STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT
Il-President jgħaqqad lill-għaqdiet tal-Malti f’inizjattiva waħda biex titħares il-lingwa Maltija
Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ilsien Malti, il-President George Vella ħabbar li l-għaqdiet kollha tal-Malti qed jingħaqdu flimkien f’inizjattiva waħda biex titħares il-lingwa Maltija.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fil-preżenza ta’ rappreżentanti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università, u l-għaqdiet volontarji tal-Malti; l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin, l-Għaqda Għalliema tal-Malti, u Inizjamed. L-għan huwa li jkomplu jżidu l-kuxjenza pubblika b’risq l-użu tajjeb tal-Malti fl-oqsma varji tal-ħajja lokali.
Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-Malti qalu li se jsiru sensiela ta’ seminars fuq is-setturi ewlenin li joffru s-servizzi tagħhom lill-poplu Malti biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-Malti fihom, joħorġu l-prattiċi tajba li qed isiru, u jiġu studjati l-isfidi li jeżistu u b’liema modi u mezzi jista’ jsir titjib biex ilsienna jintuża aktar kif jixraq.
L-ewwel seminar huwa ppjanat għal Mejju li ġej. Dakinhar se jintalbu l-pariri esperti tal-professjonisti f’dawn l-oqsma, u l-kontribuzzjonijiet tagħhom se jiġu ppubblikati wara kull seminar sabiex mill-kliem ngħaddu għall-fatti.
Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-Malti qalu, “Din il-ħidma għandha twassal biex il-Maltin u l-Għawdxin japprezzaw iżjed il-lingwa Maltija, element ewlieni tal-identità tagħna, u jħossuhom komdi jużawha mal-pubbliku, kemm fit-taħdit, kif ukoll fil-kitba.”
Il-President George Vella esprima x-xewqa li jitħares il-Malti sa mid-diskors tal-ħatra tiegħu bħala President tar-Repubblika f’April tas-sena l-oħra. Qal li jeżistu għadd ta’ sfidi li jeħtieġu l-attenzjoni, fost oħrajn fit-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol, fil-qasam mediku, fid-dinja diġitali u fix-xandir, u għalhekk għaqqad lill-għaqdiet tal-Malti biex jaħdmu mill-qrib mal-Uffiċċju tal-President bil-għan li jiġu identifikati miżuri konkreti li għandhom iwasslu għall-użu sew tal-lingwa Maltija.
Il-President Vella qal li l-Malti jagħtina identità u enfasizza fuq kemm il-lingwa tiddistingwina, tant li jeħtieġ tinħoloq iktar kuxjenza dwar l-apprezzament u l-użu tajjeb tal-Malti minn kulħadd, sabiex ilsienna ma jintilifx.
Grazzi u tislijiet
Norma
Norma Saliba
Public Relations Executive