Il-Presidenti

 
 

Ġużè Muscat Azzopardi
1853-1927

President tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti
1920-1927

Ġużè Muscat Azzopardi twieled Ħal Qormi fl-1 ta’ Settembru 1853. Studja fis-Seminarju u fl-Università ta’ Malta minn fejn ħa d-diploma ta’ Prokuratur Legali fl-1875. Kien membru fil-Kunsill tal-Gvern. Fl-1920 waqqaf l-Għaqda Kittieba tal-Malti (li aktar tard saret l-Akkademja tal-Malti) u ġie elett bħala l-ewwel president tal-Għaqda, kariga li żamm sa mewtu fl-1927. Fl-1924 sar l-ewwel editur ta’ Il-Malti. Ix-xogħol letterarju tiegħu jinkludi rumanzi, poeżiji, reċti, bijografiji u traduzzjonijiet. Franġisk Saverju Caruana sejjaħlu ‘Missier il-Letteratura Maltija.’ Fost ir-rumanzi tiegħu ta’ min isemmi Toni Bajjada (1878), Mattew Callus (1878), Viku Mason (1881), Susanna (1883), Ċejlu Tonna (1886), Ċensu Barbara (1893) u Nazju Ellul (1909).

Aqra aktar dwaru


Dun Karm Psaila
1871 – 1961

President tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti
1927 – 1942

Dun Karm Psaila huwa l-Poeta Nazzjonali ta’ Malta. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija u ġie ordnat saċerdot fl-1894. Għallem bosta suġġetti fis-Seminarju Minuri. Fl-1921 ġie nominat Kanonku Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral u ħa l-kariga ta’ Assistent Librar fil-Librerija Nazzjonali. Sentejn wara nħatar Direttur tal-Libreriji Ċirkolanti. Qabel l-1912, Dun Karm kiteb biss bit-Taljan. Fl-1896 ħareġ Foglie d’alloro u seba’ snin wara l-ġabra Versi. “Quddiem Xbieha tal-Madonna” kienet l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti u dehret fil-gazzetta Il-Ħabib. F’Mejju, 1914, dehret l-ewwel ġabra ta’ 15-il poeżija bil-Malti ta’ Dun Karm bl-isem ta’ L-ewwel Ward jew Ġemgħa tal-Poeżijiet li ktibt bil-Malti. Dehret fil-kullana Mogħdija taż-Żmien. Sitt snin wara ħareġ il-ġabra Ward ieħor jew Ġabra oħra ta’ Poeżijiet bil-Malti. Fl-1923 indaqq l-ewwel darba l-Innu Malti bil-kliem ta’ Dun Karm u mużika tas-Surmast Robert Samut. Mill-1927 sal-1941 kien President tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Bħala rikonoxximent għall-

Aqra aktar dwaru


Prof. Ġużè Galea
1901 – 1978

President tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti ~ L-akkademja tal-Malti
1942 – 1973

Ġużè Galea (1901-1978) kien tabib u kittieb ta’ għadd ta’ rumanzi. Studja fis-Seminarju tal-Arċisqof, il-Kulleġġ San Alwiġi u l-Università ta’ Malta minn fejn fl-1928 iggradwa bħala tabib. Kompla jispjeċjalizza f’Londra fis-Saħħa Pubblika. Għamel karriera mal-gvern Malti fil-qasam tas-saħħa fejn okkupa diversi karigi fosthom ta’ Supritendent tas-Saħħa Pubblika. Għallem fl-Università l-Mediċina Forensika. Kiteb bosta rumanzi storiċi fosthom Żmien l-Ispanjoli, San Ġwann, Raġel bil-Għaqal u Meta nħaraq it-Teatru. Ta kontribuzzjonijiet ukoll fil-Melita Historica. Mill-1942 sal-1973 kien President tal-Akkademja tal-Malti. Kien ukoll President tas-Soċjetà Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ.

Aqra aktar dwaru


Prof. Wallace Philip Gulia
1926 – 2000

President tal-Akkademja tal-Malti
1974 – 1984

Wallace Ph. Gulia (1926-2000) kien Imħallef u poeta. Studja l-Liċeo u fl-universitajiet ta’ Malta, Londra u Manchester. Kien lettur fl-Amministrazzjoni Pubblika u Soċjali u fit-Teorija Politika. Għallem ukoll il-Liġi tal-Amministrazzjoni. Okkupa diversi karigi bħal dawk ta’ Avukat tal-Kuruna u Imħallef. Kien ċermen tal-Land Arbitration Board, il-Mental Health Review Tribunal, il-Kunsill Studenti Universitarji, is-Soċjetà Maltija tal-Għomja u President tal-Akkademja tal-Malti. Ippubblika l-ġabriet ta’ poeżiji L-Ewwel Għanja (1947), U Alla deher lill-Bniedem (1974) u Marjana (1984).


Rev. Joseph Ghigo
1927 – 2003

President tal-Akkademja tal-Malti
1984 – 1995

Patri Joseph Ghigo S.J. (1927-2003) kien President tal-Akkademja tal-Malti bejn l-1984 u l-1995. Ta’ tmintax-il sena daħal mal-Ġiżwiti. Studja l-Filosofija fil-Kulleġġ ta’ Heythrop f’Oxfordshire, fl-Ingilterra.Fl-1952 ġie lura Malta u beda jgħallem fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi ta’ Birkirkara. Sena wara kompla l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ Arici ta’ Brescia. Studja t-Teoloġija fi Brussell, il-Belġju, fejn ġie ordnat saċerdot fl-1957. F’Settembru tal-1958, beda l-aħħar sena ta’ formazzjoni, f’Saint Beuno’s College,  f’Wales. Mill-1959 sas-sena 1963 mar jistudja fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Londra, fl-Ingilterra, fejn kiseb l-B.Sc fl-Ekonomija. Kif ġie Malta ntbagħat fil-kunvent tal-Isla li kien għadu kemm fetaħ. Kien editur tar-rivista Problemi tal-Lum mill-1968 sal-1995. Fost il-kotba tiegħu ta’ min isemmi Ejjew u Taraw (1986), Il-Mara li Alla Ħabb (1988) u Miexi lejn id-Dawl (2006).


Achille_Mizzi

Achille Mizzi
t.1939

President tal-Akkademja tal-Malti
1995 – 2000

Achille Mizzi (t. 1939), wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju kien President tal-Akkademja tal-Malti bejn l-1994 u s-sena 2000. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle, fis-Seminarju Arċiveskovili u fl-Università ta’ Malta. Fl-1958 beda jgħallem fl-iskejjel elementari tal-gvern. Żamm din il-kariga sal-1963 meta daħal uffiċjal tad-Dwana. Fl-1988 beda jaħdem fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura fejn kien involut fl-organizzazzjoni ta’ bosta attivitajiet kulturali, speċjalment dawk taċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 Anniversarju tal-Indipendenza. Serva bħala Segretarju tal-President fi żmien il-Presidenti Ugo Mifsud Bonnici u Guido de Marco. Fl-1967 ħareġ l-ewwel ġabra tiegħu ta’ poeżiji L-Għar tal-Enimmi wara li xogħol tiegħu deher f’diversi antoloġiji fosthom Mas-Sejħa tat-Tnabar. Achille Mizzi ssieħeb fl-Akkademja fl-1968 u serva bħala President mill-1994 sas-sena 2000. Rebaħ tliet darbiet il-Premju Letterarju tal-Gvern. Fost il-kotba tiegħu ta’ min isemmi Il-Kantiku tad-Demm (1980), Taqtir is-Skiet (1987), Poeżiji (1993), Vetrati Milwiena (1998), Eklissi Perpetwi (2007) u The Essential Achille Mizzi (2009). F’Jum ir-Repubblika 2011 ġie maħtur bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu (MOM) għall-kontribut tiegħu fil-qasam letterarju.

Aqra aktar dwaru


Dr Charles Briffa

Dr Charles Briffa
t.1951

President tal-Akkademja tal-Malti
2000 – 2004

Charles Briffa huwa Professur tat-traduzzjoni u tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Jattendi diversi konferenzi internazzjonali fuq il-lingwi, il-letteratura, l-eżamijiet, l-edukazzjoni, u t-traduzzjoni. Huwa awtur prolifiku ta’ kotba ta’ riċerka bil-Malti (Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija) u bl-Ingliż ( Rhythmic Patterns in Maltese Literature), u ttraduċa bosta xogħlijiet għall-Malti (The Power and the Glory ta’ Graham Greene) u għall-Ingliż (L-Istramb ta’ Oliver Friggieri). Bħala kritiku letterarju l-Professur Briffa jispeċjalizza fuq il-psikostilistika li tanalizza l-iżvilupp psikoloġiku tal-karattri fix-xogħlijiet letterarji (ara, ngħidu aħna, Il-Letteratura Maltija: L-Istorja tan-Narrattiva). Fil-qasam tat-traduzzjoni teknika u letterarja jirriċerka ħafna l-ekwivalenza bejn il-Malti u l-Ingliż, u jagħmel studji komparattivi bejn iż-żewġ lingwi. Ippubblika The English-Maltese Dictionary for the 21st Century u diversi kotba fuq il-Malti (Il-Varjetajiet tal-Malti) u fuq il-kultura lingwistika (Il-Moħħ fl-Ilsien). Rebaħ bosta premjijiet letterarji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Jorganizza diversi programmi fuq il-Malti għal fuq ir-radju (l-aktar ta’ Xandir Malta u ta’ Campus FM).


bernard-micallef

Dr Bernard Micallef
t.1963

President tal-Akkademja tal-Malti
2004 – 2005

Dr Bernard Micallef, attwalment il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, jispeċjalizza fil-letteratura Maltija, fl-ermenewtika (it-teorija tal-interpretazzjoni), fil-kritika tar-rispons tal-qarrej, u fil-fenomenoloġija. It-teżi tad-dottorat tiegħu għandha t-titlu: Between the Text and the Reader: Interpretation in the Reading of Modern Maltese Poetry. Kiteb xogħlijiet letterarji, fosthom ir-rumanz Miżerji Magħżula mill-Ħajja ta’ Ħalliem, u għadd ta’ studji dwar il-kritika u l-interpretazzjoni tal-letteratura. Ippreżenta l-istudji tiegħu f’konferenzi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Bħala President talAkkademja tal-Malti fl-2004, ikkordina żewġ ħarġiet ta’ Il-Malti, l-aġġornament tal-istatut, u diversi attivitajiet. Huwa membru ex officio tal-kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università, li b’inizjattiva tiegħu reġgħet bdiet topera fl-2012.


marcogalea

Dr Marco Galea
1968 –

President tal-Akkademja tal-Malti
2005 – 2007

Marco Galea kien president tal-Akkademja tal-Malti bejn l-2005 u l-2007. Huwa studja l-Malti u t-Taljan fl-Università ta’ Malta, u l-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Birmingham fir-Renju Unit minn fejn kiseb id-dottorat fl-2004. Għamel żmien jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Illum jgħallem l-istudji teatrali fl-Iskola tal-Arti Performattiva tal-istess università. L-interess ewlieni tiegħu fil-qasam tar-riċerka huwa fl-istorja tat-teatru f’Malta u fil-kitba drammatika għal dan it-teatru. Ippubblika diversi xogħlijiet ta’ riċerka, l-aktar dwar it-teatru f’Malta fis-sekli dsatax u għoxrin. Fl-aħħar żmien ħadem biex jinħoloq arkivju diġitali tal-arti performattivi f’Malta u jkun aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha.


antonagiusmuscat

Anton Agius Muscat
1931 – 2018

President tal-Akkademja tal-Malti
2007 – 2009

Anton Agius Muscat twieled fid-19 ta’ April 1931 il-Ħamrun u studja l-Liċeo, is-St Michael’s Training College u f’St Mary University College ta’ Twickenhan, l-Ingilterra. Fl-1950 beda jgħallem mad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. Fl-1960 laħaq assistent-kap u fl-1970 inħatar kap ta’ skola. Irtira mis-servizz fl-1992.

Ħadem fi ħdan il-Moviment tal-Malti u l-Għaqda Letterarja Maltija. Ħa ħsieb jippreżenta diversi programmi letterarji fiż-żewġ għaqdiet.

Laqgħuh membru ta’ l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-1960. Għal snin twal qeda fil-kunsill kemm bħala Segretarju Relazzjonijiet Pubbliċi kif ukoll bħala Teżorier u Viċi-President.

F’isem L-Akkademja tal-Malti organizza u mexxa erbatax-il programm televiżiv fl-1980/81 bl-isem Ħarsa mill-Qrib, li fihom it-telespettatur iltaqa’ ma’ kittieba anzjani.

Fl-1982 Karmenu Vassallo ddeskrivieh bħala “kontributur ħawtiel u lieżem fil-qasam ġurnalistiku Malti, b’ħemel ta’ kitba bl-Ingliż u bil-Malti ta’ qatgħa u xejra kulturali/edukattiva/soċjali.


carmelazzopardi

Carmel Azzopardi
t.1946

President tal-Akkademja tal-Malti
2009 – 2013

Carmel Azzopardi B.A (Gen), M.A., Dip. Educ. (Adm. & Mgt) għallem il-Malti fil-livell sekondarju għal 25 sena. Okkupa wkoll il-karigi ta’ Assistent Kap tal-Iskola, Aġent Kap tal-Iskola u Uffiċjal Edukattiv (Riċerka u Dokumentazzjoni)  fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Għal snin għallem l-ortografija (kontenut u pedagoġija) lil studenti tal-B.Ed fl-Università ta’ Malta.  Fl-istudji tiegħu speċjalizza fl-ortografija tal-Malti u għall-M.A. ressaq it-teżi L-Ortografija Uffiċjali tal-Malti: Analiżi Lingwistika Kritika b’Suġġerimenti għal Titjib. Għal snin okkupa l-kariga ta’ President tal-Għaqda tal-Malti (Università) u bejn l-2000 u l-2004 okkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Akkademja tal-Malti u kien ukoll Chairman tal-Kummissjoni Lingwa fi ħdan l-istess Akkademja. Bejn Ġunju 2004 u Settembru 2009 ħadem fid-Direttorat għat-Traduzzjoni u t-Terminoloġija tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu u għal erba’ snin u nofs okkupa l-kariga ta’ Kap tal-Unità Maltija tat-Traduzzjoni fl-istess direttorat.  Inħatar President tal-Akkademja f’Settembru 2009. Hu awtur, fost xogħlijiet oħra, ta’ Gwida għall-Ortografija – għajnuniet għall-kitba bil-Malti, Gwida għall-Ortografija – it-taħriġiet, Kannizzati (volumi 1, 2 u 3) u Xpakka (1 u 2). Hu wkoll koawtur ta’ Regoli għal Kitba tal-Malti. Ta kontribut fit-tliet seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti: “Il-Varjani Ortografiċi”, “Il-Kliem ta’ Nisel Ingliż fil-Malti” u “Il-Bilingwiżmu fl-Edukazzjoni ta’ Pajjiżna” u wkoll fit-tfassil ta’ “Deċiżjonijiet 1”.


Olvin Vella (President)

Dr Olvin Vella
t.1973

President tal-Akkademja tal-Malti
2013 – 2017

Olvin Vella B.A. (Unuri), PGCE, MA, Ph.D. għallem il-Malti fil-livell primarju u sekondarju qabel ma nħatar Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti (2005-2008). Fl-2009 beda jgħallem l-istorja tal-Malti u l-pjanifikazzjoni lingwistika fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta.

Fl-1999 waqqaf ma’ oħrajn l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti. Fis-sentejn 2000-2001 kien wieħed mill-ħames membri tal-Bord għall-Ilsien Malti maħtur mill-Gvern biex iħejji l-abbozz ta’ liġi tal-ilsien Malti. Fis-snin 2001-2005 kien segretarju tal-Għaqda tal-Malti (Università), u fis-snin 2005-2008 kien segretarju tal-Akkademja tal-Malti.

Bħalissa huwa membru tal-kunsill tal-Akkademja u membru wkoll tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Huwa editur ta’ Dawl ġdid fuq Vassalli (2004), Essays on de Soldanis (Journal of Maltese Studies nru 27, 2010) u Minn Fomm Vassalli (ma’ David Agius Muscat) u l-awtur ta’ għadd ta’ studji storiċi fuq l-ilsien Malti, l-aktar fuq l-awturi tas-seklu 18.


Dr Mario Cassar
t.1962

President tal-Akkademja tal-Malti
2017 – 2018

Mario Cassar twieled fil-5 ta’ Awwissu 1962 minn Espedito Cassar u Ursolina, imwielda Zarb. Hu miżżewweġ lil Deborah, imwielda Caruana, u għandu tifla, Katrina. Joqgħod iż-Żejtun, imma trabba u għex għal ħafna snin Ħal Luqa.

Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Luqa (1968–1973); il-Kulleġġ Mount Carmel (illum St Elias), Santa Venera (1973–1978); l-Upper Secondary, il-Belt Valletta (1978–1980); u l-Università ta’ Malta (1981–1986), minn fejn iggradwa B.Ed. (Hons.). Aktar tard, mill-istess università, kiseb l-M.A. (Malti) fl-1996, u l-Ph.D. (Studji Maltin) fl-2011. It-teżijiet rispettivi tiegħu kienu intitolati: Ir-Rumanz Malti fis-Snin Tletin, Mudelli Immaġinattivi fil-Poeżija Romantika Maltija, u Maltese Surnames: The Sicilian and Italian Connections.

Għallem f’diversi skejjel, fosthom fil-Junior Lyceum Carlo Diacono taż-Żejtun. Ilu jgħallem il-lingwistika u l-letteratura Maltija  fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, l-Imsida, sa mill-1995.

Fis-snin 1992–1994 kien president tal-Għaqda tal-Malti (Università). Ta sehmu fl-organizzazzjoni ta’ diversi seminars letterarji u korsijiet fis-sengħa tal-kitba. Hu membru tal-ICOS (soċjetà internazzjonali tal-onomastika). Attenda diversi konferenzi u korsijiet barra minn Malta relatati mal-lingwistika u l-onomastika.

Kiteb numru kbir ta’ artikli u papers akkademiċi f’ġurnali u rivisti lokali, l-aktar fuq il-letteratura u l-ilsien Malti, iżda anki fuq l-onomastika, l-arti u ċ-ċinema. Ikkontribwixxa għadd ta’ artikli oħra fuq l-istorja ta’ Ħal Luqa u l-patrimonju artistiku tar-raħal fil-fuljett Leħen il-Parroċċa, kif ukoll fil-kotba tal-festa li joħorġu ta’ kull sena miż-żewġ soċjetajiet mużikali ta’ Ħal Luqa. Kiteb ukoll Ir-Reqqa tal-Kitba (2000), manwal fuq l-ortografija Maltija; u The Surnames of the Maltese Islands: An Etymological Dictionary (2003), ktieb fuq is-sinjifikat u n-nisel tal-kunjomijiet Maltin. Huwa koawtur ta’ żewġ kotba oħra: Il-Qari tal-Letteratura (Malta, 2009) u L’ultima città musulmana: Lucera (Bari, 2012).


Prof. Albert Borg
t.1950

President tal-Akkademja tal-Malti
2018 – 2019

Albert Borg twieled fl-1950. Iggradwa mill-Università ta’ Malta (B.A. (Hons.) fil-Malti) fl-1972, u mill-Universita’ degli Studi, Ruma (D.Litt.) fl-1975, b’teżi li pproponiet reviżjoni xjentifika tal-ortografija Maltija. Fl-1979 iggradwa mill-Università ta’ Edinburgh (Ph.D.) b’teżi li fost affarijiet oħra studjat ir-relazzjoni tal-kategoriji tat-temp u tal-aspett kif tinsab imfissra fil-morfoloġija inflettiva tal-verb Malti.

Sar Assistant Lecturer fid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakoltà tal-Arti fl-Università ta’ Malta f’Diċembru tal-1975, Lecturer f’Ottubru tal-1979, Associate Professor f’Awwissu tal-1988 u (Full) Professor f’Novembru tal-1992. 

Kien Aġent-Kap tad-Dipartiment tal-Malti għal xi żmien mill-1987 u f’Settembru tal-1988 inħatar l-ewwel Direttur tal-Istitut tal-Lingwistika li kien waqqaf flimkien ma’ kollega oħra ftit żmien qabel. Kien Chairman tal-Istitut tal-Lingwistika min-Novembru tal-1994 sa Settembru tal-2008.

Apparti t-tagħlim, stinka biex l-istudju tal-Malti jpoġġih f’kuntest iktar wiesa’ f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet kemm lokali kif ukoll barra minn Malta u barra mill-pubblikazzjonijiet f’ismu għandu diversi xogħlijiet oħra konġunti ma’ studjużi minn oqsma differenti tal-Lingwistika. Kien wieħed mill-ewwel membri ta’ AIDA, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Djaletti tal-Għarbi u għen fit-twaqqif ta’ GĦILM, ml-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija.

Flimkien ma’ kollegi oħra ħadem fil-“Bord tal-Malti” (taħt tliet amministrazzjonijiet differenti: minn Diċembru tal-1994 sa Mejju tal-2001) biex titħejja l-liġi li kellha twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Kien membru ta’ dan il-Kunsill għal diversi snin, u Chairman tal-Kumitat tekniku li kien responsabbli għal Deċiżjonijiet 1 u Deċiżjonijiet 2.

Kien il-President tal-Akkademja tal-Malti minn Awwissu tal-2018 sa Lulju tal-2019.


Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.