Taħdita dwar ir-Riħ fil-Qala’

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2019, fis-6.00pm, Joe Morana se jagħmel taħdita dwar “Ir-Riħ fil-Qala’,” fil-Mużew Marittimu, il-Birgu. Din it-taħdita mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta se ssir bi sħab mal-Mużew Marittimu ta’ Heritage Malta u bħala parti mill-programm ta’ Birgufest. L-attività hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn.

Il-gżejjer Maltin sa mill-qedem kienu magħrufin u apprezzati għall-pożizzjoni strateġika tagħhom f’nofs il-bahar Mediterran, kemm mil-lat navali militari, kif ukoll mil-lat tat-tbaħħir kummerċjali. Għalhekk ġew okkupati jew maħkuma minn ġnus merkanti u potenzi militari varji.

Matul is-sekli, il-komunikazzjoni ta’ dawn il-gżejjer ma’ pajjiżi ġirien kienet tiddependi għalkollox minn bastimenti u bċejjeċ tal-bahar armati bil-qlugħ ta’ diversi għamliet u qisien li jvarjaw skont l-iskop rispettiv tagħhom. Intużaw kemm għat-traġitt bejn il-gżejjer Maltin u kemm għas-sajd.

F’din it-taħdita Joe Morana jħares fuq fuq lejn l-evoluzzjoni ta’ bċejjeċ u opri tal-baħar bil-qlugħ li kienu jbaħħru bejn il-Gzejjer Maltin u lil hinn minnhom. Il-kelliem se jippreżenta t-terminoloġija Maltija biex jagħti tagħrif dwar il-prinċipji bażiċi ta’ kif titħaddem dgħajsa bil-qlugħ u ħwejjeġ relatati.

Fi żminijietna l-qlugħ m’għadux jintuża fuq bastimenti, bċejjeċ u opri tal-baħar li jbaħħru għal skopijiet kummerċjali u essenzjalment huwa limitat għal attivitajiet rikreattivi jew sportivi. F’dan il-kuntest, fit-tahdita tiegħu Joe Morana se jagħti ħarsa ukoll lejn l-ibburdjar bil-frejgatini tal-latin u lejn x’għad fadal mill-opri tal-baħar Maltin imħaddma bil-qlugħ tradizzjonali.

Wieħed mill-għanijiet tat-taħdita huwa li tixpruna aktar riċerka u jiġu ppubblikati aktar xogħlijiet bil-Malti dwar is-snajja’ tal-bahhara u xogħlijiet u ħwejjeġ oħra relatati mal-attività marittima ta’ pajjiżna.

Joe Morana, mill-Birgu, twieled fl-1956 u ħa l-edukazjoni formali tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Birgu u l-Iskola Sekondarja ta’ San Gużepp, Raħal Ġdid. Studja wkol fl-Università ta’ Malta fejn  kiseb Diploma in Labour Studies u Diploma fin Marketing. Imbagħad għamel Masters fit-Training and Human Resources Management mal-Università ta’ Leicester. Joe Morana ħadem f’diversi karigi u dipartimenti fis-Servizz Pubbliku u għal xi żmien kien uffiċjal fi trade union ewlenija. Illum rtira mix- xogħol formali.

L-ibburdjar hu fost l-interessi ewlenin tiegħu u ilu jippratika din id-dixxiplina għexieren ta’ snin. Għandu esperjenza sew fl-ibburdjar sportiv (regatta) u rikreattiv, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. F’dawn l-aħħar snin żviluppa interess u kiseb esperjenzi fuq opri tal-bahar Taljani bil-qlugħ latin tradizzjonali f’numru ta’ lokalitajiet fi Sqallija u f’reġjuni oħrajn tal-Italja.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.