EWC

Il-European Writers’ Congress hija organizzazzjoni li tirrappreżenta l-għaqdiet tal-kittieba madwar l-Ewropa, tlaqqa’ rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet biex jiddiskutu ħwejjeġ li huma ta’ interess komuni, toħloq koperazzjoni bejn kittieba u għaqdiet tal-kittieba f’pajjiżi differenti u tmexxi ‘l quddiem inizjattivi favur il-kitteba u l-letteratura fl-Ewropa. Minħabba li huwa rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea, u jirċievi sussidji mill-aġenziji tagħha għal ħafna mill-proġetti tiegħu, il-EWC sikwit jgħin lill-għaqdiet tal-kittieba fi kwistjonijiet li jkollhom mal-gvernijiet lokali f’affarijiet bħal drittijiet tal-awturi u kwistjonijiet oħra li jistgħu jolqtu l-letteratura u l-kittieba.

Il-EWC huwa mmexxi minn bord elett mir-rappreżentant/a ta’ kull għaqda li hija membru flimkien ma’ segretarju ġenerali li huwa impjegat/hija impjegata tal-EWC. Il-EWC jaħdem minn Brussell, u huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni Belġjana. Il-membri huma organizzazzjonijiet tal-kittieba, jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-kittieba (bħalma huma organizzazzjonijiet li jiġbru d-drittijiet tal-awturi f’isimhom) minn madwar l-Ewropa. Dawn l-għaqdiet ivarjaw ħafna fid-daqs u fl-għanijiet tagħhom, imma l-biċċa l-kbira jirċievu għajnuniet kbar mill-aġenziji tal-Istat biex jiffunzjonaw fuq livell professjonali u jagħtu servizz tajjeb lill-komunità tal-kittieba. Kważi kollha għandhom uffiċċji tagħhom immexxija minn minn impjegati full-time li ħafna drabi jkunu huma stess kittieba.

Il-proġett biex l-Akkademja tal-Malti tissieħeb fil-European Writers’ Congress beda bħala parti mill-ħidma tal-kunsill bejn l-2005 u l-2007. Wara li l-idea li l-Akkademja tissieħeb fil-EWC ġiet diskussa fil-kunsill, inbeda kuntatt mal-EWC biex insiru nafu t-termini li permezz tagħhom aħna stajna napplikaw, u l-proċeduri li kellna nsegwu jekk niddeċiedu li nagħmlu dan. Imbagħad, il-proposta għal din l-applikazzjoni tressqet fil-laqgħa ġenerali annwali tal-2007 u ġiet approvata. Wara dan setgħet issir applikazzjoni formali lill-EWC biex l-Akkademja tal-Malti tissieħeb. L-applikazzjoni tagħna ntlaqgħet mill-bord tal-EWC u ġejna mistiedna nibagħtu rappreżentant għal-laqgħa ġenerali annwali tal-21 ta’ Ġunju 2009 f’Marsilja kif ukoll għall-konferenza Mare Nostrum li l-EWC torganizza kull sentejn, u li saret fl-istess belt fil-jumejn ta’ qabel il-laqgħa ġenerali annwali. F’din il-laqgħa ġenerali s-sħubija tagħna ġiet ratifikata b’mod unanimu mir-rappreżentanti tal-għaqdiet preżenti. Bl-istess mod ġew ratifikati organizzazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Wara, bħala r-rappreżentant tal-Akkademja tal-Malti, għamilt diskors sabiex nintroduċi l-Akkademja tal-Malti u l-letteratura Maltija lid-delegati preżenti.

Fl-elezzjoni li saret biex jiġi elett bord ta’ tmexxija ġdid, l-Akkademja la setgħet tivvota u lanqas tressaq kandidati, minħabba li sal-bidu tal-laqgħa kienet għadha mhix membru sħiħ tal-EWC. Minn issa ‘l quddiem, l-Akkademja għandha l-vot u minħabba li hi l-ewwel organizzazzjoni Maltija li hija membru għandha ċerti privileġġi fuq organizzazzjonijiet oħra Maltin li jistgħu jissieħbu ‘l quddiem.

Is-sħubija tagħna f’din l-organizzazzjoni Ewropea għandha ġġibilna ħafna opportunitajiet kemm bħala kittieba individwali (hi x’inhi n-natura tal-kitba tagħna) kif ukoll bħala nies li għandna għal qalbna l-letteratura Maltija. Permezz tal-EWC il-letteratura Maltija jista’ jkollha viżibilità ħafna akbar fl-ambjent Ewropew. Il-kittieba Maltin jistgħu jgawdu minn opportunitajiet li qabel ma kellhomx u jista’ jkollhom għajnuna biex jegħlbu ħafna mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. L-isfida li għandha quddiemha l-Akkademja issa hija li tkun membru attiv fil-EWC biex tisfrutta l-opportunitajiet li jeżistu.

Waqt il-konferenza u waqt il-laqgħa ġenerali l-interess fil-letteratura Maltija u fil-kittieba Maltin kien kbir. Pereżempju, b’mod informali, ħafna delegati, u diversi membri tal-bord tat-tmexxija wrew ix-xewqa li Malta tesplora l-possibiltà li torganizza l-konferenza Mare Nostrum fl-2011. Din hija konferenza importanti ħafna, mhux biss fil-kalendarju tal-EWC imma għal-letteratura fuq livell ewropew. Fiha jitlaqgħu kittieba, tradutturi u studjużi importanti minn madwar l-Ewropa u l-Mediterran biex jiddiskutu suġġeti li jolqtu l-kitba fir-reġjun b’mod akkademiku u professjonali. Jekk Malta jirnexxilha tospita din il-konferenza, ikun mument importanti ħafna għal-letteratura Maltija u għal Malta fil-letteratura. Il-kittieba Maltin ikollhom iċ-ċans li mhux biss jiltaqgħu ma’ ħafna kittieba oħra minn pajjiżi differenti, imma wkoll li jesponu x-xogħol tagħhom quddiem pubbliku letterarju wiesa’. Naturalment l-Akkademja m’għandhiex ir-riżorsi biex waħidha torganizza u tospita din il-konferenza, imma bl-għajnuna ta’ entitajiet li għandhom għal qalbhom il-letteratura, bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, kif ukoll ambaxxati ta’ pajjiżi barranin f’Malta u istituti kulturali barranin f’Malta, tista’ ssib ir-riżorsi biex tidħol għal biċċa xogħol kbira bħal din, u b’hekk tgħin biex tkompli tqiegħed il-letteratura Maltija fuq il-mappa dinjija tal-letteratura, fejn pajjiżi żgħar bħalna għandhom diġà preżenza u rispett.

Is-sħubija tal-Akkademja tal-Malti fil-EWC huwa pass ‘il quddiem fl-istorja tal-Akkademja tal-Malti. M’għandix dubju illi kieku l-fundaturi tal-Għaqda Kittieba tal-Malti għadhom magħna mhux biss kienu japprovaw din is-sħubija, imma kienu wkoll iħeġġuna biex nisfruttaw din il-linja ġdida ta’ komunikazzjoni li nfetħitilna għall-ġid tal-letteratura Maltija. Ninsab ċert li m’aħniex se niddiżappuntawhom.

Dr Marco Galea

President tal-Akkademja tal-Malti (2005 – 2007)