Il-Ħamis 27 | Il-Ġimgħa 28 | Is-Sibt 29 ta’ Awwissu 2015
Fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta, fit-8.00pm
L-għaxar edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed se tittella’ l-Ħamis 27, il-Ġimgħa 28, u s-Sibt 29 ta’ Awwissu, fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta, fit-8.00pm. Minbarra l-qari ta’ novelli u poeżiji minn ħdax-il awtur minn tmien pajjiżi, se jkun hemm mużika jazz u alternattiva, tliet “films tal-poeżija”, fosthom wieħed Malti mnebbaħ minn poeżija ta’ Mario Azzopardi, kotba għall-bejgħ, u ikel u xorb. Id-dħul huwa b’xejn.
Il-Programm tal-Festival
Il-Ħamis 27 ta’ Awwissu se jaqraw il-poeta Tork Efe Duyan, il-poetessa u novelliera Maltija li tgħix Franza Nadia Mifsud, ir-rumanzier u novellier Ingliż ta’ nisel Malti James Vella, u l-poeta u politologu magħruf Palestinjan Tamim Barghouthi, rebbieħ ta’ bosta premjijiet, li se jintervistah Walid Nabhan. Missier l-awtur huwa l-poeta Mourid Barghouti, u ommu r-rumanziera u studjuża Eġizzjana, Radwa Ashour. Il-grupp mużikali mistieden għal din l-ewwel lejla huwa Brodu, li l-ewwel album tiegħu ntlaqa’ tajjeb ħafna, u Caldon Mercieca se jippreżenta wieħed mill-“films tal-poeżija” bi sħab ma’ Highlight Arts.
Il-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu, l-awturi li se jaqraw huma l-poeta Tuniżin Moëz Majed, l-awtur ewlieni Malti Trevor Żahra, il-poetessa Slovena Jana Putrle Srdić, u r-rumanzier magħruf Ingliż-Libjan Hisham Matar, li stabbilixxa ruħu fix-xena internazzjonali bir-rumanz rebbieħ ta’ bosta premjijiet In the Country of Men. Hisham Matar, li se jiġi intervistat minn Albert Gatt, jikteb regolarment f’rivisti u gazzetti ewlenin bħal The Guardian, u xandar parti mit-tielet rumanz tiegħu, li ħiereġ fl-2016, f’The New Yorker. The Return jibda bi vjaġġ li għamel l-awtur fil-Libja fl-2012, l-ewwel darba li reġa’ lura l-Libja fi tlieta u tletin sena. F’din it-tieni lejla se jdoqq it-trio jazz ta’ Nadine Axisa u se jintwera film ieħor bi sħab ma’ Highlight Arts.
L-awturi li se jaqraw is-Sibt 29 ta’ Awwissu huma r-rumanzier John Bonello, il-poeta u akkademiku Norbert Bugeja, u r-rumanziera u akkademika ta’ fama internazzjonali Marina Warner, li se tintervistaha Gloria Lauri-Lucente, Deputat Dekan fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Din is-sena l-Prof. Marina Warner ingħatat il-Premju prestiġjuż Holberg għall-kontribut straordinarju tagħha fl-Oqsma Umanistiċi u mexxiet il-ġurija tal-Premju Internazzjonali Man Booker tal-2015. Warner, li ommha kienet Taljana u missierha bejjiegħ tal-kotba Ingliż, trabbiet l-Eġittu, il-Belġju u l-Ingilterra, u qed tikteb rumanz ambjentat fil-Kajr fis-snin 50 tas-seklu 20, imnebbaħ mill-istorja tagħha.
Is-Sibt, il-grupp mużikali mistieden huwa dak jazz ta’ Oliver Degabriele feat, Joe Debono and Joseph Camilleri. Is-Sibt ukoll, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Inizjamed se turi għall-ewwel darba “film tal-poeżija” mnebbaħ minn “Ried Ikun Jaf” ta’ Mario Azzopardi. Id-direzzjoni hija ta’ Edward Said u l-produzzjoni ta’ Emma Mattei.
Uħud mill-kitbiet li se jinqraw matul il-festival jistgħu jkunu maħsubin għal udjenza matura.
Letteratura u Lil Hinn Minnha
L-awturi se jkunu f’Malta fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu biex jieħdu sehem f’laboratorju tat-traduzzjoni li fih se jittraduċu x-xogħlijiet ta’ xulxin u jaqraw uħud minnhom waqt il-Festival. Il-Festival u l-laboratorju tat-traduzzjoni letterarja huma parti mill-inizjattiva Literature Across Frontiers, li kellha sehem importanti fit-twaqqif u l-iżvilupp annwali tal-Festival.
Bħala parti mill-Festival, it-Tlieta 25 ta’ Awwissu fis-7.00pm, il-poeta Tuneżin Moëz Majed se jagħmel taħdita dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżu fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, fl-Università, tal-Qroqq. Din l-attività, li hija miftuħa għal kulħadd, u mingħajr ħlas, qed tittella’ mill-Istitut Mediterranju tal-Università bi sħab ma’ Inizjamed u se titmexxa minn Norbert Bugeja.
L-għaxar edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura f’Malta u l-laboratorju tat-traduzzjoni tal-LAF qed jittellgħu minn Inizjamed bħala parti mill-inizjattiva Literature Across Frontiers u bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Heritage Malta, il-Kunsill Malti tal-Arti, l-Għaqda tal-Malti – Università, The Fortress Builders, l-Aġenzija Żgħażagħ, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, iċ-Ċentru għal-Letteratura Slovena u l-Aġenzija tal-Ktieb tar-Repubblika Slovena, u Highlight Arts.
Is-sit tal-Festival huwa inizjamedmalta.wordpress.com u l-paġna fuq Facebook jisimha “Malta Mediterranean Literature Festival 2015”.