Il-Malti

Ir-rivista tal-Akkademja tal-Malti

L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, imwaqqfa fl-14 ta’ Novembru 1920 u aktar tard magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti, bdiet toħroġ Il-Malti fl-1925. Minn dak iż-żmien sal-lum kitbu fih l-aqwa kittieba ta’ pajjiżna. Il-Malti kien l-ewwel pubblikazzjoni letterarja li beda juża l-alfabett tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u mexa skont ir-regoli tal-ortografija u l-grammatika tal-ilsien Malti miġbura fit-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija maħruġ mill-Għaqda fl-1924. Bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni l-Akkademja tal-Malti tqieset l-awtorità fejn tidħol l-ortografija tal-Malti u fl-1934 il-Gvern adotta r-regoli ortografiċi tal-Akkademja bħala uffiċjali u beda jimxi fuqhom.

Fost l-imseħbin tagħha nsibu l-aqwa studjużi tal-Malti, l-ikbar fosthom Ninu Cremona. Oħrajn li ppubblikaw ir-riċerka lingwistika tagħhom f’Il-Malti huma l-Prof. Pietru Pawl Saydon, Dun Karm Sant u l-Prof. Ġużè Aquilina, ilkoll lingwisti u letturi fl-Università ta’ Malta. Il-Prof. Ġużè Aquilina nħatar l-ewwel lettur tal-Malti fl-Università fl-1937.

Filwaqt li l-Akkademja tal-Malti ħadmet bis-sħiħ biex issawwar ir-regoli tal-kitba tal-ilsien Malti, ir-rivista tagħha turi li ħafna mill-kittieba u l-kitbiet tagħhom ixaqilbu lejn il-letteratura. Fiha ppubblikaw l-aqwa xogħlijiet tagħhom Ġużè Muscat Azzopardi u Dun Karm (l-ewwel edituri ta’ Il-Malti), Rużar Briffa, Karmenu Vassallo, Ġużè Bonnici, Ġużè Chetcuti, Anastasju Cuschieri, Anton Buttigieg, Wistin Born, Ġorġ Pisani, u Ġużè Ellul Mercer. Ma’ dawn il-kittieba tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin fil-folji ta’ Il-Malti aktar tard ingħaqdu poeti, rumanziera u drammaturgi li esponew ruħhom mill-Moviment Qawmien Letterarju fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin fosthom Oreste Calleja, J.J. Camilleri, Charles Casha, Francis Ebejer, Prof. Oliver Friggieri, Achille Mizzi, Frans Sammut u Trevor Żahra.

Illum ir-rivista tippubblika kemm xogħlijiet ta’ kittieba stabbiliti kif ukoll ta’ awturi ġodda u mal-kitbiet ta’ Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Lina Brockdorff, Charles Casha, Carmel G. Cauchi, Victor Fenech, Prof. Joe Friggieri, Henry Holland, Daniel Massa, Maurice Mifsud Bonnici, Lino Spiteri u Joe Zammit Tabona nsibu lil Dr Josette Attard, Clare Azzopardi, Charles Bezzina, Steve Borg, Norbert Bugeja, Joseph Buttigieg, John Caruana, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Dr Simone Inguanez, Patrick Sammut, Lilian Sciberras, Marcel Zammit Marmarà u Vince Vella, fost oħrajn.

L-Akkademja torganizza taħditiet pubbliċi u seminars kemm letterarji kif ukoll lingwistiċi u tistieden lill-kelliema mistiedna biex jippubblikaw ir-riċerka tagħhom fil-ħarġiet ta’ Il-Malti. Fost dawn insibu ’l David Agius Muscat, Carmel Azzopardi, Anna Borg Cardona, Dr Carmel Cassar, Dr George Farrugia, Reno Fenech, Dr Marco Galea, Dr Adrian Grima, Dr Bernard Micallef, Immanuel Mifsud, Dr George Mifsud Chircop, Dr John A. Schembri, Dr Olvin Vella, Prof. Godfrey Wettinger, Dr Stephen Zammit u Dr William Zammit. Ħafna drabi, it-taħditiet u r-riċerki jiġu ppubblikati f’Il-Malti.

Mill-1925 sal-1976 Il-Malti kien joħroġ erba’ darbiet fis-sena. Il-Malti llum joħroġ kull sena, f’edizzjonijiet letterarji u akkademiċi, kif ukoll ħarġiet speċjali bħal ngħidu aħna l-edizzjonijiet dedikati lil Dun Karm u ’l Anton Buttigieg (1986), lil Karmenu Vassallo (1988) u aktar riċenti Xogħlijiet magħżula ta’ Ġużè Gatt (2010), Ta’ Barra Minn Hawn: Ir-Razza u r-Radika fil-Letteratura Maltija (2011) u l-edizzjoni speċjali ta’ Il-Malti b’ġabra ta’ studji marbutin ma’ testi qodma, b’żewġ studji fuq żmien l-Għarab, tnejn oħra fuq il-Kantilena u ieħor fuq il-prietki bikrin (2014).

Għal aktar tagħrif:

David Agius Muscat, Il-Librerija u l-Arkivju tal-Akkademja tal-Malti (teżina tad-Dip. fl-Istudji tal-Libreriji u tal-Informazzjoni).

Noel Cachia, Biblijografija tar-rivista Il-Malti (1970-1999). Teżi tal-B.A. (Hons.) fil-Malti (2004).

Angela Fenech, Analiżi tar-rivista Il-Malti 1925 -1969. Teżi tal-B.A. (Hons.) fil-Malti (1974).