“Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok”
Nhar is-6 ta’ Novembru 2019 l-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali (fi ħdan Festivals Malta) organizzaw serata kommemorattiva f’ġieħ Dun Karm taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Serati bħal dawn ilhom isiru s-snin sa minn qabel ma miet il-Poeta Nazzjonali tagħna fl-1961 u hi ħaġa tassew sabiħa li ta’ kull sena jinżamm l-appuntament biex nikkommemorawh kif inhu xieraq u b’mod dinjituż.


Il-programm kien imżewwaq sew u kien jinkludi Għana tal-Fatt minn Ġużeppi Spagnol, akkumpanjat mill-kitarristi John Grima u Kevin Spagnol għall-versi ta’ Charles Coleiro.
Il-veterana attriċi magħrufa Karmen Azzopardi qrat waħda mill-isbaħ poeżiji li niseġ Dun Karm – “L-Għanja tal-Imħabba”.
Matul is-snin kellna s-serati b’titli miġjuba mill-versi nfushom ta’ Dun Karm, fost oħrajn: “L-Omm li Tatna Isimha” (2011); “Seddaq il-Għaqda fil-Maltin” (2014); “Iżda daqsek lil ħadd” (2015). Għal dis-sena s-serata ngħatat it-titlu “Għaliex? – Jedd il-Lsien Malti” ispirat minn waħda mill-isbaħ poeżiji li biha Dun Karm jagħmel l-appell tiegħu biex nagħrfu ngħożżu “l-ilsien li bih int Malti sewwa” u l-kantanta Dorothy Bezzina interpretat bil-vuċi sabiħa tagħna din il-poeżija.
Id-diskors ewlieni tas-serata wkoll kien ispirat mill-versi ta’ din il-poeżija: “Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok” – tassew? li tħalla fi ħsieb is-Sur David Aloiso.
Kien diskors mhux biss erudit imma wkoll intenzjonat li jiftħilna għajnejna sew fuq l-isfidi li għandu l-Malti fi żminijietna u qanqalna nistaqsu u nixtarru x’futur għandu quddiemu lsienna. Din il-kwistjoni ġiet eżaminata ftit ieħor bil-għajnuna ta’ studjużi oħra mistednin: Olivia Borg, Joseph Vella u Marita Cassar f’diskussjoni li tmexxiet minn Dr Mario Cassar.
Is-serata għalqet b’żewġ poeżiji – l-eleġija “Int Ma Terġax” li tkantat minn Dorothy Bezzina u l-qari ta’ “Madre” li nqrat mid-Dottoressa Ernestina Cassar nèe Bernardele li għandha konnessjonijiet interessanti mal-Poeta Nazzjonali. Dott. Bernardele twieldet fi Thiene (Provinċja ta’ Vicenza, l-Italja)) minn fejn kien ġej San Gejtanu ta’ Thiene, 37 kilometru bogħod minn Chiampo (fejn twieled Don Giacomo Zanella). Hija ffrekwentat l-iskola Primarja ta’ Molina di Malo li kienet u għadha msemmija għal Don Giacomo Zanella. Kompliet l-istudji sekondarji fi Thiene u wara studjat il-Pedagoġija fl-Università ta’ Padova fejn Don Giacomo Zanella kien studja u ħa l-lawrja fil-Filosofija fl-1847 fl-età ta’ 27 sena u ’l quddiem huwa kien Professur tal-Letteratura Taljana fl-istess Università u kien ġie elett Rettur tal-Università għas-Sena Akkademika 1871-1872. Tencajoli lil Dun Karm sejjaħlu Lo Zanella Maltese.
Is-serata għalqet bil-vuċi nnifisha rekordjata tal-Poeta Nazzjonali tagħna jaqra “Għaliex – Jedd il-lsien Malti”.