Olandiż jew Netherlandiż?… Il-Kunsill tal-Malti jiċċara

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li jagħraf li l-Olanda hi l-aktar forma komuni mal-Maltin u bl-ebda mod mhu jissuġġerixxi lill-Maltin biex jużaw in-Netherlands u Netherlandiżi minflok l-Olanda u l-Olandiżi. Dawn jistgħu jibqgħu jintużaw f’kull kuntest li mhuwiex politiku jew legali.

Fi stqarrija l-Kunsill qal li jixtieq jiċċara li l-għażla tiegħu għall-isem “Netherlands” fil-lista bl-ismijiet tal-pajjiżi – li hi parti mill-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea – hi maħsuba għat-tradutturi tal-Unjoni Ewropea u għal-leġiżlaturi li jeħtieġu forma waħda standard, korretta politikament u ġeografikament għal kull isem ta’ pajjiż, biex tintuża b’mod standard fil-liġijiet, id-direttivi, it-trattati u pubblikazzjonijiet oħra li jorbtu legalment; mhux għal kull pubblikazzjoni oħra li mhix legali (eż. letteratura, ġurnaliżmu, kotba tat-tfal, fuljetti tal-ivvjaġġar, eċċ.).

Fil-każ ta’ dan il-pajjiż, l-Olanda hi biss parti mir-Renju tan-Netherlands, u allura jekk liġi tuża dan l-isem u l-aġġettiv Olandiż/a/i ma tkunx qed tirreferi għaċ-ċittadini tal-pajjiż kollu imma għar-residenti ta’ din il-parti biss tal-pajjiż. Dan sar fil-lista ta’ kull lingwa uffiċjali tal-UE u mhux għall-Malti biss.

Għalhekk, ladarba l-Kunsill għal dawn il-kuntesti politiko-legali biss għażel in-Netherlands, meta ġie għall-aġġettiv taċ-ċittadini tal-pajjiż, żamm l-aktar wieħed li jikkorrispondi: Netherlandiż/a/i. Din il-forma hi mibnija bl-istess mod kif ilhom jinbnew aġġettivi oħrajn minn nomi propji fil-Malti, bħal Shakespearjan, Freudjan, Marxista, Stricklandjan, u diversi oħrajn.

Din l-għażla saret b’mod studjat, bil-prinċipju li l-Malti jkollu forma aġġettivali uffiċjali għaċ-ċittadini tad-dinja, waqt li jżomm il-forma prepożizzjonali (jiġifieri, f’dal-każ, min-Netherlands) li hi dejjem possibbli. L-istess kif f’Malta, ngħidu aħna, nistgħu nirreferu għal xi ħadd kemm ‘Żejtuni’ kif ukoll ‘miż-Żejtun’ jew ‘Naduri’ kif ukoll ‘min-Nadur’, u l-bqija. Forma waħda ma teskludix lill-oħra.

Madankollu, il-Kunsill jagħraf li l-Olanda hi l-aktar forma komuni mal-Maltin u bl-ebda mod mhu jissuġġerixxi lill-Maltin biex jużaw in-Netherlands u Netherlandiżi minflok l-Olanda u l-Olandiżi. Dawn jistgħu jibqgħu jintużaw f’kull kuntest li mhuwiex politiku jew legali.

Fil-Malti għandna numru ta’ ismijiet ta’ pajjiżi oħra simili li għandhom aktar minn forma waħda possibbli, bħalma huma ir-Renju Unit u l-Ingilterra, l-Ukrajna u l-Ukraina, u oħrajn. Fil-fatt, bħalissa l-Kunsill qed jiġbor lista b’dawn il-forom differenti ħajjin kollha tal-ismijiet Maltin biex min jikteb bil-Malti jkollu gwida ċara tal-varjazzjonijiet li jeżistu f’xi wħud, ilkoll possibbli.

Din il-lista se tkun aċċessibbli fil-ġimgħat li ġejjin mis-sit elettroniku tal-Kunsill biex tintuża mill-pubbliku ġenerali li, fil-biċċa l-kbira tiegħu ma jiktibx pubblikazzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea.

Dwar il-kliem mill-Ingliż fil-Malti, il-Kunsill għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni, imma konxju ħafna mid-diffikultajiet li jeżistu fil-kitba ta’ dan il-kliem. Fil-fatt, organizza numru ta’ laqgħat u seminars pubbliċi (li wasslu għal ġabra ta’ fehmiet differenti, li hi aċċessibbli wkoll mis-sit tal-Kunsill stess:http://kunsilltalmalti.gov.mt/filebank/documents/il-ktieb_finali_sa%20Nov%2008.pdf). Il-kumitat li twaqqaf apposta mill-Kunsill biex jiddiskuti u jistudja dan is-suġġett u l-fehmiet kollha tal-pubbliku li daħlulna issa wasal biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.