Għall-kontributuri

Ir-rivista Il-Malti tikkonsisti f’xogħlijiet akkademiċi u letterarji li qatt ma jkunu dehru qabel. Il-kwalità tax-xogħol ippubblikat għandha tirrifletti l-pożizzjoni tal-Akkademja tal-Malti bħala istituzzjoni mogħtija għat-twessigħ tal-produzzjoni letterarja bil-Malti, u għall-firxa ta’ studji marbutin mal-istess lingwa. Il-prinċipji u l-perspettivi tal-kontributuri jistgħu ma jaqblux ma’ dawk tal-Bord Editorjali, iżda dan il-Bord ma jaċċettax xogħlijiet li jkunu offensivi lejn xi identità razzjali, sesswali, jew reliġjuża.

Il-manuskritt

– Idealment il-kitba ma tkunx itwal minn 5000 kelma;

– Jintuża font b’karattri Maltin, preferibbilment Times New Roman, daqs 12 pt;

– It-test kollu jrid ikun justified;

– Għal referenzi biblijografiċi u noti, ir-rivista Il-Malti tuża s-sistema tal-footnotes, noti li jidhru fil-qiegħ tal-paġna. Il-kittieba għandhom jużaw dawn in-noti bil-qies. Nissuġġerixxu li, b’mod ġenerali, diskors essenzjali għall-argument tal-artiklu għandu jidħol fit-test ewlieni; diskors mhux rilevanti għall-artiklu għandu jitħalla barra;

– Tkun miktuba b’Malti tajjeb, skont l-aħħar tibdiliet uffiċjali;

– Tkun oriġinali u mhux diġà ppubblikata;

– Tintbagħat ittajpjata jew b’mezz elettroniku (manuskritti bl-idejn ma jiġux aċċettati);

– Kull awtur ma jistax jibgħat aktar minn ħames kontribuzzjonijiet, biex il-bord editorjali ikun jista’ jagħżel minnhom.