Proża – “Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ” minn Oliver Friggieri

Silta mir-rumanz  

gizimin_oliverL-istejjer tan-nannu kienu jispiċċaw sikwit  b’ħafna mistoqsijiet tiegħu stess. Kellu ħabta jtemm ir-rakkont bil-mod il-mod, jieħu nifs twil ‘il ġewwa biex jistrieħ għal ftit, jagħti ħarsa qasira ‘l barra mit-tieqa tal-gallerija, u jerġa’ jibda jitkellem waqt li jbandal lil Toninu kemm kemm fuq siequ l-leminija. Kien jirrakkonta biex jagħti gost lit-tifel, li ma kienx jiddejjaq qabel ma jkun beda jongħos u qabel ma rasu tkun bdiet tixxengel sakemm tinżel tistrieħ fuq sidru. Kien jirrakkonta wkoll biex bħallikieku jitkellem waħdu b’leħen għoli li jisimgħu hu nnifsu, ma’ dik it-taqsima wiesgħa tal-memorja tiegħu fejn kienet maħżuna żgħożitu mbiegħda.

Dakinhar ix-xita kienet ilha traxxax bla waqfien minn filgħodu, iżda ma kienx jidher li se tagħmel ħalba kbira. It-temp ukoll kien indeċiż. Kien dħul is-sajf u kollox kien juri li s-sħana kienet qiegħda tinħema biex imbagħad iddum tħeġġeġ xhur sħaħ. Qtar mis-sema bħal dan, bla mistenni, kien iġiegħel lin-nies jaħsbuha darbtejn qabel ineħħu l-kutri u jerfgħu l-ilbies xitwi. In-nannu kien għadu ma neżax is-sidrija ta’ ġewwa u z-zija kienet għadha ma żarmatx il-purtieri ħoxnin u lanqas refgħet it-twapet .

It-tokki tal-qanpiena fustanija tal-knisja kienu għadhom kemm ħabbru l-ħin tal-Ave Marija.

Toninu ntebaħ li l-istorja spiċċat. Issa kien qiegħed jistenna l-mistoqsijiet jibdew.

“Inti x’taħseb, Toninu? Huwa raġel tajjeb?” staqsieh waqt li għolla rasu, ħares lilhinn u għalaq għajnejh għal ftit.

“Naħseb li hu wkoll huwa raġel tajjeb, nannu.”

“Mela hekk hu, ruħi.”

“Imma jien fejn naf, nannu?”

“It-tfal jgħidu l-verità.”

“Mela anki hu għad imur il-ġenna, nannu,” wieġbu Toninu bil-ferħa.

“Nittama, ruħi, nittama.”

Fit-taraġ ta’ l-appartament bdew jinstemgħu l-passi telgħin. Il-ħoss tat-takkuna kien jingħaraf.

“Waslet iz-zija, nannu!” qallu Toninu.

In-nannu niżżlu minn fuq ħoġru u tbiegħed ftit minnu. Qabad il-bastun li kien ħallieh iserraħ mar-rokna tal-gallerija u beda miexi ‘l ġewwa. Toninu mexa warajh u mbagħad ġera lejn iz-zija bi tbissima kbira. Kellha l-velu tal-knisja f’idha. Hi refgħetu, ferħet bih u bisitu fuq ġbinu. Malli reġa’ mess ma’ l-art, irranġa xagħru mħabbel b’idu l-leminija. Il-beżbuża kienet iddejqu mniżżla quddiem għajnejh, u missieru kien iwissih li dik setgħet tagħmillu l-ħsara fil-viżta.

“Illejla se torqod għandna, Toninu,” ħabbritlu z-zija. “Lill-papà għedtlu diġà. Għadni kemm iltqajt miegħu l-knisja. Għada s-Sibt u m’għandekx skola. Tista’ tibqa’ rieqed kemm trid. Ferħan li se torqod hawn?”

“Iva, zi,” weġibha fil-pront. “Nittama li l-mamà u l-papà ma jiddejqux weħidhom.”

“Le, ibni, mhumiex se jiddejqu,” serrħitlu rasu z-zija.

In-nannu, imwieżen fuq il-bastun, baqa’ dieħel fil-kċina u qagħad bil-qiegħda f’ras il-mejda, fuq is-siġġu ta’ dejjem tiegħu, jistenna l-ikel. Kien iteftef bħal għasfur iżda l-ġuħ kien jagħmel bih xorta waħda. Kien jidher li saħħtu marret lura ħafna f’salt, qisu ż-żmien waqa’ fuqu bħal ħalba xita qawwija u ta’ malajr.  Minn kif kien jafu Toninu sa mill-bidu, il-mustaċċi biss baqgħu l-istess, twal, twal, imwasslin bil-ponta fuq kull naħa. Kien għolob ħafna, tgħawweġ kemm kemm, xagħru ma baqax folt, u wiċċu tilef kull ħajr. Toninu seta’ jintebaħ li dan ir-raġel kien qiegħed jinqata’ qajl qajl għalih waħdu, inaqqas mill-kliem, jiekol mill-inqas, ma jitbissimx wisq, iħares ċass donnu qiegħed jistenna xi ħaġa. Iżda l-istejjer tiegħu baqgħu sbieħ bħalma kienu sa mill-ewwel darba li kien jiftakar li rah. Ma kienx iħawwad fil-kliem, ma kienx jirrepeti għalxejn, u baqa’ jaf ibiddel leħnu skond il-ħtieġa. Is-sura tiegħu, għajjiena, mitluqa, ma kienet taqbel xejn mal-qagħda ta’ moħħu.  Meta kien jibda jitkellem, Toninu seta’ jibqa’ jissaħħar minnu daqs li kieku kien fil-klassi ta’ l-iskola, fejn l-istejjer kienu importanti ħafna. Ma kienx għalliem tajjeb min ma kienx jaf jirrakkonta minn waqt għal ieħor, bħan-nannu. In-nannu kien jilgħab bil-kliem, itellgħu fuq fommu minn xi mkien hemm isfel, qrib qalbu, fejn kien jaħżen il-ħsejjes. U l-istejjer tiegħu kienu qishom ta’ veru u ma kinux ta’ veru, u ma kinux għall-eżami.

“Qallek xi storja sabiħa n-nannu llejla?” staqsietu z-Zija Pawla.

“Iva, zi,” weġibha minnufih Toninu.

“U fuqiex kienet din l-istorja?” kompliet.

“Fuq vapur li kien fih ħafna nies…”

“Issa ħallik mill-istejjer, Pawla,” qatgħalha kliemha missierha.

“Kollox sew, pa,” qatgħetlu xewqtu bintu, kemm kemm maħsuda. Minħabba saħħtu kienet drat il-burdati tiegħu sewwa.

Toninu baxxa rasu  u ressaq il-pożati eqreb lejn il-platt.

“L-ewwel irroddu s-Salib u ngħidu t-talba ta’ qabel l-ikel,” qabeż ix-xwejjaħ, waqt li ġabar idejh qisu fi knisja.

“Dażgur, Toninu. Qabel nieklu, ngħidu t-talba,” kompliet iz-zija.

Ma kinitx ħaġa ġdida għalih li jgħid it-talba, iżda ma qalilhom xejn. Waqgħet sikta u t-tlieta ħarsu lejn xulxin.

“Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu…” beda x-xwejjaħ, u t-tnejn komplew miegħu.

Toninu dam ftit aktar minnhom biex  temm ir-radd tas-Salib u n-nannu u z-zija ħarsu lejh biex jaraw li raddu tajjeb. Imbagħad baqa’ bil-pali ta’ idejh it-tnejn miftuħin imgħaqqdin flimkien, jistenna.

“Issa nistgħu nibdew,” stqarr ix-xwejjaħ, u niżżel rasu fuq il-platt biex jibda.

“Kul, kul, ibni, ħalli tikber,” ħeġġitu z-zija.

Toninu ħares lejn idejhom minn taħt biex jara li jagħmel bħalhom. Ma kienx jistħi minnhom iżda xorta waħda baqa’ jħoss dejjem  is-sudizzjoni quddiemhom. Seta’ jifhem waħdu li hemmġew kollox kien isir bl-ordni, bil-qies u f’ħinu, skond programm li ma kienx miktub iżda li kellu jmexxi kollox.

Fi tmiem l-ikla n-nannu u z-zija ħadu kikkra te bil-lumi u Toninu baqa’ jistenniehom jispiċċaw. Reġgħu raddu s-Salib u qalu t-talba u qamu minn mal-mejda. Iz-zija farfret it-tvalja mill-frak tal-ħobż, stenniethom joħorġu mill-kċina u tfiet warajhom.

In-nannu beda miexi fuq il-bastun, jogħtor u jieqaf u jkompli,  u Toninu mexa warajh. Fil-kuritur qasir kien hemm biss id-dawl ta’ lampa ċkejkna ta’ l-elettriku, mixgħula lejl u nhar quddiem kwadru tal-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija. F’ħin minnhom iz-zija għaġġlet ftit u qabżithom biex tixgħel il-kamra li kien imiss. Ebda bozza oħra ma kienet titħalla mixgħula, imqar għal ftit, bla bżonn.

“Issa ngħidu r-Rużarju flimkien, Toninu,” qallu x-xwejjaħ, waqt li niżel jistrieħ fuq is-siġġu tal-qasab li kellu ħdejn is-sodda tiegħu.

Malli temmu t-talb, Toninu rabat idejh u baxxa rasu u resaq lejn in-nannu.

“Bravu, bravu, Toninu,” qallu. Idu x-xellugija kienet miftuħa fuq il-bastun waqt li idu l-oħra nfetħet fuq ras it-tifel u reġgħet ħabblitlu xagħru.

“Bezzjoni, nannu.”

“Kun imbierek, Toninu,” wieġbu u bi tliet swaba’ ta’ idu l-leminija mqabbdin taħt geddumu qabadlu wiċċu u għollihilu. Ħares lejh u ċaqlaq rasu u reġa’ qallu, “Kun imbierek, Toninu.”

“Issa ejja ħa mmorru norqdu, ibni,” qaltlu z-zija, waqt li ħaditu f’kamra oħra u ħejjietu biex jorqod.

Toninu radd is-Salib u tenna magħha t-talba ta’ qabel l-irqad. Daħal fil-friex u talabha tbierku.

“Kun imbierek, ibni,” qaltlu, imbagħad baxxiet leħenha u kompliet, “Tinsiex titlob lill-Bambin għan-nannu. In-nannu ma jiflaħx u għandu bżonn ħafna talb. U t-talb tat-tfal jinstema’ iżjed minn tal-kbar.”

Toninu ħass li ma setax jonqos lin-nannu u beda jitlob b’ħerqa kbira. Iz-zija għaddiet idha fuq xagħru u tbissmitlu, waqt li ħalliet il-bozza tal-kamra mixgħula sakemm għajnu tmur bih.

“Pawlu, Pawla,” instema’ n-nannu jsejħilha minn kamartu.

Hi ħarġet minnufih u marret tgħin lil missierha jidħol fis-sodda.

“Ma nħossni tajjeb xejn,” qalilha. “Ma fadallix wisq ħajja.”

“U le, pa, tgħidx hekk,” sabbritu, waqt li stennietu jrodd is-Salib u jimtedd. Tfietlu l-kamra u marret fil-gallerija, tistenna n-ngħas jiġi. Ix-xita kienet għadha traxxax iżda ma kienx hemm sħab iswed. Kienet ċerta li missierha ma kellux żmien twil x’jgħix. Setgħet tistħajjel minn issa li kienet waslet biex tibda tgħix il-bqija ta’ għomorha weħidha, f’appartament mimli tifkiriet li bdew jidhru dejjem aktar bħala kwadri ta’ solitudni. Kull rokna darba kienet tfisser ħajja. Issa kull rokna kienet qisha ritratt safrani f’album li bdiet tibża’ tiftħu. Ħarset lejn it-triq u kienet baħħ, iżda mill-għoli setgħet taraha tleqq bl-ilma.  Ftakret li kienet ħalliet il-kamra ta’ Toninu mixgħula.

In-nannu, imkebbeb fix-xifer ta’ sodda kbira ta’ tnejn, kien rieqed sewwa u l-inħir tiegħu kien jibda u jieqaf, donnu bi skossi.  Il-lampa tal-Madonna kienet tixħet dawl safrani ħafif fuq wiċċu.

Iz-zija daħlet  f’kamritha u xeħtet fuqha l-libsa twila ta’ bil-lejl, li kienet taslilha sa għarqbejha, Dendlet ma’ għonqha l-labtu tal-Karmnu li kienet torqod bih. Ħallet xuxitha u maxtitha quddiem il-mera. Marret fil-kamra ta’ Toninu biex titfilu d-dawl. Issa żgur raqad, ħasbet.

Kien għadu mqajjem, u lemaħha b’xuxitha maħlula. Inħasdet bil-mistħija, tfiet malajr qisha ma ndunatx u daħlet bla ħoss f’kamritha.

L-għada, waqt li missierha u Toninu jkunu għadhom reqdin u jkun fadlilhom ħafna biex jistenbħu, hi kienet se tkun ilha li bakkret u ħarġet għall-quddiesa tal-ewwel, biex imbagħad tasal lura d-dar bix-xirja tal-ġurnata.

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.