2011

Immanuel Mifsud jirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-letteratura għall-2011

Hekk jibda d-djarju ta’ ġuvni ta’ dsatax-il sena li matul it-Tieni Gwerra Dinjija ddefenda lil pajjiżu bl-balal li spara mill-kanuni ta’ kontra l-ajruplani, iltaqa’ mal-mara li ħabb u żżewwiġha, kellu l-ewwel wild minn tmienja, u għoddu tilef ħajtu waqt li kien bl-uniformi.

Għal Immanuel Mifsud, l-iżgħar iben ta’ dan is-suldat, is-sejba ta’ dan id-djarju kienet okkażjoni emozzjonanti ħafna li nebbħitu mill-ewwel li jippubblikah. Il-mewt tal-missier fl-2007 u t-twelid tal-iben fl-2006, flimkien mat-test miktub fl-1939, wasslu biex jinkiteb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), dokumenti li għandu jitqies bħala stqarrija mqanqla dwar ir-relazzjonijiet familjali, osservazzjoni soċjali u storika, kif ukoll riflessjoni dwar il-maskulinità.

Immanuel Mifsud (1967) ħareġ diversi kotba ta’ poeżija u proża, bl-ewwel ġabra ta’ novelli tmur lura għall-1991.  Fl-2002 rebaħ il-Premju Letterarju Nazzjonali bil-ktieb L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut (Minima) u fl-2011 rebaħ il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea bil-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) (Klabb Kotba Maltin) li ġie tradott għall-Ingliż minn Albert Gatt u ppubblikat fl-istess sena. Fost ix-xogħlijiet tradotti ta’ Mifsud hemm Confidential Reports (Southword Editions, 2005) bi traduzzjoni ta’ Adrian Grima u Maurice Riordan; km (Klabb Kotba Maltin, 2005) bi traduzzjoni ta’ Maria Grech Ganado; Zerafa (Edizzjonijiet Emmadelezio, 2010) bi traduzzjoni għall-Ġermaniż ta’ Regine Rosenthal; u Bateau Noir (Edizzjonijiet Emmadelezio, 2011) bi traduzzjoni għall-Franċiż ta’ Nadia Mifsud. Fl-2011 il-pubblikaturi Albaniżi Shkupi ppubblikaw il-verżjoni Albaniża ta’ Happy Weekend bit-titlu Fundjavë e Lumtur.