Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid idaħħal tliet eżamijiet tal-Malti, Ordinarju, Vokazzjonali u għall-Barranin, fl-aħħar tal-iskola sekondarja. Danse joħloq konfużjoni kbira fl-iskejjel u fost l-istudenti. Jekk verament irid jgħin lil aktar studenti biex jgħaddu, irid isaħħaħ it-tagħlim tal-Malti u jinvesti f’aktar riżorsi, mhux jifframmentah u jħawwad l-imħuħ ta’ kulħadd.
Il-Ministeru jrid jgħid pubblikament x’se jkun hemm differenti fl-eżami tal-Malti “Vokazzjonali.” X’se jneħħi mill-ħiliet li l-istudenti jitgħallmu llum? Liema komponenti elementari tat-tagħlim tal-lingwa se jwarrab mill-edukazzjoni tat-tfal fis-sekondarja? Għal liema “vokazzjoni” (jew xogħol) se jkun immirat? Għall-“vokazzjoniijiet” kollha?
Il-Malti li l-istudenti jitgħallmu llum fis-sekondarja, li l-Ministru sejjaħlu “akkademiku biss”, hu l-aktar livell bażiku ta’ Malti fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja u obbligatorja, b’kontenut li jinkludi l-grammatika u l-ortografija Maltija, il-qari, il-kitba (bħall-esej u l-ittra), u l-letteratura (adattata għall-età tal-istudenti tas-sekondarja). Fil-kurrikulu nazzjonali, dan il-Malti ĊES dejjem tqies bħala l-istandard komuni ta’ għarfien fil-lingwa Maltija, bħala preparazzjoni bażika għal diversi setturi ta’ xogħol u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni postsekondarja.

Minn Mejju 2022 l-eżami Malti ĊES se jieħu forma ġdida: żewġ karti li jindirizzaw żewġ livelli differenti, u l-istudenti se jkunu jistgħu jagħżlu l-karta li twassalhom jieħdu ċertifikazzjoni skont il-ħiliet varji tagħhom. Allura għaliex għandu jkun hemm eżami ieħor, separat u differenti, li se jitqies iżjed rilevanti għal min diġà fis-sekondarja jaqbad linja vokazzjonali?
Huwa ċar li l-Ministeru jixtieq joħloq livelli differenti bejn “il-Malti Vokazzjonali” u l-Malti ĊES. Qed tinħoloq sistema ta’ “rotot differenti” biex tagħti l-impressjoni li “l-Malti Vokazzjonali” u l-Malti li għandna llum huma biss metodi differenti ta’ tagħlim iżda li jeħtieġu eżamijiet differenti bl-istess livell ta’ kwalifika (MQF3). Aħna nemmnu li dan hu mod kif il-livell tal-Malti jitbaxxa u fl-istess ħin jingħata l-istess tip ta’ ċertifikazzjoni. It-tfaqqir tal-ilsien nazzjonali se jiġi istituzzjonalizzat bl-iskuża ta’ sillabi differenti, li fil-fatt se jnaqqru mill-kontenut fundamentali tal-Malti (bħall-grammatika, il-qari, u l-kitba).
Jekk il-“Malti Vokazzjonali” se jintrabat ma’ xogħlijiet partikulari minn età daqstant bikrija fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja, l-istudenti li jagħżluh se jkunu żvantaġġati għal għomorhom kollu b’livell u b’kontenut inqas ta’ Malti. Iż-żewġ eżamijiet se joħolqu segregazzjoni bejn gruppi ta’ studenti li, fi stadju bikri wisq f’ħajjithom, se jintalbu jieħdu rotta partikulari ħafna, marbuta ma’ kategorija ta’ xogħol, mingħajr ma jkollhom ċans ta’ flessibilità fl-għażliet tagħhom aktar tard, bħalma jkollhom studenti oħra mgħallma l-Malti li għandna llum (ĊES) skont il-livell sekondarju stabbilit.
Il-Ministru għandu jindirizza b’mod aktar serju s-sitwazzjoni ta’ studenti li mhumiex jagħmlu l-eżamijiet fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja, u mhux joħloq sistema li tgħatti din il-problema b’ċertifikati ugwali għal livelli differenti ta’ ħila. Nemmnu bis-sħiħ li għandu jkun hemm metodi differenti ta’ tagħlim biex jintlaħqu l-istudenti kollha imma li jwasslu għal ċertifikazzjoni waħda bħalma hi ċ-ĊES, l-eżami li fi ħdanu diġà se jkun hemm żewġ livelli rikonoxxuti.
Firmatarji:
- L-Akkademja tal-Malti
- Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta
- Id-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università ta’ Malta
- Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)
- L-Għaqda tal-Malti – Università
- Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
- Għaqda Poeti Maltin
- L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta