Poeżija – “Il-Lament ta’ Dolores Herta” minn Mario Azzopardi

IL-LAMENT TA’ DOLORES HERTA:  SFOLJATA MINN MISSIERHA

 

Iż-żmien jibqa’ mwaħħal miegħek.

Jibqa’ hemm, bħal tpinġija titniegħed

li tibda minn taħt il-ġilda.

Iż-żmien ma jagħqadx.

Jibqa’ mdewweb fl-iskudella ta’ rasek.

Aħmar.

Bħad-delitt karg kontra ċinja miftuqa.

 

Ma jirrestawrax iż-żmien

il-ġwienaħ miksura.

Iż-żmien ma jaħfirx.

Jibqa’ jimmanka bil-piena,

bħal trapan

itaqqab is-silenzju.

Bħal meta

t-tmellis u l-għaraq u t-tidlik u n-nifs jinten tas-sigaretti weħlu

bħal infafet mill-infern fuq ġisem dgħajjef u ssummat.

Dolores Herta jien.

Imkessaħ f’għajnejja ż-żmien:

f’għajnejja

li billejl kienu jibqgħu miftuħa,

jistennew imissux jitbexxaq il-bieb

biex tidħol int,

argużin tal-malizja,

li nissiltni għall-eqqel kastig.

Kont tidħol

u b’idejk goffi taħt il-liżar

tgħarraqni fl-irwejjaħ tiegħek,

tileġ ma’ xagħri

mal-qamar imdennes

irid iwerżaq qabel jisbaħ.

 

L-ITTRA DWAR SANTER DEL FIORE

Għażiż ħabib tiegħi, Marius,   Niġi mill-ewwel għall-punt kruċjali tal-aħħar messaġġ elettroniku tiegħek.

Dwar Santer del  Fiore m’għandix aħbarijiet sbieħ wisq.  Waħda mill-infermieri, ħabiba antika tiegħi  li ltqajt magħha l-ġimgħa li għaddiet fil-Kafe’ Pultovski, għarrfitni li kien trasferit għas-Sanatorju ta’ San Disma u qed ikun ikkurat f’iżolament strett.

Tkellimna fit-tul u tatni ċertu dettalji li ħadt nota tagħhom bil-miktub.

Sa issa, l-agħar kriżijiet fil-qagħda ta’ Santer kienu paraliżi funzjonali, depressjoni intensa u xi inċidenti ta’ alluċinazzjoni.  Iżda issa l-affarijiet iggravaw sew.

Mill-isptar fejn kien rikoverat dan l-aħħar, del Fiore spiċċa ħażin, marbut f’ġakketta tal-forza wara li attakka tabiba Pollakka sesswalment.  Ipprova jeħodha minn wara, b’ħafna għajat bestjali ta’ l-istess kelma – Kagura! Kagura!   Safejn nista’ niftakar, din il-kelma oriġinat fl-orjent u kienet tintuża biex tiddeskrivi l-ġenitalja femminili bħala rigal lill-allat.

Kif taf int, l-ossessjoni bis-sesswalità issa ilha li ħakmet lil Santer għal dawn l-aħħar tliet snin jew aktar.  Fil-bidu, ilkoll kemm aħna ħsibna li qed jesprimi din il-manija f’parametri akkademiċi.  Konna ħsibna li  Santer del Fiore sata’ jfisser it-teoriji dinamiċi tiegħu dwar il-logos u l-eros  f’qafas intellettwali.  Kellu bżonn jirkupra l-awto-stima tiegħu wara li ġegħluh jirriżenja mill-Fakulta’ ta’ l-iStudji Umanistiċi.   L-infermiera qaltli li fl-isptar ta’ qabel, fil-kompjuter sabulu merfugħin diversi paġni dwar ir-rabta bejn il-qtates u n-nisa; il-kult tal-esebizzjoniżmu tal-vaġina; il-prattika tat-tokudashi f’Tokjo u Kjoto u r-ritwali simili tal-anasuromai fil-festival reliġjuż tal-Griegi tal-qedem. Sabulu wkoll żewġ statwetti, riproduzzjonijiet tat-terrakotta, x’aktarx mill-Mużew Britanniku, juru nisa b’saqajhom miftuħin, b’idejhom fuq il-vulva.

Fil-kumpjuter instabu anki bċejjeċ ta’ dokument dwar ir-relazzjoni ta’ Nietzsche man-nisa, b’referenza partikolari għal passaġġi minn għaliex Jien għaref Daqshekk.

Iżda l-affarijiet dehru li kienu differenti milli ħsibna aħna.  Minbarra l-bċejjeċ filosofiċi dwar Nietzsche u s-sesswalità, fuq il-mejda ta’ Santer del Fiore, imgeżwrin f’borża sewda tal-plastik, l-infermieri sabu diversi kotba ta’ pornografija pura, fosthom Maria Monk, il-ġrajja ta’ soru novizza li timbaram fil-vizzji eċċessivi u sadiċi li jseħħu fil-kunvent ta’ Cadiere, taħt il-kontroll ta’ ċertu saċerdot ta’ mezz’eta’, Pere Beaumarche.  Volum ieħor li nstab għand del Fiore jiddokumenta l-istorja tal-lesbjaniżmu, minn Saffo sal-bondage-magazines fl-iStati Uniti.  Ħabibti l-infermiera  għaddietli xi fotokopji minn dawn il-kotba.  Fil-paġna tat-titlu tal-volum dwar il-lesbjaniżmu, Santer kiteb hekk bil-lapis:

Vendetta raffinata tar-raġel Amerikan kontra l-kultura tal-matrijarkiżmu tal-ispeċi qattiela, b’passaġġi eċċitanti ta’ flaġellazzjoni bejn in-nisa nfishom.  

Letteratura oħra misjuba fil-pussess ta’ Santer tinkludi l-ġrajjiet ta’ konkubina masokista, rakkuntati minn ċertu Leopold von Sacher Masoch, kif ukoll storja tal-fetiċiżmu bejn prostituti u rġiel diżabilitati fiżikament, u anki ta’ rġiel “normali” ma’ nisa immankati.  Santer immarka bl-aħmar din ir-referenza minn Kap. 9, p.237:  …the original associative link between a man’s libido and defects of beauty are quite unknown to the patient.

Mill-konverżazzjoni twila li kelli fil-Kafe’ Pultovski sirt naf li tlitt ijiem jew erbgħa qabel l-assalt fuq it-tabiba, Santer del Fiore kien qed  ikun, alternattivament, fi stat ta’ skantament u stat konfuzjonali.  U lejlet l-episodju  Santer, b’diżinvoltura kbira, neża’ minn qaddu ’l isfel, bis-sess tiegħu ċappa f’idu quddiem studenta ġdida u ddikjara: Issa li se nagħlaq 55 sena, ninsisti li nagħmel eżami dwar il-veloċità spermodika tiegħi.

Ta’ interess estetiku stramb kienu d-disinji li nstabu mwaħħlin fil-kamra ta’ Santer.  Meta żortu l-aħħar darba, dawn id-disinji kont osservajthom diġà, imma hu ma riedx jitkellem dwarhom. Jikkonsistu f’sensiela ta’ xbihat femminili rqaq, mingħajr fattizzi ta’ xejn, xagħarhom imħabbel u l-mons veneris  imkabbar b’mod tassew esaġerat, mingħajr l-ebda proporzjon mal-bqija tal-figura.  Taħt kull tpinġija kien hemm imwaħħlin tikketti b’tipi grassi, fosthom, biex tieħu idea ta’ xi wħud:

Bħal farfett bil-ġwienaħ miksurin, nissajja fil-ħoġor niedi tal-bir profond.          Jekk ninżel fl-abbiss forsi nasal sal-kwiekeb.  Se nidħol nipprovoka lid-destin tiegħi fil-ħofra mqaddsa. Bħal priġunier mitluf wara l-eżilju, se nissogra s-suwiċidju fi ħdanha.

Mill-aspett letterarju, forsi l-aktar fattur interessanti tal-manija sesswali li żviluppa Santer del Fiore, għandu x’jaqsam ma’ dawk li beda jsejħilhom Vulvati flagranti bil-Poeżija Digitali .  Dawn huma serje ta’ collages, arranġamenti bi tqasqisiet ta’ stampi minn siti pornografiċi mill-internet, imgħaqqdin ma’ linji mqasqsin mill-ispam mail li tikkummerċjalizza s-sess u li saret  tinvadi kull kompjuter.  Teknikament, biex ngħidlek is-sew, dawn il-“kompozizzjonijiet” ta’ del Fiore fakkruni fl-esperimenti tiegħek bil-“poeżija viżiva” li kont tippubblika fil-bidu tas-Snin Sebgħin, meta kont għadek influwenzat mill-moviment ta’ Memphis.

Intant, il-muntaġġi li Santer del Fiore ħoloq bl-immaġini u l-kliem mill-posta elettronika jinkludu t-tkabbir tal-peni, kross-dressing, irbit u dixxiplina, fellatio, cunnilinctus, sado-masokiżmu, voyeuriżmu u fetiċiżmi mixxellanji.  Kellu wkoll katalgu żgħir tal-webcams u l-indirizz ta’ sit f’Los Angeles, jismu Sex & Swinger Personal Site, fejn membri nisa esebizzjonisti jilagħbu bejniethom quddiem il-kamera.

Ippruvajt niftakar kulma naf sal-lum, għażiż Marius.  Minbarra li xtaqtek tkun infurmat dwar il-qagħda mentali ta’ Santer del Fiore skond kif tlabtni, jista’ jkun li dan it-tagħrif jiswielek għall-istudju li qed tagħmel dwar l-arketipi u l-kunċett tal-anima u l-animus f’sens postmodern.  Inċidentalment, dwar l-arketipi, Santer kien osservali, madwar sitt xhur ilu, li jaqbel mal-ideat ta’ Berkeley  dwar li l-arketipi huma xbihat li eżistew f’moħħ Alla biex joħloq id-dinja, anki jekk il-ħassieb Irlandiż ma kellux kuraġġ jgħid li meta faqqas dawk ix-xbihat, Alla kien f’sakra manja, divina.

Jekk ikolli aktar tagħrif, ngħaddihulek minnufih. Sadanittant, ejja nittamaw li seħibna Santer ma jibqax jimbaram fil-vortiċi implakabbli tal-ħarifa ta’ ħajtu.

B’xewqat mill-qalb, bħal dejjem,

Walter.

 

Mario Azzopardi.

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.