2022 – Prof. Albert Borg

ALBERT BORG huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għas-sena 2022. L-investitura saret f’Jum l-Akkademja tal-Malti mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta waqt serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Fost il-mistednin kien hemm l-imsieħba tal-Akkademja kif ukoll qraba u ħbieb tal-awturi. Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-Ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Agħfas HAWN biex tara s-serata.

Albert Borg twieled fl-1950. Iżżewweġ lil Marguerite neè Cuschieri u għandhom żewġt itfal, Martha u Samuel, kif ukoll żewġ neputijiet, Skyler u Raven.

Iggradwa B.A. (Hons) mill-Università ta’ Malta fl-1972 u għamel sena jaħdem mal-Kummissjoni tat-Traduzzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija fix-xogħol tagħha biex tinqaleb il-Bibbja għall-Malti mill-ilsna oriġinali bl-Ebrajk u bil-Grieg.

Fl-1975 iggradwa D.Litt. fl-istudji tal-Viċin Orjent mill-Università degli Studi, Ruma. Kien ippreżenta t-teżi Elementi per un Ortografia Fonemica del Maltese, biex juri li l-ortografija tal-Malti tista’ tkun issimplifikata b’mod xjentifiku.

F’Diċembru tal-1975 inħatar Assistant Lecturer fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u beda jgħallem il-lingwistika ġenerali u l-lingwistika Maltija. Ta sehemu biex il-korsijiet tad-Dipartiment jinqalbu għas-sistema ta’ credits li kienet għadha kemm ġiet introdotta fil-Fakultà tal-Arti, u biex jiġu riveduti s-sillabi tal-Eżami tal-Matrikola tal-Malti fil-livell ordinarju u avvanzat.

Fl-1979 iggradwa Ph.D. mill-Università ta’ Edinburgh bi studju dwar il-kategorija tal-aspett fil-Malti, ippubblikat ftit wara bit-titlu A Study of Aspect in Maltese Ann Arbor, Michigan: Karoma Publishers Inc., 1981.

Sar Lettur fid-Dipartiment tal-Malti f’Ottubru tal-1979, u wara s-soppressjoni tal-Fakultà tal-Arti, f’Ottubru tal-1980 offrewlu impieg fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni. Kompla jgħallem il-lingwistika ġenerali u l-lingwistika Maltija kemm f’din il-Fakultà kif ukoll fil-Fakultà tat-Teoloġija, Tal-Virtù.

Fl-1987 reġgħet twaqqfet il-Fakultà tal-Arti u reġa’ ssieħeb magħha. Kien Aġent Kap tad-Dipartiment tal-Malti kif ukoll koordinatur tal-kors il-ġdid fil-lingwistika ġenerali li waqqaf flimkien ma’ xi kollegi.

Sar Associate Professor fl-1988 u serva bħala l-ewwel Direttur tal-Istitut il-ġdid tal-Lingwistika, Istitut li waqqaf flimkien ma’ kollega oħra, il-Prof. Marie Azzopardi Alexander, oriġinarjament mid-Dipartiment tal-Ingliż.

Fl-1992 sar (Full) Professor u fl-1994 ngħata l-kariga ta’ Chairman tal-Istitut tal-Lingwistika (Delegat tar-Rettur), pożizzjoni li żamm sal-2008 meta rriżenja minnha biex jagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor. B’hekk l-Istitut seta’ jkompli jwessa’ l-orjentament tiegħu.

Il-Prof. Borg dejjem emmen bis-sħiħ fil-kooperazzjoni akkademika, u fir-reklutaġġ ta’ kollegi ġodda kemm fid-Dipartiment kif ukoll fl-Istitut u pprova jsaħħaħ direzzjonijiet ġodda fl-istudju tal-Malti.

Ikkollabora mal-Prof. Azzopardi Alexander fil-qasam tad-diżabiltà lingwistika u flimkien magħha waqqaf il-kors tal-B.Sc. Communication Therapy. Appoġġja wkoll ix-xogħol tagħha ta’ pijunier fil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, li issa hija ddefinita mill-Kostituzzjoni tagħna bħala t-tielet lingwa uffiċjali.

Flimkien ma’ kollegi oħra, prinċipalment mal-Prof. Manwel Mifsud, ħadem fil-qasam tal-ippjanifikar tal-lingwa, u ta sehemu fil-Bord tal-Malti li ħejja t-triq għat-tfassil tal-liġi li biha twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Ħadem biex jikbru r-rabtiet kollaborattivi tal-Istitut tal-Lingwistika ma’ korpi oħra fi ħdan l-Università, ’il barra mill-qasam tradizzjonali tal-Fakultà tal-Arti – sforz li eventwalment wassal biex, bi tmexxija ġdida, l-Istitut tal-Lingwistika kkollabora prinċipalment mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali biex sar l-Istitut tal-Lingwistika u tat-Teknoloġija tal-Lingwa.

Kien ukoll iċ-Chairman tal-Bordijiet imqabbda mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti li wasslu għar-riformi ortografiċi Deċiżjonijiet 1 u 2.

Flimkien ma’ kollegi oħra, ħadem biex organizza, jew għen fl-organizzazzjoni f’Malta, ta’ diversi konferenzi u seminars nazzjonali u internazzjonali bħal:

Bilingualism and Education in Malta (1976),

Languages of the Mediterranean (1991),

International Experts’ Meeting on Language Planning in Malta (1992),

The Fifth Meeting of the Eurotype Noun Phrase Group: Noun Phrase Structure (1993),

Colloquium on Arabic and Maltese: Common Linguistic Issues (1993),

The Third International Conference of the Association Internationale de Dialectologie Arabe (AIDA) (1997),

The Second Mediterranean Meeting on Morphology (1999),

Seminar Nazzjonali dwar il-White Paper “Strateġija għal-Lingwa Nazzjonali” (2002),

Seminar dwar il-Liġi tal-Ilsien Malti (2003),

The Sixth International Symposium on Processability, Second Language Acquisition and Bilingualism (2006),

The Third International Conference on Maltese Linguistics (GħILM) (2011).

Kien membru ta’ AIDA, Association Internationale de Dialectoloġie Arabe (ibbażata Pariġi, Franza), kif ukoll ta’ GħILM, l-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (ibbażata Bremen, il-Ġermanja) sa mit-twaqqif tagħhom it-tnejn.

Matul is-snin ipparteċipa f’ ‘il fuq minn ħamsin konferenza nazzjonali jew internazzjonali li fihom ippreżenta studji dwar xi aspett partikolari tal-Malti, kemm f’Malta kif ukoll barra fosthom il-Belġju, Franza, il-Georgia, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussimburgu, il-Marokk, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja.

Kien mistieden jagħti lectures fuq il-Malti jew jitkellem fuq ix-xogħol lingwistiku tiegħu f’għadd ta’ istituzzjonijiet fosthom:

l-Università ta’ Salzburg, l-Awstrija;

l-Università ta’ Cambridge u l-Università ta’ Leeds, l-Ingilterra;

it-Tbilisi Institute of Asia and Africa, Tbilisi, il-Georgia;

l-Università ta’ Ain Shams, il-Kajr, l-Eġittu;

l-Institut National des Langues et Civilisations Orientales (INALCO), Pariġi;

l-Università ta’ Matej Bel, Banska Bystrica, is-Slovakkja;

l-Istituzzjonijiet Ewropej, il-Lussimburgu;

l-Università ta’ Konstanz, il-Ġermanja;

id-Dipartiment tal-Kultura Għarbija, iċ-Ċentru taċ-Ċiviltà Iżlamika, Damasku, is-Sirja;

l-Iskola Filoloġika Superjuri, Wroclaw, il-Polonja;

kif ukoll l-Unitè de Recherche sur la Culture, la Communication, les Langues, la Littèrature et les Arts, Oran, L-Alġerija.

Matul is-snin, ħa sehem f’għadd ta’ programmi kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-television u ġieli kiteb fil-gazzetti dwar kontroversji ta’ natura lingwistika.

F’kotba b’awturi varji u f’rivisti xjentifiċi speċjalizzati, ippubblika studji dwar aspetti lingwistiċi differenti tal-Malti, kemm waħdu kif ukoll bi sħab ma’ studjużi oħra, Maltin u barranin, dwar is-sintassi Maltija, il-morfoloġija, u xogħlijiet ta’ natura soċjolingwistika.

Uħud minn dawn l-istudji ppubblikahom bil-Malti fil-ktieb tiegħu Ilsienna. Studju Grammatikali (1988).

Xogħol fondamentali li ppubblika flimkien ma’ Marie Azzopardi Alexander fl-1997, kien il-ktieb Maltese, fis-serje internazzjonali tad-dar tal-pubblikazzjoni Routledge (Londra u New York). Din hija deskrizzjoni għall- udjenza speċjalizzata tal-komunità tal-lingwisti, tal-fonetika u l-fonoloġija tal-Malti, kif ukoll tal-morfoloġija u tas-sintassi tiegħu.

Xogħol importanti ieħor li ppubblika wkoll fl-1997 flimkien ma’ Manwel Mifsud, huwa l-ktieb Fuq l-Għatba tal-Malti, pubblikazzjoni f’serje tal-Kunsill tal-Ewropa li tinkludi lingwi kbar bħalma huma l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, ir-Russu u oħrajn.

Wara sebgħa u erbgħin sena servizz fi ħdan l-Università ta’ Malta, Albert Borg għadu kemm irtira fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.