2014

Pierre J. Mejlak jirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2014


Mejlak rebaħ il-premju bil-ġabra ta’ novelli Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid, ippubblikata minn Merlin Publishers fl-2011. Ir-rebbieħa tat-tlettax-il pajjiż li pparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tħabbru nhar l-Erbgħa 8 ta’ Ottubru waqt il-Fiera tal-Kotba ta’ Frankfurt.

Il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea hu premju prestiġjuż li jingħata lil awturi emerġenti Ewropej. Hu aktar prestiġjuż fil-każ ta’ Malta fejn il-pubblikazzjonijiet lokali għandhom ċirkulazzjoni limitata u rari jkollhom l-opportunità li jixirfu lil hinn minn xtutna. Il-premju jixħet l-attenzjoni fuq kittieba emerġenti u għandu l-għanijiet li jenfasizza r-rikkezza enormi u l-kreattività tal-letteratura Ewropea kontemporanja fil-qasam tal-proża fittizja, li jippromwovi d-diversità sħiħa tal-letteratura Ewropea u li jistimula ċ-ċirkulazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa. Billi jesponi x-xogħlijiet ta’ awturi barra minn pajjiżhom, jimmira wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem attitudni favur letteratura li tiġi minn barra l-pajjiż. Ix-xogħlijiet tal-awturi rebbieħa jitwasslu għand udjenza usa’ u internazzjonali u jolqtu qarrejja lil hinn mill-konfini nazzjonali u lingwistiċi. Fi kliem il-Kummissarju tal-UE għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, is-Sinjura Androulla Vassiliou “hu l-uniku premju internazzjonali ta’ dat-tip: hu jiċċelebra l-aħjar talenti ġodda fil-qasam tal-proża fittizja tal-Ewropa u jagħti l-possibiltà li l-pubbliku jiskopri awturi emerġenti minn pajjiżi differenti.”

Il-premju hu kkoorganizzat mill-Kummissjoni Ewropea u minn konsorzju magħmul mill-European Writers’ Council (EWC), mill-Federation of European Publishers (FEP) u mill-European and International Booksellers Federation (EIBF) u hu kkofinanzjat  mill-Kummissjoni Ewropea u mill-konsorzju msemmi. Il-European Writers’ Council, f’kollaborazzjoni mill-qrib maż-żewġ organizzazzjonijiet l-oħra, hu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ġuriji u l-proċedura tal-għażla f’kull pajjiż parteċipant. Għal din ir-raġuni, l-Akkademja tal-Malti, li hi membru tal-EWC, ingħatat l-inkarigu li tikkoordina l-ħidma fuq livell nazzjonali.

Il-premju jingħata lill-35 pajjiż li jipparteċipaw fil-Creative Europe Programme. Dawn il-pajjiżi jitqassmu fi tliet gruppi u darba kull tliet snin awtur minn kull pajjiż parteċipant jirbaħ il-premju. L-ewwel premjijiet ingħataw fl-2009 u Malta, flimkien mat-tnax-il pajjiż l-ieħor fil-grupp tagħha, ħadet sehem l-ewwel darba fl-2011, meta l-awtur rebbieħ kien Immanuel Mifsud bir-rumanz Fl-isem tal-Missier (u tal-Iben). Il-pajjiżi l-oħra li ma’ Malta se jirbħu l-premju fl-2014 huma l-Albanija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Montenegro, is-Serbja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

Kull awtur rebbieħ jingħata €5,000 flimkien mal-possibiltà li jkollu l-ktieb tiegħu/tagħha maqlub f’lingwi oħra. Dawn it-traduzzjonijiet igawdu mill-appoġġ finanzjarju tal-EU Creative Programme li jissapportja it-traduzzjoni ta’ letteratura ġdida biex din tasal għand qarrejja ġodda f’pajjiżi oħra. L-awturi rebbieħa jgawdu wkoll minn diversi attivitajiet promozzjonali; jingħataw pubbliċità qawwija fil-Fiera tal-Kotba ta’ Frankfurt kif ukoll fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li, din is-sena se ssir fit-18 ta’ Novembru fis-sala prestiġjuża Concert Noble fi Brussell. Is-Sinjura Vassiliou se tippremja lir-rebbieħa fil-preżenza ta’ bosta mistednin distinti mix-xena kulturali Ewropea, inklużi mistednin Maltin.

L-Akkademja tal-Malti tifraħ lil Mejlak għal dan is-suċċess.

Carmel Azzopardi

L-Akkademja tal-Malti

Koordinatur tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea 2014

Pierre J. Mejlak – mingħajr dubju wieħed mill-awturi l-aktar maħbuba u mfittxija fix-xena kontemporanja Maltija. L-aħħar ktieb tiegħu, fl-2011, Dak li l-lejl iħallik tgħid, kien rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u s-sena l-oħra rebaħ ukoll l-ikbar unur Ewropew li ktieb jista’ jirbaħ: il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Din kienet biss it-tieni darba li awtur Malti rebaħ dan il-premju prestiġjuż.

Biex ikun jista’ jasal għand firxa usa ta’ qarrejja, Merlin Publishers ppubblikaw it-traduzzjoni Ingliża tiegħu. Bl-isem ta’ Having said goodnight, it-traduzzjoni hija xogħol Antoine Cassar u Clare Vassallo. Il-ktieb jinkludi l-istejjer kollha tal-verżjoni oriġinali, kif ukoll fih sorpriża għal dawk kollha li jsegwu l-kitbiet ta’ Mejlak: hemm tliet stejjer ġodda: Il-mejda tal-mogħdija, Iċ-ċawlun u L-għajta tal-pappagall.

L-istejjer miktubin bl-istil tipiku ta’ Mejlak: l-istejjer jimxu bejn il-passat u l-futur, bejn il-ħajja reali u l-immaġinazzjoni, mill-qalba sal-periferiji. Niltaqgħu ma’ mara, tifraħ hekk kif tirċievi l-aħbar li żewġha nstab mejjet. Nisimgħu ċawlun li jidħol fl-appartament ta’ koppja żagħżugħa u jfarrkilhom iċ-ċertezzi u l-impressjonijiet tagħhom. Missier, fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, jibgħat lil ibnu jfittex imħabba antika. Tifel ċkejken jagħmel ħbieb tas-sulfarini maħruqa; u armla ssib manuskritt tar-raġel tagħha u tagħmlu tagħha.

Id-drittijiet għal Having said goodnight inxtraw minn pubblikaturi f’diversi pajjiżi Ewropew, fejn se joħorġu traduzzjonijiet ta’ dan il-ktieb tul l-2016. Having said goodnight huwa wieħed mill-iżjed kotba Maltin internazzjonali li qatt ra s-suq, tant li t-tnedija tiegħu se ssir Waterstones, fi Brussell, il-Belġju, dakinhar tal-Jum Dinji tal-Ktieb. Se tkunlu ddedikata wkoll serata Londra. Intant, id-Dipartiment tat-Traduzzjoni ġewwa l-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta qed jorganizza attività f’ġieħ dan il-ktieb u t-traduzzjoni.

Fi kliem il-ġurija tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura: Dan huwa ktieb dwar l-irrakkuntar tal-istejjer, mhux biss intiż bħala pjaċir li jinqasam bejn il-kittieb u l-qarrej iżda bħala rigal li jingħata bi mħabba u li jrid l-imħabba biex jiġi apprezzat fis-sħiħ.

Artiklu li deher fuq il-gazzetta Illum, l-1 ta’ April 2015