja li jilqa’ numru kbir ta’ studenti kull sena. Għal għadd ta’ snin issa, id-dipartiment kellu effettivament professur wieħed tal-letteratura, waqt li pereżempju d-Dipartiment ta’ l-Ingliż għandu erbgħa, bejn professuri u għalliema oħra speċjalizzati fil-letteratura. Kif tista’ ssir riċerka serja fil-qasam letterarju jekk l-uniku dipartiment universitarju fid-dinja fejn suppost issir ir-riċerka dwar il-letteratura Maltija huwa daqshekk fqir?

Id-diskors dwar ir-relazzjoni tal-istituzzjonijiet mal-lingwa u l-letteratura Maltija jista’ jibqa’ sejjer. Imma naħseb li kollha kemm aħna nistgħu nġibu għexieren ta’ eżempji li kollha kemm huma juru li jonqosna ħafna biex nuru li l-oqsma marbuta mal-lingwa u l-letteratura Maltija neħduhom bis-serjetà li jistħoqqilhom. Imma fuq l-istituzzjonijiet l-influwenza tagħna tista’ tkun limitata. It-triq li forsi xi darba twassalna biex ikollna kultura li tqis il-Malti bħala riżorsa u mhux xkiel għall-iżvilupp tagħna bħala poplu tista’ tuża lilna bħala kittieba, studjużi, tradutturi, ġurnalisti, għalliema u l-bqija li nħaddmu l-Malti biex naqilgħu x’nieklu u għaliex għandna rabta intellettwali u emozzjonali miegħu. Imma biex dan jiġri rridu nuru li bħala kategorija u bħala individwi aħna nies li nafu xogħolna u li lesti nikkontribwixxu biex is-soċjetà li ngħixu fiha timxi ’l quddiem. L-Akkademja naħseb li għandha tkun is-simbolu ta’ dan l-impenn. Jekk ma tilqax din l-isfida, jitfaċċaw formazzjonijiet oħrajn li jagħmluna irrilevanti.


IL-MALTI  LXXVII – 2005

L-EDITORJAL ta’ Prof. Bernard Micallef

Ir-rivista Il-Malti tista’ tixxiebah ma’ rendezvous, post miftiehem li fih studjuż wieħed jiltaqa’ ma’ ieħor, daqskemm il-passat jiġi f’inkontru mal-preżent.  B’firxa ta’ studji marbutin ma’ xi qasam jew ieħor ta’ lsienna, ir-rivista Il-Malti mhux biss tqarreb lejn xulxin studjużi speċjalizzati fil-Malti, iżda sservi wkoll ta’ medjazzjoni bejn elementi tradizzjonali tal-Malti u l-ilħna l-ġodda li qegħdin iġeddu l-validità tagħhom

L-inkontru bejn epoki differenti tal-Malti mhux daqstant evidenti, għax il-passat irid jissellef il-vuċi tagħna fil-preżent biex jitħaddet.  It-tradizzjoni tal-Malti, fil-fatt, mhix il-passat, iżda dak kollu li diġà ngħad miftakar permezz ta’ leħen preżenti li għadu qed jgħid aktar dwaru.  Minkejja li d-dokumenti tal-imgħoddi diġà interpretaw il-materja li se nitkellmu fuqha, dawn id-dokumenti għandhom biss il-vuċi tagħna biex jesprimu ruħhom mill-ġdid, f’kuntest modern u b’metodoloġija aġġornata.

Ir-rivista Il-Malti għandha turi wkoll li l-konfini ta’ suġġett akkademiku ma humiex fissi.  Suġġett akkademiku jkompli jestendi ruħu sakemm ikompli jinbena – bħala dixxiplina ħajja – bejn id-diversi ilħna li qed jispeċjalizzaw fih.  Din ir-rivista tipprovdi l-faċilità li l-istudju ta’ lsienna jestendi ruħu bħala riżultat kontinwu ta’ sforz kollettiv, fi ħdan komunità akkademika li tiġġustifika l-eżistenza tagħha b’avvanz serju fis-suġġett li jinteressaha.  Komunità akkademika ma tinżammx ħajja b’karattru prestiġjuż biss, jew b’okkażjonijiet ċeremonjali.  Aktar tinżamm ħajja bi progress konkret fil-metodoloġija tagħha, u b’żieda ta’ perspettivi kolti li jestendu l-materja studjata.  Ir-rivista Il-Malti għandha tkun xhieda ewlenija ta’ dan l-avvanz akkademiku, billi tkun il-wirja tal-proċess ta’ maturazzjoni li minnu għaddej il-Malti.  L-għaxar xogħlijiet li qed jidhru f’din il-ħarġa juru, sa ċertu punt jew ieħor, li l-istudju tal-Malti bl-ebda mod ma hu eżawrit, iżda hu materja li kontinwament tissorpassa l-limiti tagħha stess b’ħarsa dejjem aktar irfinuta lejn il-fatturi li jiddeterminawha, kif ukoll b’osservazzjonijiet supplimentari li jinbtu biss bħala żieda ma’ argumenti aktar bikrin.

Madanakollu, l-istudju tal-Malti għandu jestendi ruħu b’dik l-ispeċjalizzazzjoni li tiddistingwi studju awtorevoli minn kitba dilettanteska.  Biex ir-rivista Il-Malti ssir, bilmod il-mod, rivista ta’ xogħlijiet aktar awtorevoli, trid minn issa tibda tibni kriterji akkademiċi li jkunu rrispettati.  Kriterju eżemplari hu l-ħtieġa li l-istudjuż ikun qatta’ ħafna żmien josserva l-fatturi li jolqtu l-qasam tiegħu qabel jesprimi ruħu.  Prinċipju bħal dan jintlaħaq biss minn min jiddedika ħajtu għal qasam partikulari tal-Malti, u mhux minn kittieb li jsegwi linja akkademika għal ftit żmien, biex imbagħad jitlaqha għal interess ġdid f’xi aspett lingwistiku jew letterarju ieħor.

Il-pjanifikazzjoni għaqlija tal-pożizzjoni tal-Malti f’pajjiż żgħir u bilingwi, ittrattata mil-lingwisti Albert Borg u Manwel Mifsud f’diskors li kien sar fl-1992, tagħti eżempju ċar ta’ speċjalizzazzjoni lingwistika li tqis ħafna fatturi qabel tistqarr il-pożizzjoni tagħha.  Dan id-diskors jittratta l-istorja tal-Malti bħala proċess aktar milli serje ta’ fatti bla konnessjoni, u jislet minn dan il-proċess dawk l-aspetti formattivi u dawk iċ-ċirkustanzi evoluttivi li wieħed għandu jikkunsidra qabel ifassal pjan għall-Malti ta’ llum.  Albert Borg u Manwel Mifsud juru wkoll il-periklu li jinħoloq meta, f’ħarsa ’l quddiem għall-ilsien Malti, wieħed ipoġġi l-lingwa tagħna f’kategoriji lesti (ngħidu aħna l-kategorija ta’ “lingwi użati inqas”) minkejja li dawn ma jkunux jgħoddu għalih.

L-analiżi tal-isfond soċjali u universitarju li fih trawwem ir-rumanzier Ġużè Bonniċi, flimkien mal-osservazzjonijiet kritiċi dwar ix-xejriet letterarji ta’ dan il-kittieb, joffru eżempju ieħor ta’ studju awtorevoli.  Ix-xogħol ta’ Oliver Friggieri jistrieħ fuq snin twal ta’ speċjalizzazzjoni fil-qasam letterarju, u jittratta n-narrattiva ta’ Ġużè Bonniċi kemm f’rabta mal-isfond universitarju msemmi, kif ukoll f’paragun mal-qagħda kulturali li offriet l-Ewropa ta’ żmien ir-rumanzier, speċjalment l-Ewropa letterarja tad-Dekadentizmu u tal-Krepuskolariżmu.  Fil-qofol tiegħu, l-istudju ta’ Friggieri jpoġġi s-sensibilità ta’ Bonniċi fis-“sensibilità ta’ żmienu,” biex juri kif il-kitba unika ta’ awtur tingħaraf bħala framment f’możajk storiku sħiħ.

L-istess kwalitajiet awtorevoli jidhru fl-istudju ta’ Ġorġ Mifsud-Chircop, li jitlaq minn prinċipji fundamentali tan-narrotoloġija biex jasal fl-analiżi tal-aspetti folkloristiċi tal-ħrafa Maltija.  Mifsud-Chircop jidħol f’dettall sħiħ fuq ir-relattività bejn id-diversi fatturi li flimkien jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-ħrafa bħala att diskursiv, jiġifieri bħala kompromess orali bejn in-narratur u n-narratarju waqt ir-rappreżentazzjoni tagħha.  Dawn l-osservazzjonijiet jikxfu n-natura kumplessa tad-diskursività tal-ħrafa, immanipulata kemm minn dak li diġà taf l-udjenza, kif ukoll mix-xena, mill-ġesti, u fuq kollox mill-konnotazzjonijiet vulgari involuti fl-eżekuzzjoni tagħha.

F’kuntrast ma’ dawn l-ilħna awtorevoli, ir-rivista Il-Malti ma għandha qatt tinjora pożizzjonijiet teoretiċi ġodda, kemm-il darba dawn jesebixxu kwalità akkademika li tmur ’l hinn minn kitba spekulattiva.  Ann Marie Scerri tikkonċentra fuq il-poeżija moderna Maltija bħala “pjattaforma ewlenija li fuqha ġew esposti l-prinċipji fundamentali ta’ l-ekokritika,” avviċinament kritiku tassew riċenti li jitbiegħed mill-kuxjenza antropoċentrika li ddominat il-letteratura f’epoki aktar bikrin.  L-argument ta’ Ann Marie Scerri dwar kitba letterarja li ma tħallix lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħolqien għandu jfakkar lill-qarrej fid-direzzjoni ġenerali li ħadu l-Moderniżmu u l-Postmoderniżmu.  Fuq kollox, din il-pożizzjoni teoretika ġġedded is-sinifikat u l-validità tad-dinja poetika Maltija b’kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi, u b’hekk ma tħallix lil-letteratura Maltija tirriduċi ruħha għal definizzjoni statika, jew għal diskors sterjotipat marbut ma’ sillabu ta’ eżami.

Kif wieħed jistenna, il-medda ta’ kittieba akkademiċi li sa ċertu punt jew ieħor specjalizzaw f’xi qasam tal-Malti hi wiesgħa.  Ħarsa ħafifa lejn ix-xogħlijiet l-oħra li jidhru f’din il-ħarġa tiddeskrivi l-varjetà ta’ interessi u avviċinamenti li bejniethom jiġġeneraw l-istudju tal-Malti.  Charles Briffa jittratta l-Malti fil-ġurnaliżmu, b’ħarsa li timxi minn fatti storiċi sal-qagħda riċenti ta’ dal-medju ta’ komunikazzjoni.  Safejn dan il-proċess għen fit-twessigħ tal-varjetajiet tal-Malti u fit-twaqqif ta’ reġistru ġurnalistiku, ir-riżultat kien ta’ benefiċċju għal ilsienna.  Iżda Briffa juri wkoll kif l-istess proċess wassal għan-normalizzazzjoni ta’ għadd ġmielu ta’ żbalji fil-Malti mitkellem u miktub, tant li dawn l-iżbalji llum ħadu post il-konvenzjonijiet lingwistiċi ta’ lsienna.  Minn hawn, Briffa jislet għadd ta’ kummenti fuq il-ġurnaliżmu minn kittieba Maltin ewlenin, u bihom jissuġġerixxi ġurnaliżmu aktar korrett fis-sintassi, u aktar għaqli fl-għażla ta’ l-idjoma u tar-reġistru tiegħu.

Is-sehem li tista’ tagħti r-rivista Il-Malti fid-djalogu mal-passat jidher tajjeb ħafna fl-istorja tat-teatrin Malti kif ippreżentata minn Marco Galea.  Fi sfond argumentattiv li jittratta l-kultura u l-mentalità ta’ pajjiż ikkolonizzat, Galea jikxef uħud mill-kawżi storiċi tal-qagħda kulturali li ngawdu llum.  Dan jagħmlu billi jlaqqa’ flimkien diversi fatturi soċjali, politiċi, u lingwistiċi li bnew mentalità kulturali imitattiva.  L-argument ewlieni fl-istudju tiegħu jittratta l-mod kif il-kolonjaliżmu Ewropew ħoloq, fil-kuxjenza kulturali Maltija, it-tendenza li nimxu skond “ġerarkija ta’ razez, li tibda bl-Ewropej fuq nett.”  Dan l-argument jispjega għaliex l-arti teatrali f’Malta, bħal bosta forom ta’ arti oħra, imitat il-mudelli Ewropej bħallikieku dawn kellhom l-aqwa xejriet stilistiċi, l-aħjar arketipi, u l-ideoloġija l-aktar korretta.  Minflok jagħti biss fatti dwar il-bidu tat-teatru Malti fis-seklu dsatax, Galea jistħarreġ il-formazzjoni ta’ mentalità, u l-oriġini ta’ tip ta’ arti minħabba fatturi li la kienu estetiċi biss u lanqas mingħajr preġudizzju.

L-istħarriġ storiku li jwettaq Olvin Vella fuq Stedina ta’ Mikiel Anton Vassalli hu xhieda oħra ta’ kemm il-kitba Maltija tal-passat għadha toffri għalqa fertili ta’ skoperti.  Olvin Vella wkoll ma jagħtix biss fatti storiċi, iżda jwettaq studju komparattiv bejn is-sorsi li minnhom ksibna Stedina.  Billi jqiegħed biswit xulxin, f’tabelli siewja, is-sorsi testwali li jikkompara, Vella juri li l-passat innifsu hu magħmul minn ħafna interpretazzjonijiet ta’ l-istess dokument, u għalhekk hu wirt dinamiku, aktar milli patrimonju statiku.  Il-kulminu ta’ dan l-istudju komparattiv jintlaħaq meta l-awtur jiskopri rabta intertestwali bejn Stedina ta’ Vassalli u Il-Jien u Lil Hinn Minnu ta’ Dun Karm, biex b’hekk juri kif f’perjodu aktar bikri fl-istorja tal-Malti kien hemm diġà proċess ta’ self bejn testi differenti, wieħed li jittratta l-politika lingwistika u ieħor li hu poetiku.

Ir-rabta tal-istudjuż mal-passat tinvolvi wkoll is-sejba, intuwita jew aċċidentali, ta’ kitba mitlufa jew minsija fil-biblijoteka.  Permezz ta’ l-iskoperta tiegħu ta’ ġrajja qasira ta’ Fortunato Panzavecchia, David Agius Muscat juri kif il-passat minn jeddu jissorprendina, billi jpoġġi f’idejna manuskritt mhux magħruf.  Meta rakkont ta’ madwar l-1845 jerġa’ jixref fl-2005, il-kontinwità bejn dawn iż-żewġ dati tkun issuktat kemm bil-ħila tal-bibljoteka bħala istituzzjoni awtonoma ta’ preservazzjoni, kif ukoll bil-ħidma ta’ l-istudjuż bħala qarrej b’metodoloġija ta’ riċerka.  Agius Muscat qed jerġa’ jagħti d-dawl lil manuskritt tal-passat, u b’dan il-mod qed juri kif ir-rivista Il-Malti tista’ toffri operazzjoni tassew siewja: li tgħaqqad mument kreattiv fl-imgħoddi ma’ kuntest ta’ qari fil-preżent, u tagħti bidu għal medjazzjoni interpretattiva bejniethom.

L-istudju ta’ Mario Cassar dwar l-evoluzzjoni tal-protagonist fil-letteratura Maltija jindirizza l-ħtieġa ta’ tipoloġija fil-letteratura tagħna.  Cassar jittratta tliet stadji evoluttivi: l-eroj tradizzjonali tar-rumanz storiku-Romantiku fl-ewwel fażi tal-letteratura tagħna; l-eroj aktar verosimili li tfaċċa fit-tletinijiet b’konnessjonijiet ftit aktar kumplessi ma’ grupp soċjali; u l-anti-eroj li xiref fl-orizzont letterarju tagħna fis-sittinijiet, f’distakk min-nazzjon u mis-soċjetà.  Matul l-analiżi tiegħu, Cassar jistħarreġ il-kawżi politiċi u kulturali, kemm lokali kif ukoll Ewropej, li ġġeneraw din l-evoluzzjoni.  Jaqbad ukoll kategoriji letterarji klassiċi (bħat-tipoloġija tal-protagonist ta’ Aristotli u ta’ Northrop Frye) biex ipoġġi l-protagonist Malti f’garzelli magħrufin fost il-ġeneri ewlenin tal-letteratura.  Matul dan l-istudju, il-qarrej hu kontinwament infurmat bil-klima u bis-sekwenza kronoloġika tal-perjodi li matulhom twieled u ttrasforma ruħu l-protagonist letterarju Malti.  Bl-attenzjoni li jagħti lill-perjodi nfushom u lit-transizzjoni bejn il-perjodi, Cassar jiżvela l-adattamenti sottili tal-letteratura Maltija għar-realtà politika u soċjali taż-żmien.

L-istudju tiegħi dwar it-tifsira tax-xbieha tal-ħarruba fil-poeżija “Quo Vadis?” jistħarreġ kif it-tifsira letterarja tevolvi mhux tinstab.  Dan l-istudju jippreżenta l-entità letterarja (oġġett, persuna, ċirkustanza) bħala proġett aktar milli oġġett, u jinqeda b’avviċinament fenomenoloġiku biex juri li kull entità letterarja tinbena fi stadji li mbagħad jiġu assimilati fi stadji interpretattivi oħra li jseħħu wara.  Il-proċess hu akkumulattiv, u juri kif l-interpretazzjoni ta’ kull entità letterarja hija, fil-fatt, medjazzjoni bejn l-inferenzi li jkompli jiġġenera t-test u dak kollu li diġà jaf il-qarrej mir-repertorju letterarju u kulturali tiegħu.

Ir-rivista Il-Malti tilħaq l-iskop ewlieni ta’ rendezvous kull darba li tlaqqa’ flimkien għadd ta’ studjużi tal-Malti, biex tippreżenta d-djalogu tagħhom mat-tradizzjoni ta’ lsienna.  Dan ir-rwol doppju jibdel id-diversità akkademika f’appuntament wieħed, jiġifieri f’ħin u post miftiehma li fihom studjuż jiltaqa’ ma ieħor daqskemm il-passat jitħaddet mal-preżent.  Iżda appuntament wieħed mhux il-kwistjoni kollha magħluqa.  Hu stedina għal sensiela ta’ appuntamenti oħra dwar l-istess materja li se tkompli tiġi diskussa.  Nawgura li din il-ħarġa ta’ Il-Malti taqdi dan l-iskop ta’ rendezvous, u tkun stedina għal studjużi oħra tal-Malti li jixtiequ jattendu l-appuntament li jmiss.