Poeżiji – “Għattini, qaltli” minn Victor Fenech

GĦATTINI, QALTLI

Għattini, qaltli.

U leħenha qanqal fija
passjoni bierda
imħabba bla tifsira.

Weħedna. Hi u jien.
Għattini, qaltli.

U jien tbissimtilha.
U ħabtu l-asterojdi
snin-dawl ’il bogħod
fl-ispazju-misterju ta’ moħħi.

U qrajt l-isplużjoni
fit-telqa sħiħa ta’ ġisimha.

Għattini, 
talbitni bi ħraraħlewwa.

Mat-tielet karbatalba
ġbidt fuqha l-liżar abjad
u bkejt bla ħoss
it-telfa ta’ elf ħolma-asterojda.

 

MHUX IŻJED DAN IL-PAJJIŻ TIEGĦI

Mhux iżjed dan il-pajjiż tiegħi. Mhux meta l-gżira, minkejja l-wegħdiet, tgħattewlha x-xtajtiet b’lukandi mifruxa f’tarf l-isbaħ bajjiet!

L-oħla mkejjen ta’ din artna inbidlu f’mostri lussużi minn għonja bla ruħ. Bħal tfajliet somor-gustużi, sidirhom ifuħ, saru ċorma prostituti (jew anki latrini). Il-ftit għelieqi-ġawhar li baqgħalna diġa’ qegħdin ritratti għand l-aġenti fil-vetrini.

Fuq kuxjenza moribonda ta’ poplu ttradut jinstema’ l-ilment kiebi ta’ sireni minxura mal-ballut: sarabanda tqila-twila għat-telf t’għelieqi primi u bajjiet akkwamarini.

 
RAMALLAH

Shiraz! Shiraz!
Qamar aħdar
fl-iswed-ikħal tas-smewwiet.

U ġawhar għajnejk.

U qalbi nirien toħlom bik,
b’sidrek, b’kuxxtejk.

U moħħi mkebbes faħma
fl-abbiss-ħerba ta’ Ramallah
aħmar nar

fejn tgħix int.
SAJONARA 
(Ħsibijiet stil Ħajku)

41.Cafċif il-baħar:
sinfonija sajfija
fuq l-obwe tal-blat.

73.  Żiffa fil-fraxxnu,
sikta sielma kullimkien –
u Alla tkellem.

82.  Fraġli ’mma mimli,
fih l-essenza tal-ħajku –
iż-żahar tal-larinġ.

145.  Ħiemda fir-ramla –
‘mma l-għerf tad-dinja jinsab
f’dil-bronja ċkejkna.

185. Tant fraġli l-ħajku –
imma fil-fond ankrata
il-ħbiela tiegħu.

197.  Riħ il-ħarifa
waqqagħli l-fjuri kollha –
baqa’ z-zkuk u jien.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.