PUEL

Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura

Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura hu premju importanti ħafna li jingħata lill-awturi emerġenti Ewropej u jgawdi prestiġju għoli ferm fl-Ewropa, b’mod partikolari hu prestiġjuż għal pajjiż żgħir bħal Malta.

Il-premju jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq kittieba emerġenti u għandu l-għanijiet li jenfasizza r-rikkezza enormi u l-kreattività tal-letteratura Ewropea kontemporanja fil-qasam tal-proża fittizja, li jippromwovi d-diversità sħiħa tal-letteratura Ewropea u li jistimula ċ-ċirkulazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa. Billi jesponi x-xogħlijiet ta’ awturi barra minn pajjiżhom, jimmira wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem attitudni favur letteratura li tiġi minn barra l-pajjiż. Ix-xogħlijiet tal-awturi rebbieħa jitwasslu għand udjenza usa’ u internazzjonali u jolqtu qarrejja lil hinn mill-konfini nazzjonali u lingwistiċi.

Il-premju hu organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u minn konsorzju magħmul mill-European Writers’ Council (EWC), il-Federation of European Publishers (FEP) u l-European Booksellers Federation (EBF) u hu wkoll ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-konsorzju msemmi. Il-European Writers’ Council, b’koperazzjoni mill-qrib maż-żewġ entitajiet imsieħba fil-konsorzju, hu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ġurija u l-proċedura tal-għażla f’kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti.

Iż-żewġ awturi finalisti tal-edizzjoni 2021 tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea huma Lara Calleja u Joe Pace.