Id-Dibattitu Preżenti huwa Sintomu ta’ Lingwa Sana

Shower jew xawer? Chatting jew ċetting? Fuel jew fjuwil? Diesel jew diżil? Washing machine jew woxing maxin? Cake jew kejk? Bħalissa, u bir-raġun, għaddej dibattitu sħiħ fuq kif il-Malti mitkellem qed jiġi rifless fil-Malti miktub bir-regoli uffiċjali tal-lingwa Maltija jiġu mibdula spiss skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-istess lingwa.

Fir-rigward ta’ dan id-dibattitu hemm żewġ skejjel ta’ ħsieb li għadek tiltaqa’ magħhom illum il-ġurnata: dawk il-persuni hekk imsejħa puristi li jopponu kull tip ta’ bidla u għalhekk ma jridux li l-Malti tradizzjonali jinbidel minn kif jafuh, u hemm dawk il-persuni li huma aktar liberali jew moderni fil-ħsieb tagħhom u jħossu li, bħal kull lingwa oħra, il-Malti għandu jadatta għall-bidliet u l-iżviluppi li qed iseħħu fil-preżent.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gazzetta KullĦadd tkellmet mal-għalliem tal-lingwa Maltija David Aloisio li għal erbatax-il sena sħaħ għallem din il-lingwa u raha tgħaddi minn diversi bidliet sakemm żviluppat kif nafuha llum.

Xogħol il-professjonisti u mhux il-poplu

Meta mistoqsi jekk jaħsibx li hemm xi miti jew lakuni fl-opinjoni pubblika li ta’ min jiċċarahom, speċjalment fejn jidħol il-mod ta’ kif jinkiteb il-Malti jew inkella aħjar l-ortografija, Aloisio sostna li, għalkemm il-kelma ‘miti’ x’aktarx għandha konnotazzjonijiet negattivi tant li tfakkru fid-djuq tal-moħħ, fl-injoranza u fid-dlam li kien jitkellem fuqu Manwel Dimech, il-poplu jrid iħalli f’idejn il-professjonisti.

“Jien ma mmurx l-isptar u ngħid lit-tobba x’għandhom jagħmlu. Hekk ukoll fejn tidħol il-lingwa. Hemm min jargumenta li din hija tagħna lkoll u li allura m’għandniex inħallu lil min jindaħlilna kif niktbu u nitkellmu. Nemmen li dan huwa żball,” fisser Aloisio. 
Huwa żied jgħid li llum qed ngħixu f’dinja fejn minn jistudja bilfors ikollu jispeċjalizza f’qasam u għalhekk għandna x-xorti li f’pajjiżna hawn lingwisti bravi u li wara snin twal ta’ riċerka jissuġġerixxu kif għandna mmantnu u nieħdu ħsieb dan il-patrimonju nazzjonali. “Ejjew napprofittaw irwieħna mill-pariri siewja tagħhom,” appella Aloisio.

Dibattitu u lingwa sana jmorru flimkien

Lingwa li ma tgħaddix kontinwament minn tibdil tissogra bil-kbir li tmut. Il-Malti huwa lingwa ħajja u għandna nħossuna xxurtjati li lsienna għaddej minn dan il-proċess interessanti.

“Fl-opinjoni tiegħi, il-psewdopatrijottiċi jiżbaljaw meta joġġezzjonaw għat-tibdil u jibqgħu jħaddnu ideat puristi li ilhom li skadew minn żmien żemżem. Minkejja t-turija ta’ mħabba lejn il-Malti, ironikament u inkonxjament, lill-Malti qed jirriskjaw li jeqirduh. Għalhekk nemmen li d-dibattitu ta’ bħalissa huwa minnu nnifsu sintomu ta’ lingwa sana, lingwa mitkellma u miktuba minn poplu li fl-aħħar mill-aħħar huwa interessat fiha għax jemmen li hija għodda siewja ta’ komunikazzjoni imma wkoll għelm ta’ identità nazzjonali,” spjega b’reqqa Aloisio.

L-istudenti kellhom raġun

Meta mistoqsi fuq il-bidliet li ltaqa’ magħhom tul l-erbatax-il sena li ilu jgħallem, l-għalliem tal-Malti spjega li l-livell ovvju huwa dak minn fuq għal isfel, jiġifieri meta l-awtoritajiet tal-lingwa, ewlieni fosthom il-Kunsill tal-Malti, joħorġu b’regoli ortografiċi ġodda u l-għalliema u l-istudenti jridu jaddattaw għalihom.

“Xi regoli ġodda niżlu malajr, oħrajn domna xi ftit sakemm addattajna għalihom. Niftakar meta qabel konna ta’ kuljum nikkoreġu lill-istudenti sabiex jiktbu ‘ta’ l-avukat’ peress li ħafna minnhom kienet tiġihom naturali li jiktbu ‘tal-avukat’. Maż-żmien, il-Kunsill iddeċieda li rridu ngħaqqdu dejjem il-prepożizzjonu u l-artiklu u li għandna niktbu ‘tal-avukat’ u ‘mal-Italja’. U aħna l-għalliema tal-Malti kellna ninżlu ftit minn fuq il-katedra u nammettu li l-istudenti kellhom raġun,” qalilna bi tbissima Aloisio.

Jitkbu bl-Ingliż għax insew il-Malti

Apparti minn hekk, Aloisio rrimarka li, minkejja li dan il-każ huwa pjuttost uniku, bidla fuq livell ieħor li osserva matul is-snin, din id-darba minn isfel, hija proprju fil-livell ta’ kitba tal-istudenti. Il-kwalità ta’ kitba aktarx qed tiġi kompromessa minħabba l-effett ta’ problema oħra relatata: in-nuqqas ta’ qari ta’ letteratura bil-Malti.

“Hija ħasra li xi drabi tidħol f’dar fejn bilkemm tara ktieb, aħseb u ara kemm se ssib librerija. Kif jgħid il-Malti: l-eżempju jkaxkar, u n-nuqqas ta’ qari fil-kbar qed jaffettwa liż-żgħar, u ż-żgħar qed ibatu ferm sabiex fl-iskejjel jipproduċu biċċa kitba b’ortografija tajba u b’Malti mexxej u idjomatiku. Dan ma jawgura xejn tajjeb għal meta l-istudenti joħorġu fid-dinja tax-xogħol u jiġu biex jikkomunikaw bil-Malti. Xi drabi jippreferu jiktbu bl-Ingliż għax, “il-Malti nsejtu!” qal Aloisio.

L-importanza tal-metodu ta’ tagħlim

Dawn il-bidliet fil-lingwa jġibu reazzjonijiet differenti, b’mod speċjali fl-istudenti. Meta mistoqsi fuq dan, Aloisio spjega li, bħal f’ħafna każijiet oħra, l-istudenti għandhom tendenza li jibdew igergru imma jemmen li f’sitwazzjonijiet bħal dawn jgħodd ħafna l-mod ta’ kif l-għalliem jippreżenta l-materjal akkademiku lill-istudenti.

“Fil-każ tat-tibdil fl-ortografija jien inħobb nuża metodi li jappellaw għall-istudenti bħal xi kwiżż li jqanqal fihom sens ta’ kompetittività bl-iskop li bħala effett sekondarju jkunu qed jitgħallmu u jiftakru kif jispellu bil-Malti,” fisser l-għalliem tal-Malti.

Żied jgħid li ma jaħsibx li dawn il-bidliet huma xi fattur determinanti fil-livell ta’ espressjoni bil-Malti. Fl-opinjoni tiegħu, l-istudenti għandhom problemi oħrajn fejn jidħol it-tħaddim tajjeb tal-lingwa. Is-soluzzjoni ideali hija l-interess ġenwin fl-istudju tal-Malti. “Bħala għalliem naf li l-interess tal-istudenti huwa l-ikbar sfida fil-klassi. Mhux ċajta li f’lekċer ta’ siegħa l-għalliem irid jiġbed l-attenzjoni u jqanqal l-interess fl-istudenti li ħafna drabi jkollhom ħafna distrazzjonijiet ta’ kull tip,” irrimarka Aloisio.

Fiduċja fil-Kunsill tal-Malti

Mistoqsi direttament fuq jekk għandux fiduċja fil-Kunsill tal-Malti, Aloisio mill-ewwel afferma li hu għandu fiduċja kbira fil-membri tal-Kunsill tal-Malti iżda meta jiddarras ma jiddejjaqx jitkellem. Madankollu jemmen bis-sħiħ fil-professjonalità tagħhom u jiddispjaċih meta nies tal-ħabba gozz jippruvaw jimponu l-ideat bla bażi u mhux riċerkati hekk kif il-Kunsill joħroġ b’xi deċiżjoni.

Spjega li bħalissa l-Kunsill għandu l-għadma iebsa ta’ kif se jinkitbu kliem ta’ nisel Ingliż. Kien hawnhekk li fisser li din mhijiex deċiżjoni faċli. “Xi drabi ngħid li għandna nħallu l-kelma intatta u niktbuha kif inhi fl-Ingliż bħal download imma mbagħad meta niġi biex nikkonjugaha nippreferi li niktibha skont il-fonetika Maltija: niddawnlowdja. Problemi bħal dawn żgur li qed iħabbtu lill-Kunsill li qed jagħmel minn kollox biex joħroġ bl-aħjar soluzzjonijiet,” spjega b’reqqa Aloisio.

M’hemmx lok għad-dilettantiżmu

Mitlub jikkummenta fuq il-fatt li l-Gvern tal-ġurnata fetaħ konsultazzjoni fuq din il-kwistjoni taħraq, Aloisio fisser kif il-konsultazzjoni dejjem hi tajba imma jkun żball jekk din tagħti lok għad-dilettantiżmu. Dan għax il-Malti ħaqqu aħjar minn hekk u ħaqqu jkun fdat f’idejn il-professjonisti, professjonisti umli li, wara li jivvalutaw l-opinjoni pubblika, iħaddmu l-għarfien akkademiku tagħhom sabiex jaslu għall-aħjar soluzzjoni.

Fl-aħħar nett, meta mitlub jgħid jekk wasalx iż-żmien li jkun hemm ftit waqfa f’dawn it-tibdiliet minħabba l-fatt li sar ikun hemm tibdil spiss, Aloisio għażel li jikkwota lil Albert Einstein fejn dan kien qal li “il-ħajja qisha meta tirkeb rota; biex iżżomm il-bilanċ trid tibqa’ għaddej”.
Għalhekk jemmen li t-tibdil fil-lingwa mhux biss mhuwiex negattiv imma huwa essenzjali sabiex il-Malti jibqa’ jaġġorna ruħu maż-żminijiet. Kliem bħal ‘mitraħ’ u ‘ħatem’ tal-komunità Maltija ta’ sekli ilu issa sar arkajku u llum ngħidu ‘saqqu’ u ‘ċurkett’. Maż-żmien drajna kliem bħal ‘futbol’ u ‘l quddiem x’aktarx li nidraw niktbu l-kliem ‘gay’ u ‘power station’.

“Fl-opinjoni tiegħi għandna bżonn bidla fil-perċezzjoni dwar il-bidla. Il-bidla hija neċessarja u fuq kollox hija pożittiva. Ejja nkunu aktar ottimisti fil-perspettiva tagħna dwar il-bidliet fil-Malti. Żmien twil ilu meta beda dieħel ħafna kliem fil-Malti mit-Taljan kien hemm min iddarras għax ried li l-Malti jibqa’ Semitiku u jixbah lill-Għarbi. Imma min webbes rasu u kiteb b’dan il-Malti ‘pur’ safa mwarrab għax il-kitba tiegħu ħadd ma seta’ jifhimha. Ejja nkunu maturi biżżejjed biex nifhmu l-benefiċċji tal-bidla imma fl-istess ħin nindukraw dak li diġà għandna sabiex ma mmorrux fl-estrem l-ieħor. It-triq tan-nofs hija l-ideali għalkemm hija wkoll l-iktar triq diffiċli,” għalaq din l-intervista Aloisio bi tbissima.

Artiklu ta’ Glen Falzon li deher fuq il-“Kullħadd”.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.