Stqarrija dwar it-twaqqif ta’ Kumitat biex ibiddel il-Liġi tal-Ilsien Malti

Diskussjoni f'wieħed mill-gruppi ta' ħidma waqt il-Forum NazzjonaliNirreferu għall-istqarrija li ħarġet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fit-30 ta’ Novembru dwar it-twaqqif ta’ Kumitat maħtur mill-Ministru biex jirrevedi l-Liġi tal-Ilsien Malti. Aħna, bħala sitt għaqdiet u istituzzjonijiet li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti, ma naqblux mat-twaqqif ta’ dan il-kumitat “konsultattiv.” Il-konsultazzjoni pubblika, miftuħa għal kulħadd u bis-sehem ta’ madwar 200 ruħ, diġà saret fis-7 ta’ Novembru u diġà wriet x’inhuma x-xewqat u l-fehmiet ta’ firxa kbira ta’ nies. Aħna ma naqblux ma’ bidliet li jdgħajfu l-Liġi tal-Ilsien Nazzjonali.

Dan il-Forum nazzjonali, li tlaqqa’ mill-Ministru tal-Edukazzjoni, ta appoġġ sħiħ lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-għaxar snin ta’ ħidma kbira li wettaq il-Kunsill. Dan il-Kunsill awtonomu mill-Gvern tal-ġurnata huwa l-ogħla awtorità fil-pajjiż fuq l-ilsien Malti, u l-membri tiegħu u tal-kumitati li jwaqqaf huma esperti fl-oqsma tagħhom, u ma jitħallsux tax-xogħol kbir li jagħmlu.

Barra minn hekk, kif juri fid-dettall il-ktieb li jiddokumenta l-ħidma tal-Kunsill fl-ewwel għaxar snin tiegħu, il-konsultazzjoni mifruxa u kontinwa tal-Kunsill fl-oqsma diversi tas-soċjetà hija parti integrali mill-mod kif jopera u tirrifletti l-ispirtu u l-kelma li hemm fil-Liġi.

Diskussjoni f'wieħed mill-gruppi ta' ħidma waqt il-Forum Nazzjonali (3)

Aħna, bħala għaqdiet u bħala istituzzjonijiet li naħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti fl-oqsma kollha tiegħu, ma naqblux li l-Gvern jieħu miżuri li bihom titnaqqar l-awtonomija u tixxekkel il-ħidma tal-Kunsill tal-Malti mill-gvern tal-ġurnata, ikun min ikun u tkun xi tkun l-intenzjoni tiegħu.

Il-Liġi tal-Ilsien Malti (Kap. 470) għaddiet mill-Parlament bi qbil unanimu fl-2004.

Aħna lanqas ma naqblu li jinbidlu deċiżjonijiet importanti dwar kif jinkiteb u jitħaddem il-Malti meħuda mill-Kunsill wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa bil-gwida ta’ esperti tal-lingwa. Dawk kollha li jużaw il-Malti jafu li dawn id-deċiżjonijiet jippreżentaw regoli ċari biex in-nies ma jitħawdux. Bidliet bla bżonn jitfgħuna bosta snin lura, għaż-żmien meta min jikteb bil-Malti kien dejjem inċert bejn il-fehmiet kuntrastanti – kultant kapriċċużi – ta’ ftit individwi. Dawk li għandhom għal qalbhom l-iżvilupp tal-Malti bħala lingwa moderna ma jridux li jsir pass kbir lura bħal dan.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qed jaħdem biex jistandardizza l-kitba tal-Malti u jnaqqas l-inċertezzi għax-xandara, il-ġurnalisti, l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri, it-tradutturi, il-pubblikaturi, l-uffiċjali u l-ħaddiema fis-servizz pubbliku, l-emigranti Maltin, u l-poplu b’mod ġenerali. F’din il-ħidma, kif titlob minnu l-Liġi, qed jimxi b’kunsens kemm jista’ jkun wiesa’. Kulħadd għandu dritt jaqbel jew ma jaqbilx ma’ deċiżjonijiet individwali li jkunu ttieħdu, iżda fl-aħħar mill-aħħar kulħadd irid jirrispetta l-proċess demokratiku u serju li jkun sar u jimxi mal-Liġi, kif isir fl-oqsma kollha tal-ħajja tal-pajjiż.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol stqarr kemm-il darba li l-Kunsill tal-Malti qed jagħmel xogħol mill-aqwa, iżda t-twaqqif ta’ dan il-kumitat jagħti l-impressjoni li l-Gvern m’għandux fiduċja fil-Kunsill.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt il-Forum Nazzjonali

Għaldaqstant, aħna qed nistennew li, wara li huwa stess sejjaħ Forum Nazzjonali biex jikkonsulta l-pubbliku Malti, il-Gvern jilqa’ l-proposti li ħarġu mill-istess Forum u ma jdaħħalx miżuri li jdgħajfu Liġi u Kunsill li tul dawn l-aħħar snin għamlu ġid kbir fl-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali.

Aħna nappoġġjaw kull sforz ġenwin biex jissaħħaħ il-Malti imma nfakkru li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti diġà għandu l-istrutturi meħtieġa biex iżid u jsaħħaħ ir-rappreżentanza fi ħdanu, u ma narawx raġuni għala għandha tintmess il-Liġi tal-Malti biex isir dan it-tisħiħ.

Din l-istqarrija qed tinħareġ minn dawn l-għaqdiet u l-istituzzjonijiet:

L-Akkademja tal-Malti

L-Għaqda tal-Malti – Università

L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta

L-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta

Id-Dipartiment tal-Malti tal-UOM Junior College

 

Il-ktieb, 10 Snin ta’ Ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti 2005-2015 jinsab hawn: http://issuu.com/kunsilltalmalti/docs

10 Snin ta' Ħidma - Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

 

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.