Dar Doreen Micallef

Is-sede l-ġdida tal-Akkademja tal-Malti

Nhar l-14 ta’ Novembru 2011 – jum it-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti bħala l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti – ġiet inawgurata s-sede l-ġdida tal-Akkademja minn Dr Louis Galea, ir-Rappreżentant Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dr Galea kien għadda ċ-ċwievet ta’ din id-dar lill-Akkademja meta kien Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, fil-Laqgħa Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2005. Huwa kien stinka biex il-post li kienet toqgħod fih il-poetessa Doreen Micallef jingħata lill-Akkademja ħalli jintuża bħala s-sede tagħha, fuq parir tas-Sinjuri Francis Galea u Mario Azzopardi.

Id-dar kienet spiċċat fi stat ta’ telqa kbira wara l-mewt tal-poetessa. Il-kunsill preżenti daħal għall-isfida biex id-Dar jagħmilha abitabbli mill-ġdid u bl-għajnuna kbira tal-Onor. George Pullicino, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, nhar il-25 ta’ Jannar 2011 fil-Gazzetta tal-Gvern deher avviż nru 6/2011 biex jibdew “xogħlijiet ta’ rinovar f’nru 12, Flat 1, Triq Sant’Andrija, il-Belt”.

Il-kunsill ħa ħsieb li d-dar tibqa’ tifkira ta’ Doreen Micallef billi ssemmiet għall-poetessa u twaħħlet irħama mal-faċċata tad-dar li tikkommemoraha. Kamra minnhom hi ddedikata lill-poetessa u fiha tqiegħdu t-tifkiriet tagħha, fosthom it-typewriter, ċertifikati, korrispondenza u dokumentazzjoni marbuta ma’ ħajjitha.

Għall-inawgurazzjoni attendew ħbieb ta’ Doreen Micallef u fost il-membri tal-Akkademja kien hemm Prof. Manwel Mifsud (il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti); Dr Bernard Micallef (il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università), Prof. Oliver Friggieri u Rev. Prof. Peter Serracino Inglott li bierek id-Dar. Wara diskors minn Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja, inqraw żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef minn Francis Galea u Marlene Saliba u wara d-diskors ta’ Dr Louis Galea, inkixfet lapida b’tifkira.

Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, l-Akkademja kienet tiltaqa’ u żammet l-arkivju tagħha f’Palazzo Carafa, imma fl-aħħar snin il-kunsill kien jiltaqa’ l-Università ta’ Malta. Għal xi snin il-laqgħat kienu jsiru wkoll fil-Palazz, il-Belt. Kien fi żmien it-tabib Ġużè Galea li l-Akkademja nġabret f’Palazzo Carafa fi Triq il-Fran, il-Belt stess, billi kriet żewġt ikmamar f’dan il-Palazz. Aktar qabel, il-kunsill kien jiltaqa’ fid-dar tal-“Unione Cattolica San Giuseppe” (fejn kien hemm l-Empire Press fi Triq San Pawl). Wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-kunsill kien jiltaqa’ f’dar numru 10b, Triq l-Iskoċċiżi, illum magħrufa bħala Triq M.A. Vassalli.

Mill-album taċ-ċerimonja tal-ftuħ
Ritratti meħuda mis-Sur Albert Borg

Mix-xellug għal-lemin: Is-Sur Francis Galea u s-Sa Marlene Saliba, ħbieb personali ta’ Doreen Micallef; ir-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, li bierek id-Dar; is-Sur Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja tal-Malti; u Dr Louis Galea li meta kien Ministru ħadem biex Dar Doreen Micallef tgħaddi f’idejn l-Akkademja
Mix-xellug għal-lemin: Is-Sur Francis Galea u s-Sa Marlene Saliba, ħbieb personali ta’ Doreen Micallef; ir-Rev.
Prof. Peter Serracino Inglott, li bierek id-Dar; is-Sur Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja tal-Malti; u
Dr Louis Galea li meta kien Ministru ħadem biex Dar Doreen Micallef tgħaddi f’idejn l-Akkademja
Il-President tal-Akkademja jagħti wħud mill-aħħar pubblikazzjonijiet ta’ Il-Malti lir-Rev. Prof. Serracino Inglott bħala tifkira. Jidhru wkoll Dr Louis Galea u l-Inġ. Maurice Mifsud Bonnici, it-Teżorier tal-Akkademja
Il-President tal-Akkademja jagħti wħud mill-aħħar pubblikazzjonijiet ta’ Il-Malti lir-Rev. Prof. Serracino
Inglott bħala tifkira. Jidhru wkoll Dr Louis Galea u l-Inġ. Maurice Mifsud Bonnici, it-Teżorier tal-Akkademja
Il-kxif tal-plakka kommemorattiva minn Dr Louis Galea u s-Sur Carmel Azzopardi, flimkien mal-Inġ. Maurice Mifsud Bonnici u s-Sur Anton Cassar, żewġ membri veterani tal-Akkademja
Il-kxif tal-plakka kommemorattiva minn Dr Louis Galea u s-Sur Carmel Azzopardi, flimkien mal-Inġ. Maurice
Mifsud Bonnici u s-Sur Anton Cassar, żewġ membri veterani tal-Akkademja
Il-plakka li nkixfet bħala tifkira tal-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tad-Dar, f’Jum l-Akkademja tal-Malti 2011
Il-plakka li nkixfet bħala tifkira tal-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tad-Dar, f’Jum l-Akkademja tal-Malti 2011
Dar Doreen Micallef, 12, App. 1, Triq Sant’Andrija, Il-Belt Valletta VLT 1431
Dar Doreen Micallef, 12, App. 1, Triq Sant’Andrija, Il-Belt Valletta VLT 1431

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.