Taħdita Pubblika b’Ritratti u Filmati ta’ Gilbert Calleja fl-Università
Nhar it-Tlieta 14 ta’ Jannar 2020, fis-6.00pm, fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, il-fotografu u riċerkatur Gilbert Calleja se jagħmel taħdita bir-ritratti u l-filmati dwar l-esperjenza tiegħu ta’ riċerka fuq medda ta’ snin fuq lanċa tas-sajd Xlukkajra. Fit-taħdita, “Mhux Tradott u Intraduċibbli: Id-diskors f’dokumentarju etnografiku fuq lanċa tas-sajd,” Gilbert Calleja, li jaħdem fil-qasam tad-dokumentarju fotografiku, se jistħarreġ il-lingwaġġ użat mis-sajjieda.Din se tkun il-ħames attività mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett li issa daħal fir-raba’ sena tiegħu. Dan huwa proġett immexxi mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.
Fit-taħdita tiegħu, Gilbert Calleja se jitkellem fuq l-esperjenza fit-tul li għamel fuq lanċa tas-sajd Maltija u fuq kif is-sajjieda jużaw il-lingwa. Illum mal-Maltin jaħdmu diversi barranin bħala ekwipaġġi u għalhekk id-dinamika fuq il-laneċ hi totalment differenti minn dik li kienet sa għoxrin, tletin sena ilu. Permezz ta’ diversi eżempji mix-xogħol awdjoviżiv tiegħu se jiddiskuti l-użu tal-lingwa biex tqanqal l-emozzjoni, toħloq tensjoni u tasal għal interpretazzjoni poetika fir-rakkont mhux mistħajjel.
Gilbert Calleja se jibda billi jħares lejn il-film etnografiku bħala riċerka msejsa fuq l-esperjenza diretta tar-riċerkatur jew ir-riċerkatriċi. Se jħares ukoll lejn ir-rwol li kellhom jew għad għandhom ir-riċerkaturi fit-tradizzjoni tar-rakkont mhux fittizju u jirreferi għal xogħlijiet speċifiċi ta’ nies bħal Louis Buñuel, Robert Gardner u l-Ethnographic Sensory Lab. Permezz ta’ diskussjoni dwar l-istruttura u d-dinamika ta’ kif naslu għall-għarfien fir-rappreżentazzjoni tal-“verità,” il-kelliem se jipprova juri kif u għaliex ir-riċerkaturi etnografiċi ħaddmu r-riżorsi awdjoviżivi biex jipproduċu dokumentarji.
Imbagħad se jħares lejn l-użu tal-kelma mitħaddta, il-mistoqsijiet li jitqajmu fil-proċess tat-traduzzjoni u x’tip ta’ impatt għandha t-traduzzjoni fuq ir-rakkont innifsu. B’rabta diretta ma’ dan, se jiddiskuti eżempji minn dokumentarji speċifiċi fejn it-taħdit jew ma ġiex tradott f’lingwa aċċessibbli għal udjenza wiesgħa (tħalla fil-lingwa oriġinali) jew tħalla barra kompletament. Il-kelliem huwa interessat fil-mod kif ir-riċerkaturi-diretturi, flok imponew tifsira huma, ħallew f’idejn il-pubbliku biex jipprova jaqta’ x’inhu jingħad jew x’inhu jiġri.
L-argument ta’ Gilbert Calleja se jkun marbut mal-problemi li jinbtu meta persuna fl-udjenza tirrelata mal-istampa, il-ħoss u l-kitba. Il-kelliem se jispjega kif il-fenomenoloġija għenitu jagħraf il-kwalitajiet espressivi tat-taħdit u wasslitu biex jifhem iċ-ċentralità tagħhom fil-proċess etnografiku tiegħu. Il-mistoqsija ewlenija li se jindirizza hawn hija dwar kif it-taħdit u l-kuntest li jseħħ fih influwenzaw ir-rakkont tiegħu bħala riċerkatur u produttur tad-dokumentarji?
L-esperjenza tiegħu jisma’ lis-sajjieda, jitkellem magħhom u jaqra mid-diarju miktub minn wieħed minnhom wasslitu biex jispekula fuq il-potenzjal tal-istrutturi tat-taħdit u tal-kitba bħala mudelli li fuqhom jista’ jibni rakkont etnografiku bħala dokumentarju għall-internet.
Gilbert Calleja, li twieled fl-1978, huwa fotografu u riċerkatur li jiffoka fuq temi soċjali f’Malta u fir-regjun tal-Mediterran u jiddokumenta nies u sitwazzjonijiet fuq medda ta’ snin sħaħ ta’ riċerka.
Bħalissa qed jagħmel dottorat mas-Centre for Research and Education in the Arts and Media (CREAM) fl-Università ta’ Westminster, Londra fejn qed jinvestiga l-potenzjal ta’ pjattaformi medjatiċi ġodda bħala għodda għal rakkonti mhux fittizji. L-interessi prinċipali tiegħu jinkludu proġetti ta’ kollaborazzjoni bħala metodi ta’ riċerka u formati multimedjali bħala strutturi ta’ rappreżentazzjoni. It-titlu tar-riċerka tiegħu hu “Identity and the Maltese fisherman: challenging stereotypes througħ multi-media platforms – a practice-based case study.”
Ix-xogħol tiegħu kien parti mill-padiljun Malti fil-Biennale ta’ Venezja fl-2017. Kien ukoll wieħed mill-artisti magħzula għall-wirja kollettiva “Dal-Baħar Madwarha” organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Wirjiet oħra tiegħu jinkludu “Lampara” (Berlaymont Buildings, Brussell, 2017); “L.O.M.L.” (ma’ Matthew Attard) film qasir tal-poeżija kkummissjonat minn Inizjamed għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2016; u l-wirja “The Culture of Aging” (Valletta, 2015). Xogħlu ntwera f'”Les Rencontres de la photographie d’Arles” u fil-festival “Caochangdi Photospring” f’Beijing.
Gilbert Calleja studja l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta u l-prattika artistika fl-Università ta’ Parigi, Paris 1 Panthéon-Sorbonne (2004).