Dwarna

L-Akkademja hi għaqda volontarja. Illum, l-għan ewlieni tagħha huwa li ġġib ‘il quddiem l-istudju akkademiku fuq il-letteratura u l-lingwistika Maltija. L-għanijiet l-oħra tagħha huma li tħares il-jeddijiet tal-ilsien Malti bħala l-lingwa nazzjonali u uffiċjali ta’ Malta, li toħloq kuxjenza favur l-użu effettiv tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja u li tibni kuntatt ma’ ħbieb tal-Malti u ma’ persuni li jużaw il-Malti barra minn Malta.

Dan tagħmlu id f’id mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-entità tal-Gvern għal-lingwa Maltija, fit-twettiq tal-politika lingwistika tiegħu għal pajjiżna, kif definit fl-Att dwar l-Ilsien Malti.

L-Akkademja tal-Malti hi membru fl-EWC (European Writers Council).

L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti twaqqfet twaqqfet mitt sena ilu, fl-1920, bil-ħidma ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, Franġisku Saverju Caruana, Dun Karm Psaila, Ninu Cremona u xi oħrajn.

L-għanijiet tal-Għaqda kienu t-tixrid tal-ilsien u tal-letteratura Maltija kif ukoll it-tiswir ta’ ortografija standard. Fl-1964, wara bidla statutorja, l-Għaqda bidlet isimha u saret l-Akkademja tal-Malti, kif għadha magħrufa sal-lum.