Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija – filmat

Is-sessiżmu fil-lingwa huwa l-użu ta’ kliem u espressjonijiet li jiddiskriminaw kontra xi sess partikolari u li jinkoraġġixxu xbihat sterjotipati tal-irġiel u tan-nisa. Lingwa sessista tesprimi inklinazzjonijiet u preġudizzji favur xi sess partikolari, x’aktarx ir-raġel, u tikkonsidra lis-sess l-ieħor inferjuri, wisq probabbli kawża tal-imġiba sessista fis-soċjetà li għal ħafna żmien qieset lill-mara bħala s-sess id-dgħajjef.

Għal sekli sħaħ, il-mara kellha tgħix fid-dell tar-raġel, imċaħħda mill-aktar drittijiet fundamentali u tqieset bħala oġġett, bħala dik li mhix kapaċi taħseb, mhix kapaċi tieħu deċiżjoni weħidha, u bla ma tista’ lanqas biss toħlom li jkollha l-ambizzjonijiet tagħha biex ittejjeb l-istatus tagħha.

B’xorti tajba din is-sitwazzjoni nbidlet  u f’dawn l-aħħar snin iktar nisa bdew jidħlu fid-dinja tax-xogħol u f’oqsma oħra li qabel kienu ddominati mill-irġiel. Illum bosta nisa, inkluż f’pajjiżna, għandhom pożizzjonijiet għolja li qabel kienu assoċjati biss mal-irġiel. Imma l-lingwa bħal donnha mhux dejjem tirrifletti din il-bidla fis-soċjetà.

Xi żmien ilu, l-Akkademja tal-Malti organizzat seminar sewwasew dwar dan is-suġġett u minn dan is-seminar twieldet il-pubblikazzjoni li ħarġet reċentement Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija. Dan il-ktieb jiġbor fih is-seba’ preżentazzjonijiet li saru matul is-seminar u li jittrattaw it-tema minn perspettivi differenti. Il-ktieb għandu jservi ta’ bażi għal aktar diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha interessati f’dan is-suġġett bil-ħsieb li jitfasslu linji gwida ċari u uffiċjali li jwasslu biex jinħoloq lingwaġġ mhux diskriminatorju li jirrifletti rappreżentazzjoni aktar ġusta tal-irġiel u tan-nisa fis-soċjetà Maltija.

IS-SESSIŻMU FIL-LINGWA MALTIJA – Editur: Dr George Farrugia – pubblikazzjoni tal-Akkademja tal-Malti (2020), jinkiseb mill-Klabb Kotba Maltin u l-ħwienet ewlenin bl-ISBN 978-99932-7-773-6

It-8 ta’ Jannar 2021

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.