Għadu kif għadda Ottubru, ix-xahar li fih twieled u miet Dun Karm, ix-xahar tal-poeta nazzjonali tagħna; kważi għaddew seklu u nofs minn twelidu u sittin sena minn mewtu. F’kommemorazzjonijet bħal dawn, it-tendenza komuni tkun li nħarsu lura b’taħlita ta’ nostolġija, ammirazzjoni u gratitudni biex infakkru l-atti fejjieda ta’ dawk il-personalitajiet kbar li fl-imgħoddi ħadmu qatigħ għall-ġid tal-lingwa u tal-letteratura Maltija. Filwaqt li nemmen bis-sħiħ li r-rispett fil-konfront ta’ nies kbar bħal Dun Karm huwa xieraq u jibqa’ dejjem bżonjuż, illum nistedinkom biex ma nħarsux lura biss … ejja nistħajlu x’se tkun il-qagħda tal-lingwa u tal-letteratura Maltija fil-ġejjieni, sittin sena oħra … jew seklu u nofs ieħor. Il-Malti se jkun qiegħed jiffjorixxi jew se nkunu qegħdin nikinsu l-irmied tiegħu?
Il-futur kaxxa magħluqa jew aħjar kaxxa bl-għatu xi ftit imbexxaq li jippermettilna nittawlu ftit biex nippruvaw naqtgħu x’hemm fiha. Il-qagħda preżenti tal-Malti tista’ toffri indikazzjonijiet pjuttost ċari ’l fejn mexjin. Għal xi wħud dawn l-indikazzjonijiet mhumiex allarmanti; għal oħrajn jistgħu jkunu kawża ta’ inkwiet u ansjetà. Is-sitwazzjoni plurilingwi ta’ bħalissa mhijiex bla preċedent fl-Istorja ta’ Malta. Matul l-elf sena ta’ eżistenza, l-ilsien Malti għex maġenb għadd ta’ ilsna oħrajn, ilsna barranin li ġew u marru. Il-Malti mhux biss irnexxielu jissopravvivi imma sakemm dawn l-ilsna kienu preżenti fi gżiritna assimila diversi elementi minnhom biex kompla jikber u jaġġorna ruħu. Illum il-ġurnata, l-għejun li l-Malti kien jixrob minnhom nixfu għajr għal għajn waħda: sal-lum il-Malti għadu jassorbi mill-Ingliż sabiex jibqa’ ħaj u utli. Dan l-aħħar il-Kunsill tal-Malti ħareġ bl-aġġornament li joffri gwida għaqlija dwar kif jinkiteb il-kliem li assimilajna u li għadna nassimilaw mill-Ingliż. L-attitudni addottata mill-Kunsill tawgura tajjeb għall-futur ta’ lsienna; hekk għandna garanzija li l-Malti ma jmutx imma jibqa’ prattiku u komdu għal min jitħaddet u jikteb bih.
Allura għandna nserrħu rasna? Kemm-il darba smajna l-avviż, fit-tmiem ta’ xi reklam tal-assigurazzjoni, li l-passat mhuwiex garanzija tal-futur. U naħseb li dan jgħodd għall-Malti wkoll. Xi drabi nserrħu wisq fuq x’għamel Mikiel Anton Vassalli, x’għamel Dun Karm, x’qegħdin jagħmlu l-kittieba, x’qegħdin jagħmlu tal-Kunsill tal-Malti u l-entitajiet l-oħra li kontinwament jiddefendu l-kawża ta’ lsienna. Imma forsi rarament insaqsu x’qegħdin nagħmlu aħna bħala l-utenti ewlenin ta’ din il-lingwa. Qegħdin nippruvaw niktbu bil-Malti? Diversi ħbieb tiegħi jammettu b’dispjaċir li nsew kif jiktbu bil-Malti; jgħiduli: “Għax il-Malti ma nużawhx fuq ix-xogħol.” Imma nistgħu nużawh id-dar, mal-familjari? Għaliex meta niġu biex niktbu mqar kartolina naqilbu awtomatikament għall-Ingliż flok ma nużaw il-lingwa-omm biex nesprimu ġenwinament l-emozzjonijiet tagħna? Xi drabi nħoss li m’aħniex nagħmlu ħilitna kollha biex inrawmu lil uliedna ħalli jitkellmu, jaqraw u jiktbu bil-Malti. Meta nkun il-bandli bit-tfal ikolli okkażjoni biex nisma’ kif jitkellmu l-ġenituri ma’ wliedhom. Hawn ninnota wkoll li l-Malti qiegħed dejjem jonqos. Ħafna ġenituri Maltin iħossuhom obbligati li jkellmu lil uliedhom bl-Ingliż, għal xi raġuni jħossu li qegħdin jedukawhom aħjar anke jekk xi drabi jagħmlu dan b’Ingliż imfarrak. Ġenituri bħal dawn mhumiex jirrealizzaw li l-ambjent soċjali ta’ pajjiżna joffri l-aħjar kundizzjonijiet lingwistiċi sabiex uliedhom ikunu bilingwi bbilanċjati. It-tfal Maltin huma esposti biżżejjed għall-Ingliż fil-media soċjali, fis-sistema edukattiva u fil-ħajja ta’ kuljum. Anzi, l-istudji(1) juru li jkun ta’ benefiċċju akbar jekk il-ġenituri jkellmu lil uliedhom bil-Malti: meta permezz tal-ġenituri jissaħħu l-ħiliet lingwistiċi tal-lingwa-omm, it-tfal ikunu qegħdin jiġu ppreparati bl-aħjar mod biex eventwalment jitgħallmu l-Ingliż minn bnadi oħra.
Darba Dun Karm kiteb: “Għaliex tarmih l-ilsien li tatek ommok, / u titlef għaqlek wara lsien barrani? / Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok, / u bil-Malti tkellimt tifel daħkani.” Jista’ jkun li diskors bħal dan idarras lil xi wħud, bħalma darras lil xi wħud fiż-żmien li ġiet ippubblikata l-poeżija. Hemm min iqis dawn il-versi mill-poeżija “Għaliex? Jedd l-Ilsien Malti” bħala espressjoni ta’ patrijottiżmu li skada u li issa jidher ixaqleb b’saħħa lejn il-ksenofobiku jew l-intolleranti. Jew inkella jista’ jiġi pperċepit bħala parir għaqli fi żmien meta lanqas huwa garantit u ovvju li: “Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok, / u bil-Malti tkellimt tifel daħkani.” “L-ilsien li tatek ommok” mhuwiex neċessarjament il-Malti. Għal ħafna tfal il-Malti jibqa’ l-ewwel lingwa jew il-lingwa-omm, għal oħrajn sar l-Ingliż minkejja li jkollhom ġenituri Maltin; fil-fatt hawn skejjel privati li fis-snin bikrin saħansitra jibdew jgħallmu l-Ingliż qabel il-Malti.
Il-mogħdija li terraq fiha l-Malti qatt ma kienet ward u żahar. La fi żmien Vassalli, la fi żmien Dun Karm, la fi żmienna u aktarx li lanqas fil-futur. Ir-realtajiet li l-għalliema jħabbtu wiċċhom magħhom fl-iskejjel joffru sfidi li jridu jiġi mgħajxa kuljum. Għandi sħabi jgħallmu fi skejjel fejn il-popolazzjoni tal-istudenti għandha tmenin fil-mija tagħha barranin. Ovvjament f’ambjent bħal dan il-lingwa Maltija ma tistax tiffunzjona b’faċilità. Ta’ min japprezza l-isforz tal-awtoritajiet sabiex il-Malti jiġi mgħallem lill-barranin kollha. Hekk għandu jkun imma dan m’għandux jiġi fis-seħħ b’detriment għall-kwalità tat-tagħlim tal-lingwa u tal-letteratura Maltija lill-istudenti Maltin, anke jekk dawn ikollhom ġenitur wieħed biss b’ċittadinanza Maltija. Jekk verament nivvalutaw il-ħidma ta’ personalitajiet mill-imgħoddi bħal Dun Karm ikun aħjar li mal-monumenti, mal-fjuri u mas-serati letterarji nżidu impenn favur il-kwalità: il-lingwa u l-letteratura Maltija ħaqqhom trattament xieraq, ħaqqhom li jibqgħu jiġu studjati bis-serjetà u bir-reqqa f’kull livell tas-sistema edukattiva Maltija. Inutli li niftaħru li issa se jibdew jgħaddu aktar studenti jekk se nkunu qegħdin inbaxxu l-kwalità tas-suġġetti studjati minnhom. It-tliet rotot proposti fit-tagħlim tal-Malti intenzjonati biex iwasslu għall-istess livell ta’ ċertifikazzjoni se jkunu qegħdin inaqqsu drastikament il-komponent letterarju. L-idea li se jiġi offrut “Malti ħafna aktar applikat milli teorija(2)” timplika li l-letteratura Maltija qiegħda tiġi pperċepita bħala xkiel għall-istudenti, idea li fil-fehma ta’ nies bħal Vassalli, Aquilina jew Dun Karm żgur li tidher bħala żball oħxon b’riperkussjonijiet serji. Imma Dun Karm u l-oħrajn m’għadhomx magħna; irridu nkunu aħna li nibqgħu nemmnu fil-valur tal-letteratura, valur li huwa prattiku wkoll. Fost “il-ħiliet tas-seklu 21” li tippromwovi s-sistema edukattiva hemm il-litteriżmu, il-ħsieb kritiku, il-kreattività, il-komunikazzjoni, il-kurżità u l-kuxjenza soċjali u kulturali. Meta nifhmu li l-letteratura fl-iskejjel Maltin tista’ tkun l-għajn primarja li tiġġenera dawn il-ħiliet tant essenzjali fil-formazzjoni karatterjali ta’ wliedna, nibdew napprezzaw aħjar il-valur tagħha. Fil-film brillanti Dead Poets Society, John Keating jiġi ppreżentat bħala l-uniku għalliem fil-Welton Academy li rnexxielu jorbot is-suġġett akkademiku tiegħu mal-ħajja personali tal-istudenti. L-istil li bih għallem, tant appella għall-istudenti li dawn iġġennu warajh … u wara l-letteratura. Darba, spjegalhom hekk dwar ir-relevanza tal-poeżija: “Ma naqrawx u niktbu l-poeżija għax hi attività ħelwa. Naqraw u niktbu l-poeżija għax aħna membri tar-razza umana. U r-razza umana hija mimlija bil-passjoni. Il-mediċina, il-liġi, in-negozju, l-inġinerija, dawn huma attivitajiet nobbli u meħtieġa biex isostnu l-ħajja. Imma l-poeżija, is-sbuħija, ir-romantiċiżmu, l-imħabba, dawn huma r-raġunijiet għal xiex nibqgħu ngħixu.”
Nerġgħu lura għal dak li jolqotna fil-laħam il-ħaj għaliex jikkonċerna s-sitwazzjoni edukattiva f’Malta. Xi drabi ninkwetaw fuq it-tracksuit li ħa jilbsu u fuq l-imsielet li mhux se jilbsu l-istudenti tagħna, u ninsew l-essenzjali. Ejja ma naljenawx irwieħna b’dak li hu, litteralment, kożmetiku, u niffukaw fuq l-akbar sfida, u l-aktar imminenti, fil-qasam edukattiv: il-problema fundamentali tan-nuqqas ta’ għalliema qed ikollha u se jkollha, fost l-oħrajn, konsegwenza fuq it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel. X’soluzzjonijiet għandna nikkunsidraw? Jekk bħala miżura drastika se jinġiebu għalliema minn barra biex jgħallmu s-suġġetti l-oħra, min se jgħallem il-lingwa u l-letteratura Maltija? Jekk verament għandna għal qalbna dan l-hekk imsejjaħ wirt intanġibbli ma għandniex inħallu f’idejn il-UNESCO biex tieħu ħsiebu. Irridu nkunu aħna bħala nazzjon li nifhmu xi rwol fundamentali għandhom l-għalliema tal-Malti biex fil-futur il-lingwa u l-letteratura tagħna jibqgħu ħajjin. U l-għalliema ma jistgħux jagħmlu dan waħedhom: iridu palata wkoll mill-ġenituri, mill-istituzzjonijiet, mill-mezzi tax-xandir biex dan iseħħ.
L-aħħar punt. Mingħajr ma nneħħi ebda mertu jew nonqos farka mir-rispett kbir li għandi fil-konfront ta’ Dun Karm, nissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-idea li Malta tiċċelebra kittieba Maltin oħra billi tonorahom ukoll bħala kittieba tan-nazzjon. Fil-bidu tas-sittinijiet, mal-mewt ta’ Dun Karm, kien hemm min ippropona li Karmenu Vassallo jkun it-tieni poeta nazzjonali. Qamet polemika, kien hemm min oppona u l-idea mietet fuq ommha. Iktar milli jkollna poeta nazzjonali ieħor, hawnhekk qiegħed nipproponi l-idea ta’ “poeta lawreat” kif hemm f’pajjiżi oħra; l-Ingilterra, it-titlu ta’ “poeta lawreat” ifisser pożizzjoni onorarja mogħtija għal perjodu speċifiku mill-monarkija fuq parir tal-Prim Ministru. Il-poplu Malti wkoll jista’ jiċċelebra b’dan il-mod konkret lill-kittieba lokali, jekk jista’ jkun waqt li għadhom ħajjin. B’dan il-mod il-pubbliku ma jibqax jassoċja l-letteratura Maltija ma’ personaġġi mejtin biss iżda jibda jħares lejha bħala letteratura ħajja u attiva għax il-kittieba tagħha huma ħajjin u attivi. Dan it-titlu jista’ jingħata kull għaxar snin sabiex l-attenzjoni ma tistaġnax b’mod esklussiv u pprivileġġjat fuq persuna waħda u fl-istess waqt jingħata żmien biżżejjed sabiex il-kanonizzaturi letterarji jixtarru sew l-għażliet tagħhom.
Nagħlaq hawnhekk. Kif jgħid William Shakespeare: “Il-letteratura hija l-essenza sħiħa tal-ħajja intellettwali ta’ nazzjon.”(3) Jalla l-poplu tagħna jagħraf il-ħsieb sublimi li kellhom Maltin tal-imgħoddi bħal Dun Karm, il-ħsieb li l-letteratura mhux biss issir parti integrali mill-ħajja kwotidjana tagħna imma li l-letteratura tgħinna nikbru intellettwalment u kulturalment bħala nazzjon.
David Aloisio
Is-6 ta’ Ottubru 2019
-
“Silencing the Mother Tongue Makes It Harder for Bilingual Children to Learn English” ta’ Professor Allyssa McCabe; https://goodmenproject.com/featured-content/silencing-the-mother-tongue-makes-it-harder-for-bilingual-children-to-learn-english.
-
“Il-Malti: ‘Mhu qed nagħmlu xejn ġdid… Għaliex qed nitkellmu issa?’” ta’ Yendrick Cioffi; http://www.illum.com.mt/ahbarijiet/politika/52111/ilmalti_mhu_qed_nagmlu_xejn_did_galiex_qed_nitkellmu_issa.
-
https://www.azquotes.com/author/13382-William_Shakespeare/tag/literature