Twieled il-Ħamrun fil-11 ta’ Ottubru 1935. Studja l-Liċeo, il-Kulleġġ ta’ St Michael’s (1953-54), u l-Università ta’ Malta (1960-64) fejn iggradwa cum laude fl-Ingliż, il-Malti u l-Istorja. Dejjem ħadem fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u rtira fl-1996 bħala kap ta’ Liċeo Vassalli, wara karriera ta’ ’l fuq minn erbgħin sena. Matul dan iż-żmien kien ukoll freelance journalist u kritiku ma’ għadd ta’ ġurnali lokali. Imma l-ewwel imħabba tiegħu kienet, u dejjem baqgħet, il-letteratura.
Fl-1966 intbagħat sena kors fil-kitba u l-produzzjoni tal-kotba fl-Istitut tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Londra, li matulu ħadem għal perjodi qosra ma’ Heinemann Educational u Longmans Green & Co. Lura Malta ħadem fil-qasam tal-kotba ma’ għadd ta’ pubblikaturi lokali; fil-bidu tad-disgħinijiet anki ħadem għal xi snin bħala pubblikatur mal-Malta University Press, fejn kellu x’jaqsam fl-editjar u l-produzzjoni ta’ bosta pubblikazzjonijiet importanti.
Victor Fenech hu awtur li jħobb jesperimenta f’ġeneri u difrezzjonijiet differenti, anki fl-istess produzzjoni tal-ktieb. Fl-1965 huwa introduċa f’Malta l-“antoloġija maqsuma” permezz ta’ Kwartett, waqt li fl-1974 l-ewwel pubblikazzjonijiet tiegħu fil-qasam tat-tfal – sett ta’ sitt leġendi popolari – rebbħuh it-trofew “Pinna tad-Deheb”, mogħti minn Klabb Kotba Maltin u Barclays Bank International. Matul is-snin 70 rajnieh f’aktar innovazzjonijiet, bħall-Poetry Broadsheets (kollaborazzjoni bejn 6 poeti u 6 artisti lokali) kif ukoll il-ktieb importanti F’Altamira fejn introduċa f’Malta l-‘Poeproża’, ġeneru ritmiku mħallat li hu stess iqisu fost l-aħjar kitba tiegħu.
Fost premjijiet letterarji oħra matul is-snin ta’ kitba insibu l-ġabriet poetiċi L-Aħħar Rimi (1997, l-ewwel post) u Għeluq (2005, it-tieni post), kif ukoll Il-Ktieb Malti (2004, it-tieni post fil-qasam tar-riċerka), Folktales of the Maltese Islands (2006) u Il-Profeta (2009), it-tnejn l-ewwel post fil-qasam tat-traduzzjoni, u l-istess fl-aħħar snin bl-ewwel rumanz tiegħu bil-Malti, Ix-Xitwa ta’ wara s-Sjuf, u bi Spring Rain Winter Blues (poeżiji bl-Ingliż) – ilkoll fi ħdan il-Premju Letterarju li jinżamm kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Hekk nistgħu naraw li għad li ismu baqa’ marbut primarjament mal-qasam tal-poeżija, bi preferenza għal temi soċjali, Victor Fenech iħobb jikteb f’ġeneri differenti. F’Rakkonti Inkontri pereżempju huwa dar għal ġeneru li minn dejjem kien għal qalbu, in-novella. Qasam ieħor hu sensiela ta’ ktejjeb fil-“letteratura pre-adulta”, kitba mmirata lejn it-tfal u l-adoloxxenti, qasam li fi żmienna sar ferm importanti u qed jitqies bħala “cross-over literature”.
Ftit xhur ilu huwa ħareġ ktieb stil ġdid bl-isem Malta Poema Viżiva li hu bħal rakkont fil-qosor tal-istorja soċjo-politika ta’ Malta maħdum fi stil multi-media: jiġifieri ritratti, disinji, u poeżija plastika (hekk imsejħa ’Concrete Poetry’) fejn l-arranġament tipografiku jieħu post is-sintassi tradizzjonali tal-kontinwità diskursiva. L-aħħar ktieb li ħareġ, fil-Bookfest ta’ dis-sena, huwa avventura gotika f’Malta tal-qedem bl-isem L-Għorfa f’Tarf l-Irdum. Issa jittama li jsib ħin biex itemm damma ta’ memorji mit-tletinijiet ’l hawn. U jagħlaq il-ktieb.