Ilhom sena jitolbu kanzunetta bil-Malti fil-kunċert ta’ Joseph Calleja

Joseph CallejaEntitajiet u għaqdiet li jaħdmu biex iġibu ‘l quddiem il-qagħda tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja, ilhom aktar minn sena jwasslu s-suġġerimenti u l-kritika tagħhom dwar in-nuqqas ta’ kanzunetti bil-Malti fil-kunċert ta’ Joseph Calleja.

F’ittra li ntbagħtet lill-organizzaturi wara l-kunċert ta’ Joseph Calleja s-sena li għaddiet, l-Akkademja tal-Malti pprotestat li fil-kunċert ma tkantatx kanzunetta bil-Malti.

Is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti Joseph P. Borg iddeskriva l-kunċert ta’ Calleja bħala manifestazzjoni mużikali mill-aqwa, meqjus bħala vetrina mill-isbaħ tal-kultura Maltija.

Żied jgħid li l-Akkademja taf kemm it-tenur Malti għandu għal qalbu l-kultura Maltija, u “għaldaqstant ma tagħmilx sens li titħalla barra l-lirika bil-Malti f’kunċert organizzat f’Malta u li fih tkantaw tant kanzunetti b’ilsna differenti quddiem udjenza Maltija.”

F’isem l-Akkademja, Borg qal lill-organizzaturi li jekk se jkomplu jorbtu l-kunċert mal-impenn kulturali, huwa dmir tagħhom li ma jħallux il-lirika bil-Malti barra.

Din l-ittra kienet issegwi oħra li ntbagħtet mill-istess Akkademja qabel il-kunċert tal-2014, li fiha l-Akkademja tal-Malti esprimiet is-sodisfazzjon tagħha f’isem il-Maltin meta ġiet inkluża l-kanzunetta Xemx.

L-Akkademja kienet qalet li dan taha x’tifhem li fil-kunċerti futuri kienu se jibdew jiġu inklużi kanzunetti bi lsienna.

Esprimiet it-tama tagħha li din ma kinitx konċessjoni ta’ darba, imma xhieda ta’ maturità li twassal għal apprezzament ġenwin tal-ilsien Malti.

Ilbieraħ ma’ Newsbook.com.mt, Michael Spagnol li hu l-amministratur tal-paġna Kelma Kelma fuq Facebook, qal li “għalkemm il-kunċert hu avveniment mużikali mill-aqwa li saħansitra jagħti opportunità lil kantanti u gruppi Maltin, hi ħasra li fi spettaklu minn kantanti Maltin għall-Maltin ma tkantawx kanzunetti bil-Malti.” Saħaq li “jekk Joseph Calleja jrid tassew jippromwovi lil Malta mal-barranin, ikun xieraq li jippromwovi wkoll il-lingwa u l-kanzunetta Maltija.”

L-organizzaturi tal-kunċert għadhom ma qalux jekk hux se jinkludu kanzunetti bil-Malti fil-kunċerti li jmiss ta’ Joseph Calleja.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.