L-Akkademja tal-Malti tat ġieħ lil Trevor Żahra billi ppreżentatlu l-midalja tad-deheb għall-karriera letterarja tiegħu. L-investitura tal-midalja saret mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Colerio Preca, President ta’ Malta.
Trevor Żahra twieled iż-Żejtun fl-1947. Ta’ età żgħira beda jikteb il-poeżija u stejjer għat-tfal u fl-1971 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu Il-Pulena tad-Deheb, avventura għat-tfal. Minn dakinhar lil hawn kompla jikteb u jippubblika kull sena, u llum, bejn kotba ċkejknin għat-tfal, rumanzi u novelli għall-kbar, huwa ppubblika ’l fuq minn 130 ktieb.
Trevor għamel karriera jgħallem il-Malti u tal-Arti u għalhekk ħa ħsieb jillustra l-kotba tiegħu huwa stess. Ir-rumanzett Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa li ġie tradott u ppubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż u dalwaqt bir-Russu u bin-Norveġiż. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal 18-il darba u fl-2004 rċieva l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent tal-kontribut tiegħu fil-qasam tal-letteratura għat-tfal.
In-nominazzjonijiet tal-membri tal-Akkademja ġew evalwati minn ġurija magħmula mill-Presidenti tal-Akkademja u tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u mill-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Sergio Grech
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi
23.12.2018