Drama – “Pawlu Redux” minn Oreste Calleja

PAWLU-REDUX-Oreste Calleja

Silta mid-dramm.
(Att 2, xena 10)

MELDA: (ċapċipa sarkastika) M’hawnx għalik. Bravu. Ridt tagħmel bravura ta’ l-aħħar. Kuntent issa? X’se tagħmel issa? Tmur fl-ewwel għassa tal-pulizija li ssib u tispjegalhom li għandek bżonn iħollulek il-manetti?
PAWLU: Ittradejtni.
MELDA: Salvajtek, trid tgħid.
PAWLU: Ittradejtni. Kif jagħmlu n-nisa kollha.
MELDA: Jekk tippreferi taraha mil-lenti ġenerika, patoloġika tiegħek…
PAWLU: Taraha minn fejn taraha, tradiment jibqa’.
MELDA: …Hażin tagħmel.
PAWLU: Tradiment ieħor. U fuq kollox ma żammejtx kelmtek. Kellna ftehim, Melda! Dawk l-ittri kienu tiegħi.
MELDA: Ma żammejtx kelmtek int.
PAWLU: Taf li kienu tiegħi!
MELDA: Int ksirtu l-ftehim. Ksirtu kull darba li rfist hawn ġew; kull meta ridt u kif ridt. U ma’ min ridt! Lilek qatt ma missni fdajtek.
Jidħol DENNIS. Dal-kliem iżda jidher li jżommu milli jgħid li kien se jgħid, u jissomma.
Ħarsa lejn PAWLU u jdur biex joħroġ.
MELDA: X’ġara? Le, tista’ tibqa’. Ma ġara xejn. Ma qed ngħidu xejn hekk jew hekk li mhux ġa tafu… Mhux hekk, Dennis?
DENNIS: (jgħolli spallejh – imma f’leħnu hemm xafra li mhux soltu juriha ma’ MELDA) Kont ġej niskuża ruħi… la trid taf.
MELDA: Ah. Imma issa reġa’ bdielek. Min jaf għaliex.
DENNIS: La trid taf, kont ġej ngħidlek li ddeċidejt li nitlaq.
MELDA: Titlaq? U għaliex għandek titlaq int?
DENNIS: Ħsibt li dak biss jissodisfak issa.
MELDA: Ħsibt ħażin.
DENNIS: Ħsibt li safl-aħħar tkun ġibtha veru żewġ. La sejjer Paul, m’għandekx bżonni lili.
MELDA: Jew forsi, la sejjer Paul, m’għandix għalfejn neħles minnek?… Ħsibt ħażin imma. Għaliex? Taħseb li kont inżommok hawn għax Paul kien jaħseb li għandi għalik? Taħseb li Paul kellu xi poter li jżommni milli nagħmel li għandi nagħmel kieku kelli nasal għall-konklużjoni li xogħlok m’intix tagħmlu kif suppost? Qed tistmaha wisq l-influwenza li Paul jista’ qatt ikollu fuqi.
DENNIS: Ma kellix dik l-impressjoni…
MELDA: Kellek x’kellek, kienet impressjoni ħażina! M’għandekx għalfejn tmur int. Anzi; irridek il-lejla stess tieħu l-programm tiegħu int. (titfagħlu fajl quddiemu) Hawn. Għandek kollox. Aqrahom u pprepara kollox int. Linda tagħmel xogħlok. U minn għada inti Assistent Head of Programmes.
PAWLU: Prosit! Mela għandi nassumi li veru nista’ nibda nirreġistra għax-xogħol minn għada.
MELDA: Mil-lum stess jekk trid.
PAWLU: Mela veru; did-darba bis-serjetà.
MELDA: Bis-serjetà kollha.
PAWLU: Taf li nista’ nfittxek il-qorti, hux? Taf li nistgħu nagħmlu ġimgħat, xhur sħaħ ta’ litigazzjoni?… Taf kemm se tiġġenera antipatija mas-semmiegħa tiegħi?
MELDA: Nirriskjaha. Basta ma narakx aktar hawn ġew.
PAWLU: U barra?… Tkun trid tarani barra?
MELDA: (tinjurah. Lil DENNIS) Il-lejla f’idejk. Għada jkollok il-kuntratt il-ġdid. Sal-lejla jkun lest. Jekk ikun hemm xi klawsola li jeħtieġ niddiskutuha, ċempilli.
DENNIS: Xi klawsola? Min qallek li se naċċetta?
PAWLU: Tkunx iblah, Dennis.
DENNIS: Għaliex? Taħseb li?…
PAWLU: Don ‘t be stupid! Jekk se tagħmel xi ġest ta’ protesta inutli minħabba fija, mhux se nibqa’ nafulek! Offritlek job, ħudu! U daqshekk! Taf tajjeb li min jaf xi jrid ikun biex tilħaq hawn ġew! Speċjalment jekk ma tkunx mara!
MELDA: Smajtu? So – don ‘t be stupid.
DENNIS: I’m not fucking stupid!
MELDA: Naf. Għalhekk: il-job huwa tiegħek jekk tridu. Jekk le, noffrih lil Linda. Fil-fehma tiegħi inti aktar adattat. Imma issa f’idejk. Anyway… (tħares lejn l-arloġġ) Ħames minuti oħra inti on. Mur ipprepara.(tagħtih lura l-fajl.)
DENNIS jeżita, imbagħad jieħu l-fajl.
DENNIS: I’m not fucking stupid! (u bla ma jistenna aktar jidħol fl-istudjow.)
PAWLU: Kieku nista’ – kieku jdejja maħlulin – kont nagħtik punt u ċapċipa. Il-mossi tiegħek huma dejjem hekk sottili, dejjem hekk ippjanati. Qatt ma titferfex jew turi x’inhu veru jimmotivak. Hix l-għira, jew il-business woman li warajha tistaħba. Brava – Brava, Imelda!
MELDA: U int – il-mossi tiegħek? Ma ridtx titgħabba bil-piż tas-sagrifiċċju nobbli u leali tiegħu – il-protesta inutli tiegħu! Li ma tmurx issib ruħek obbligat – li ma tmurx tikkommetti ruħek, imqar b’xi sens iraxxibbli ta’ fedeltà banali!
PAWLU: Tattakka – biex ma jkollokx għalfejn tiskuża ruħek…
MELDA: Ta’ xiex? Dak li qed tistenna? (tpoġġi mal-kompjuter fuq id-desk tagħha) Li ngħidlek jiddispjaċini?
PAWLU: Taf ta’ xiex.
MELDA: Ta’ l-ittri u l-kompjuter?
PAWLU: Fost affarijiet oħra.
MELDA: Hekk jew hekk, dawk jerġgħu jtuhomlok.
PAWLU: Ma nkunx irridhom meta – min jaf meta! – ituhomli. Jekk qatt!
MELDA: U dwar il-kompjuter tħabbbilx rasek. Dal-għodu ssejvjajtlek il-harddisk kollu fuq tiegħi.
PAWLU: Eh – issejvjajtl il-harddisk? U dal-għodu da’?… Jiġifieri t-tradiment kien ilu ppjanat minn dal-għodu! Diġà!
MELDA: L-importanti li ssejvjajthulek.
PAWLU: Kif stajt? U l-password biex tiftaħ il-fajl?… Aah, irnexxilek issir tafha wkoll.
MELDA: M’għandix għalfejn inkun nafha.
PAWLU: …Int li taf kollox!
MELDA: Naf nużah kompjuter – aktar minnek.
PAWLU: Le… mhux tafha. Xi ħadd qalhielek.
MELDA: M’għandi bżonn ħadd min jgħidli…
PAWLU: U l-unika persuna li tista’ tkun tafha…hi dak! (iħares lejn DENNIS fil-kamra wara l-ħġieġ) Hu biss dejjem ikun hawn, jarani nixgħel u nitfi l-kompjuter. Hu wkoll – kompliċi fit-tradiment! (bil-ponn fuq il-ħġieġ) Et tu, Brutus!
MELDA: Hemm int – ara tiffitjahiex f’xi novella anti-femminista oħra tiegħek. Hawn. (toħroġ CD mill-‘briefcase’) Hawn – għandek kollox hawn.
PAWLU: Ma rridhiex! Grazzi! (MELDA xorta tipprova tpoġġihielu fil-but.)
PAWLU: Għedtlek ma rridhiex! (hekk kif idur, itajjarlha s-CD minn idha.)
MELDA: Paul, m’għandix ħin x’naħli! Jekk tridha hawn… (titbaxxa biex tiġborha, iżda PAWLU jilħaq qabilha u jpoġġi siequ fuqha)
PAWLU: Ma rridhiex għedtlek!
MELDA: (tqum) I give up!
PAWLU jgħaffeġ id-disketta.
Imbaghad jagħtiha daqqa ta’ sieq u jtajjarha mal-ħajt. Pawsa.
MELDA: Prosit. Tajjeb. Agħmel int… Agħmel int. (tersaq lejh – ħarsa lejn il-manetti) Għandi naħseb li m’għandekx bżonn l-għajnuna tiegħi biex tħoll dawk il-manetti lanqas?…
PAWLU: Le! M’għandix bżonn!
MELDA: Lanqas! X’se tagħmel, tibqa’ hekk għomrok kollu?
PAWLU: Hekk jew hekk, għomri kollu hekk! Imdorri!
MELDA: Right. F’idejk mela. Agħmel int! Biss, inkun minnek nipprova nibda naħseb ftit kif se toħroġ minn hawn u kif se ssuq!
PAWLU: Nieħu taxi jekk hemm bżonn.
MELDA: Għal għomrok kollu?
PAWLU: …Jekk hemm bżonn! Insib xi ħadd ieħor iġerrini minn hawn għal hemm, kif u meta jogħġbu hu! Kif u meta jiddeċiedi hu. Għaliex? Għaliex mhux jien ukoll? Ma tkunx l-ewwel darba f’dal-pajjiż misħut – kulħadd imdorri jġebbduh minn imnieħru – iġerruh!
MELDA: Ah, qed nara li rġajt ġejt f’tiegħek. Bdejt tiggostak fir-rwol tal-vittma! Jekk trid tibqa’ hawn, ibqa’. Li kont minnek pero ma nitlajjax. Dawk jafu jerġgħu jfettillhom jiġu lura jfittxu x’ġara minnhom il-manetti. U did-darba jekk jiġu jġorruk ‘il barra, mhux se nindaħallhom. Ċaw, Paul; ma nistax ngħid it’s been nice knowing you.
PAWLU: Heqq – xi trid tagħmel. Jiena wkoll. Mur. Imma għad nerġgħu niltaqgħu, tibżax.
MELDA: M’għandix niħodha bħala theddida din, għandi nassumi.
PAWLU: Le. Xortina imma. Destin.
MELDA: Destin. Right! (ħierġa) Issa nara nsiblekx ‘il xi ħadd iwasslek id-dar…
PAWLU: Issibli xejn! U mur ħudu!…
MELDA: Ħasra li flok manetti m’għamlulekx sarima!
Toħroġ.Telefown iċempel fuq l-iskrivanija ta’ MELDA.
PAWLU jersaq lejh – jibqa’ wieqaf quddiemu donnu jipprova jaħseb u jara x’jista’ jagħmel biex
jinħall mill-manetti. Iċ- ċempil tat-telefown jieqaf.
PAWLU jpoġġi ma’ l-iskivanija – iħares madwaru jipprova jiġi f’tiegħu.
Fuq, fit- ‘technical area’, DENNIS jiġi ħdejn il-ħġieġa jħares lejh.
Jerġa’ t-telefown.
PAWLU jkun se jerfa’ r-riċevitur b’idejh it-tnejn, hekk kif CHER titfaċċa fil-bieb, anġlu bla ġwienah
jew ‘make-up’.
PAWLU pront jitlaq it-telefown f’postu u jersaq eqreb ma’ xifer l-iskrivanija, jipprova jaħbi jdejh.
CHER: Hi.
PAWLU: Hi. / Lestejtu?
CHER: Iva. Sejrin.
Tieqaf, donnha tistennieh ikompli hu. Għalxejn.
CHER: Int kont sejjer xi mkien?
PAWLU: Sejjer? U fejn tridni mmur?
CHER: Le, għax aħna konna ħerġin… Int kont ħiereġ?
PAWLU: U għaliex trid taf?
CHER: (bla paċenzja) Xejn. Miss Melda qaltli li għandek bżonn lift xi mkien…
PAWLU: Għaliex? Tgħidlix li ġa bdejt issuq.
CHER: Għaliex le? Kieku stess? Qed jgħallimni Frederick, jekk trid taf.
PAWLU: Ah! U x’inhu jgħallmek aktar?
CHER: (iddur biex titlaq) Ħsibtu ġralek xiħaġa minn kif tkellmet dik.
PAWLU: Ma ġrali xejn – kif qed tara.
CHER: Ovvja: għadek l-istess kajboj li dejjem kont.
FREDERICK: (jitfaċċa frisk frisk fil-bieb) Allura, fejn sejrin?…
PAWLU: Imkien.
FREDERICK: Qaluli kellek bżonn rikba.
PAWLU: Qalulek ħażin.
CHER: Imxi, Fred; taħlix żmien ma’ dan.
FREDERICK: X’ġara? (jagħti żewġ passi ‘l ġewwa) X’ kien dak l-għajat kollu l-ewwel?
Telefown iċempel.
PAWLU: Ma ġara xejn, għedtlek!
PAWLU jimbotta s-siġġu tar-roti ‘l ġewwa ma’ l-iskrivanija u jersaq eqreb lejn it-telefown.
CHER: Imxi!…
PAWLU: Morru – m’intomx taraw li għandi x’nagħmel!
CHER: Naf – dejjem kellek x’tagħmel int! Tibżax – m’iniex se ntellfek aktar mill-ħin prezzjuż tiegħek!
Toħroġ bi FREDERICK warajha.
PAWLU jibqa’ jħares warajhom għal ftit, imbagħad joħroġ idejh minn wara l-iskrivanija u jerfa’ r-riċevitur.
PAWLU: (kważi rrassenjat) Hello.
LEĦEN: ( fuq l-ispiker) Hello, Paul. X’minnek?
CHER titfaċċa lura fil-bieb.
CHER: …U int taħlilix il-ħin tiegħi aktar! Naf tajjeb li ma jimpurtak xejn minni – kif qatt ma impurtak qabel! U jekk forsi għaddielek minn moħħok tiddedikali xi song il-lejla – issa li skoprejt meta veru twelidt jien – toqgħodx tieħu l-inkomdu timpusturani iżjed! M’iniex se nkun qed nistennieha llum. La llum u la qatt aktar. Illum… illum tmintax-il sena tard wisq!
Tieqaf għal bosta sekondi tħares lejh, ir-riċevitur f’idejh it-tnejn.
Wieħed għandu jassumi li l-manetti qed tarahom.
Pawsa.
LEĦEN: (l-istess) Hello, Paul?
PAWLU: (jirrispondi, imma għajnejh jibqgħu fuqha) Hello.
Eżasperata, mifxula u ma tistax tifhem x’inhu jiġri, iddur u toħroġ ‘il barra fl-istess dagħdigħa
li daħlet biha. Pawsa.
LEĦEN: Qed tismagħni, Paul?
PAWLU: (jagħfas bil-mod buttuna fuq it-telefown – ipoġġi t-telefown fuq l-iskrivanija u jitkellem fuq l-ispiker)Qed nisimgħek.
LEĦEN: Milli jidher l-inkwiet jiġri warajk int, Paul.
PAWLU: Int tiġri warajja.
________________________________________
Oreste Calleja (2004)

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.