2021 – Prof. Manwel Mifsud

Il-Professur Manwel Mifsud huwa r-rebbieħ tal-midalja tad-deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għal din is-sena. L-investitura saret f’Jum l-Akkademja tal-Malti nhar l-14 ta’ Novembru mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, il-President ta’ Malta, waqt serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Fost il-mistednin kien hemm l-imsieħba tal-Akkademja kif ukoll qraba u ħbieb tal-Professur Mifsud. Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Fl-1967, Mifsud kiseb il-grad ta’ Baċellerat bl-Unuri fil-Malti. Kiseb id-dottorat fis-sena 2005 bi studju dwar l-element mhux-Semitiku fil-Malti. Dan l-istudju huwa mifhum biex joħloq klassifikazzjoni tipoloġika tal-verbi ta’ nisel barrani, bil-ħsieb aħħari li jiffaċilita l-integrazzjoni tat-tagħlim tagħhom fis-sillabu tal-Malti f’kull livell.

Bejn l-1971 u l-1978, Mifsud ħadem mal-Professur Ġużè Aquilina fuq id-dizzjunarju magħruf Maltese-English Dictionary. Fl-1987, huwa għallem il-Malti fl-iskejjel Sekondarji u Postsekondarji tal-Gvern. Mis-sena 2004 sal-2011, kien Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta fil-kariga ta’ Lettur u Professur fejn għallem il-morfoloġija storika tal-Malti, id-dinamika tat-taħlit fl-ilsien Malti, l-istorja tal-lingwa Maltija u l-pjanifikazzjoni lingwistika.

Kien membru-fundatur u Segretarju tal-Association de Dialectologie Arabe (AIDA) bejn l-1993 u l-2004. Organizza l-Kors tal-Qari fil-Provi li bejn l-2006 u l-2021 kien ukoll direttur tiegħu. Minnu s’issa ħarġu 560 qarrej tal-provi biċ-ċertifikat.

Kien strumentali biex twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li tiegħu kien President bejn l-2005 u l-2013. Baqa’ jservi fil-kunsill imsemmi sal-2019. 

Fis-sena 2004 Manwel Mifsud ħoloq kuntatt mal-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għal-Lingwa (EFNIL), u ħa ħsieb li dan il-kuntatt jibqa’ sod. Ħadem fost il-promoturi tar-rabtiet bejn l-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM) fi Bremen u l-Università ta’ Malta. Attenda diversi konferenzi internazzjonali b’tema lingwistika u minn dawn ippubblika għadd ta’ studji.

Fost il-pubblikazzjonijiet ewlenin tal-Professur Mifsud ta’ min isemmi Fuq l-Għatba tal-Malti — A Threshold Level Communicative Description of Maltese (mal-Prof. Albert Borg), ippubblikat fl-1997 fi Strasburgu mill-Kunsill tal-Ewropa. Ippubblika wkoll Loan Verbs in Maltese: A Descriptive and Comparative Study.

Mifsud għen fl-iżvilupp tal-kanzunetta Maltija, b’enfasi fuq il-kwalità tal-lirika. Ħabrek biex twaqqaf il-Festival Folk tal-YTC (illum L-Għanja tal-Poplu). Bħala kantawtur, ikkompona għadd ġmielu ta’ kanzunetti li jidher li ntlaqgħu mill-pubbliku Malti u li għamilhom tiegħu. Fost dawn hemm il-biċċa l-kbira tal-opra folk Ikun li Trid Int, kif ukoll għadd ta’ kanzunetti (fosthom Għajnejn Sbieħ u Vassalli). Rebaħ L-Għanja tal-Poplu sitt darbiet. Dawn il-kanzunetti bħalissa qed jinġabru biex ikunu f’idejn il-pubbliku Malti, bl-għajnuna tal-Akkademja tal-Malti.

Għal dawn l-aħħar 16-il sena kien il-Konsulent Espert kull nhar ta’ Sibt fil-programm tar-radju Seħer il-Malti, l-ewwel fuq l-RTK imbagħad fuq Radju Malta 1.

Waqt diskorsu, il-President ta’ Malta George Vella feraħ lil Manwel Mifsud għall-ħidma kbira li wettaq u ddeskrivieh bħala mudell ta’ min iħobb il-pajjiż.