Dun Karm

bio_dunkarmDun Karm twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871. Il-ġenituri tiegħu kienu wlied ir-raba’ imma missieru kien spiss ibaħħar bejn Malta u l-Greċja u artijiet oħra u għalhekk Dun Karm kien aktar intrabat ma’ ommu.

L-ewwel skola li studja fiha Dun Karm kienet l-iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ u kien tfajjel fuq tiegħu medhi fil-logħob tat-tfulija. Aktar tard studja s-Seminarju u ta’ 23 sena sar qassis u beda jgħallem is-Seminarju.

Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu.

Waħda mill-ġrajjiet koroh li ħallew effett kbir fuqu kienet il-mewt ta’ ommu fl-1909. Ma’ din il-kriżi ssieħbet oħra ftit wara meta fl-1910 l-awtoritajiet tal-Knisja ġiebu minn Ruma lill-Kardinal La Fontaine biex jifli l-qagħda ekkleżjastika tal-gżira. Ir-riforma laqtet sewwa lis-seminarju fejn kien jgħallem Dun Karm u ġiebet bidla sħiħa fil-ħajja tal-poeta għax ma tħallewx jgħixu u jorqdu aktar fil-bini tas-seminarju. Minn issa ’l quddiem, Dun Karm sab ruħu maqtugħ mill-ambjent li ħabb u beda jgħix f’solitudni kbira. Hu stess jistqarr li sab ruħu “midfun ħaj fi tliet kmajriet fil-Belt fejn ma kont naf lil ħadd u ħadd ma kien jafni”. Imma f’din id-dar li tinsab fi Triq l-Ifran fil-Belt u li għex fiha f’iżolament sħiħ għal 26 sena kiteb uħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Kien fl-1912 meta għodwa waħda, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi ltaqgħu miegħu fil-Palazz il-Belt u talbuh jiktbilhom poeżija bil-Malti għal rivista bl-isem Il-Ħabib. Kellha tkun din l-okkażjoni li wara snin twal ta’ kitba bit-Taljan ħajritu jibda jikteb bil-Malti. L-ewwel poeżija ta’ Dun Karm bil-Malti, Quddiem Xbieha tal-Madonna dehret fl-ewwel ħarġa ta’ Il-Ħabib fl-1 ta’ Frar 1912. Kellu 40 sena.

Minn dakinhar Dun Karm baqa’ jikteb bil-Malti u poeżiji bħal L-Innu Malti, L-Għanja tar-Rebħa, Lil Malta,Għal Dun Mikiel Xerri, Lil Mikiel Anton Vassalli u Wied Qirda wassluh biex ikun magħruf bħala l-poeta nazzjonali. Imma aktarx li l-aqwa biċċa xogħol tiegħu hi Il-Jien u Lil hinn Minnu – poeżija twila li hu stess iddefinieha bħala “għanja tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ”.

Dun Karm miet fl-isptar tal-Blue Sisters fit-13 ta’ Ottubru tal-1961.

Joseph P. Borg 10.04.2002

IL-POEŻIJA BIL-MALTI TA’ DUN KARM
Il-qofol skont il-waqtiet ewlenin

Fl-ewwel perijodu tal-ħajja poetika Maltija ta’ Dun Karm jitilgħu fil-wiċċ il-preokkupazzjonijiet tiegħu bħala bniedem solitarju, mogħti għar-riflessjoni aktar fuqu nnifsu milli fuq il-problema eżistenzjali fiha nnifisha. Min-naħa l-oħra jinħass diġa’ l-iżvolġiment tat-tematika nazzjonali-pajsaġġistika. Din hi d-dinja bikrija ta’ bejn l-1912 u l-aħħar snin ta’ l-għoxrinijiet: Mingħajr Omm (1912), Id-Dar (1912), It-Tbaħħir(1912), Inti Ma Tarġax (1912), Waħdi (1914), Lill-Kanarin Tiegħi (1915) u min-naħa l-oħra In-Nissieġa(1913), Lid-Dielja (1913), Il-Għodwa (1914), Ġunju (1914), It-Tifla tar-Raba’ (1915), Il-Musbieħ tal-Mużew(1920), Lill-Mitħna tar-Riħ (1922), Għanja ta’ Malti fl-Amerka (1923), Xenqet ir-Raba’ (1926), Il-Għanja tar-Rebħa (1927).

Is-snin tletin, l-aħjar perijodu tal-poeta meta l-problema tas-solitudni persunali waslet biex titbiddel fi xbiha tal-qagħda umana kollha huma ħaġa waħda mar-riflessjoni Foscoljana mibdija snin qabel u mwettqa bit-traduzzjoni (1936). It-tematika tal-eroj immortali (il-fil nazzjonalistiku ta’ I Sepolcri) setgħet titħallat mat-tematika tal-ħerqa tal-bniedem biex jegħleb il-qerda tal-mewt (il-fil ezistenzjali tal-poema). Waqt li dawn il-motivi huma żviluppati skont ruħ Nisranija f’Il-Jien u Lil hinn Minnu (1938), waqtiet poetiċi oħrajn juru meditazzjoni waħda u twila fuq dik li issa tista’ tissejjaħ l-ossessjoni ewlenija, maqsuma f’żewġ fergħat, ta’ Dun Karm: fuq naħa, it-theddida tal-qerda umana u t-tiftixa ta’ rebħa Nisranija fuqha, u fuq in-naħa l-oħra, is-sejba ta’ l-immortalita fl-istorja, fil-mit nazzjonali, fl-epika ta’ poplu mifdi. Hawn jidħlu Fil-Katakombi – I (1927), Naf u Nemmen (1933), Żagħżugħ ta’ Dejjem (1933), Wied Qirda (1933), Il-Ġerrejja u Jien (1933),Fil-Katakombi – II (1934), Lil Ġannina Pisani – I (1937).  Ix-xejra l-oħra, ħerqana li ssib l-immortalità fil-ġrajja nazzjonali, hi l-qofol ta’ Għal Dun Mikiel Xerri (1933), Lil Mikiel Anton Vassalli (1933), Dehra tat-VIII ta’ Settembru 1565 (1935).

Mill-poeżija tal-gwerra dinjija – hi wkoll imħaxkna bejn l-epika (E-Boats, 1941) u l-eleġija (Illum, 1941) – Dun Karm għadda għal-lirika tal-kalma. Hi l-poeżija aħħarija tar-rieda tajba, fejn tixref sikwit il-ħila tal-letterat u mhux is-setgħa ħallieqa tal-artist. Xi drabi bit-tkomplija tad-djalogu hieni-mnikket man-natura, u drabi oħra bir-ritorn lejn il-poeżija awgurali (ħjiel ta’ nostalġija letterarja għan-neoklassiċiżmu formali tal-perijodu bikri tal-kitba bit-Taljan), dan iż-żmien aħħari mifrux bejn wara l-gwerra u nofs is-snin ħamsin hu l-għeluq ta’ poeta li issa seta’ jħares lejn is-snin għaxra, għoxrin u tletin tas-seklu bħala l-mument tal-maturazzjoni tiegħu.

Mill-bqija, il-poeta li ried ikun demokratiku u fidil lejn ix-xejriet popolari hu dak li għandu jitfittex fil-ħażna ta’ innijiet u għanjiet awgurali ċivili u reliġjużi. Il-kant popolari hu aspett ewlieni ieħor. Lil hinn minn dawn l-intervalli ta’ importanza iżgħar, tibqa’ l-figura tal-poeta li beda bid-djarju persunali mbiddel fi kriżi tal-individwu, għadda biex sieħeb il-kriżi individwali mar-rebħa Nisranija u mal-mit nazzjonali, u waqt li ssokta t-taħdita ħerqana man-natura għalaq il-mixja poetika kollha bil-versi tad-diżimpenn, tal-għeja spiritwali u teknika.

It-tliet iżmna ewlenin (mill-bidu fl-1912 sa madwar l-għeluq tas-snin għoxrin; is-snin tletin; is-snin erbgħin u l-ewwel ftit snin tal-ħamsinijiet) iridu jitqiesu wkoll fid-dawl tal-kitba bit-Taljan, mibdija fl-1889 u ssoktata għal snin twal wara l-1912. Id-dehra sħiħa tibqa’ ta’ bniedem marbut mill-qrib mal-kelma poetika, magħluq fid-dinja tal-meditazzjoni mistika-eżistenzjali u miftuħ beraħ biex iġarrab id-dinja oġġettiva bis-senswalità mixtieqa-mistmerra tagħha. Il-poeta tal-kriżi tal-għajxien, tat-talba Teoloġika, taċ-ċelebrazzjoni patrijottika għanna bi kburija l-ħidma tal-ħaddiema l-iżjed importanti ta’ Malta ta’ żmienu. It-taħdita profonda tar-ruħ tiegħu tibqa’, mela, bejn is-suġġett privat (il-qassis, il-ħassieb) u s-suġġett pubbliku (il-profeta nazzjonali, is-soċjoloġiku).

Minn Dun Karm – Il-Poeżiji Miġbura, edizzjoni kritika ta’ Oliver Friggieri,  Klabb Kotba Maltin (1980) – Pubblikazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.