L-awtriċi żagħżugħa, li twieldet fis-Siberja imma ilha disa’ snin tgħix f’Malta, issejjaħ lil dan il-ktejjeb souvenir poetiku. Jiġbor fih 11-il poeżija li hija kitbet direttament bil-Malti. Yana Psaila llum tgħid li l-Malti għaliha sar it-tieni lsien nattiv tagħha. Dak li joħroġ mill-versi f’din il-ġabra hu leħen romantiku għall-aħħar, imma anki riflessiv, nostalġiku, melankoliku, xi drabi saħansitra ironiku. Toħroġ ċara l-imħabba tagħha lejn l-ilsien Malti kemm fit-tħaddim meqjus ta’ dan ilsienna kif ukoll f’poeżija bħal lill-Prof. Manwel Mifsud. Yana Psaila tissaħħar f’kuntatt mal-qamar, tapprezza s-sbuħija tax-xemx u l-baħar li jżejnu l-gżejjer Maltin, tiddjaloga ma’ preżenza inviżibbli, u ma taħfirhiex lill-plejboj Mediterranju.
Patrick Sammut (IL-PONT: Marzu 2014)