Il-Kunsill tal-Akkademja

Pubblikazzjonijiet

Jekk nibdew inħarsu lejn il-pubblikazzjonijiet li toħroġ l-Akkademja minn żmien għal żmien, insibu ċ-ċirkularijiet b’tagħrif fuq il-ħidma tagħna għall-membri tal-Akkademja. Ma’ dawn joħorġu wkoll iż-żewġ rivisti ta’ Il-Malti. Waħda tkun akkademika (fuq il-lingwa Maltija) u l-oħra tkun letterarja (b’poeżiji, proża u traduzzjonijiet letterarji). Biex jintlaħaq il-livell mistenni tal-kitba, ikun hemm bord maħtur apposta li jagħżel minn għadd ġmielu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun irċieva. Jekk tixtieq li xogħlok ikun ikkunsidrat, għaddihulna.

Żjarat Kulturali

attività_kantilenaL-Akkademja tat bidu għal dawn l-attivitajiet meta fis-26 ta’ Frar 2010 għamilna żjara lill-Arkivju Notarili, il-Belt, fejn fost teżori oħra ta’ ċertu importanza, rajna Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro.Huwa ppjanat li jinħareġ portfolju li jiġbor fih tagħrif sħiħ u interessanti dwar din il-poeżija bikrija biex tintuża bħala preżentazzjoni f’forma ta’ souvenir.

‘Il quddiem hemm maħsub ukoll li d-dokument oriġinali tal-Kantilena jitqiegħed f’kaxxa tal-ħġieġ apposta biex tkun ippriservata aħjar. Żjara li saret flimkien mal-Għaqda Maltija tal-Foklor kienet dik lid-dar-mużew ‘Casa Rocca Piccola’, il-Belt ukoll.

Attivitajiet mal-għaqdiet tal-Malti

L-istess kunsill ipprepara li jtella’ attivitajiet u serati ma’ għaqdiet oħra tal-Malti li l-qasam tagħhom hu letterarju jew akkademiku. Mal-Għaqda Maltija tal-Folklor għamilna l-ewwel attività. It-tiena waħda li jmiss hija mal-Għaqda Poeti Maltin fejn wasal biex jitfassal programm li jikkumplimenta liż-żewġ għaqdiet.

Hija x-xewqa ta’ dan il-kunsill li waħda mill-għanijiet ewlenin tiegħu tkun, li nkunu midħla mal-għaqdiet l-oħra tal-Malti biex magħhom nikkollaboraw u flimkien intellgħu attivitajiet li jqarrbuna aktar lejn xulxin, u dan għall-benefiċċju tal-Malti.

Taħditiet akkademiċi u letterarji

Tfasslet ukoll sensiela ta’ taħditiet mifruxa fuq sentejn, bl-ewwel waħda kienet fuq l-ortografija mis-Sur Karmenu Azzopardi. Din fetħet din il-ħannieqa ta’ taħditiet li jvarjaw minn lingwa sa letteratura. Fil-fatt it-tieni taħdita saret mill-awtur Immanuel Mifsud fuq il-ġisem Malti, kif elenkat fil-letteratura Maltija. Hu maħsub li taħdita minnhom issir f’Għawdex, matul is-sajf. Dawn it-taħditiet mhumiex limitati għall-membri tal-Akkademja tal-Malti biss imma għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Malti speċjalment dawk li jaħdmu fil-qasam tal-Malti.

Diska Kompatta (CD) bl-Innijiet ta’ Dun Karm

dunkarm_innijietL-iskop ta’ din is-cd huwa wieħed nobbli għall-aħħar; li d-damma tal-innijiet ta’ Dun Karm miġbura flimkien ma jitwarrbux jew jintesew. Fl-istess waqt inkunu qed nagħtu omaġġ xieraq kemm lil Dun Karm, bħala l-Poeta Nazzjonali, li kiteb dawn l-innijiet li huma tant popolari fil-knejjes tagħna, u kemm lil Karmen Mikallef Buħaġar li kellha għal qalbha ħafna l-kitbiet ta’ Dun Karm u li kienet tant ġeneruża mal-Akkademja tal-Malti. Din il-ġabra għandha tkun memorjal li jġib flimkien dawn iż-żewġ personaġġi li tul ħajjithom ħadmu flimkien u kkontribwew biex jistagħna l-Ilsien Malti.

Dar Doreen Micallef

Sar żvilupp sostanzjali biex il-ħolma tal-Akkademja fl-aħħar isseħħ. Wara ħafna tentattivi min-naħa tal-President attwali, is-Sur Carmel Azzopardi, dawn ħallew il-frott mixtieq. Wasalna biex jinbeda x-xogħol ma jdumx, wara li kien mistħarreġ kif jixraq ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir. Għaldaqstant, nittamaw li fl-aħħar l-Akkademja jkollha s-sede tagħha fil-Belt.

Il-European Writers’ Council (EWC) – Forum Mare Nostrum

Il-President Carmel Azzopardi ta rendikont dwar il-konferenza li attenda, fejn fost ħwejjeġ oħra qal li l-EWC qed jipproponu li l-Forum Mare Nostrum jiġi organizzat f’Malta fl-2012. Dan il-forum isir kull sentejn u fih jiltaqgħu kittieba mill-Ewropa kollha. “Jekk Malta jirnexxilha torganizza attività bħal din, tkun ġrajja storika u prestiġjuża għall-istorja tal-Akkademja”, qal il-President. Aħbar oħra sinifikanti hi, li l-EWC talloka premju letterarju għal kull pajjiż.

Is-Serata tal-Kittieba mal-President ta’ Malta

president_maltaĦsibna li din is-sena nfakkru Jum l-Akkademja b’mod dinjituż u għalhekk għaddejjin b’kuntatti mal-uffiċċju tal-President biex din is-serata tkun taħt il-patronċinju tiegħu. Nittamaw li jseħħilna jkun, l-aqwa avveniment li nkunu wettaqna matul din is-sena li timmarka d-disgħin sena mit-twaqqif tal-Akkademja.


Saviour Camilleri (2010)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.