L-Akkademja tal-Malti ssellem lill-Kardinal Prospero Grech li miet fit-30 ta’ Diċembru 2019 fl-għomor ta’ 94 sena.
Huwa kien ħa ħsieb jikteb id-daħla, in-noti u l-glossarju tal-ktieb “Dun Karm – Poet of Malta” ta’ Prof. A. J. Arberry li kien qaleb għall-Ingliż uħud mill-poeżiji tal-Poeta Nazzjonali.
Imwieled fl-1925, Il-Kardinal Prospero Grech ingħaqad mal-Ordni tal-Agostinjani fl-1943 u ġie ordnat saċerdot seba’ snin wara fil-Bażilika ta’ San Giovanni Laterano f’Ruma.
Kiseb dottorat fit-teoloġija mill-Università Gregorjana ta’ Ruma u liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma.
Fost karigi li okkupa, għallem f’diversi universitajiet u istituti prestiġġjuzi fosthom bħala professur tat-teoloġija bibblika fl-Università tal-Lateran. Kien Segretarju tal-Provinċja Maltija Agostinjana u serva lill-Knisja fil-Kummissjoni Bibblika tas-Santa Sede.
Fl-1984, il-Papa Gwanni Pawlu II ħatru bħala konsultur għall-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Huwa kien it-tieni kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja Kattolika.
F’Jum ir-Repubblika tal-2011, l-Istat Malti kien onorah bħala Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.