Stqarrija għall-Istampa fuq l-emendi fil-Liġi tal-Malti

Qed insegwu l-proposti tal-Gvern fuq il-Liġi tal-Malti. Il-proposti huma ftit imma xorta jdgħajfu l-Kunsill il-ġdid tal-Malti għax ifaqqruh mill-element akkademiku. Għalkemm hija ħaġa tajba li r-rappreżentanza fil-Kunsill kibret b’4 membri ġodda, il-proposti tal-Gvern fihom tliet nuqqasijiet kbar.

L-ewwel.

Il-Kunsill sal-lum kellu 11-il membru: 7 kienu nies ikkwalifikati fil-Malti u 4 li jistgħu ma jkunux ikkwalifikati.[1] Skont il-proposta tal-Gvern, il-Kunsill il-ġdid għandu jkollu 13-il membru: 6 se jkunu nies ikkwalifikati imma 7 jistgħu ma jkunux ikkwalifikati.[2] Dan ifisser li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Malti se jibdew jittieħdu minn grupp ta’ nies li l-biċċa l-kbira minnhom jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti.

It-tieni.

Il-Kunsill jaħdem permezz ta’ numru żgħir ta’ kumitati tekniċi, eż., il-Kumitat tal-Informatika, il-Kumitat tat-Terminoloġija, eċċ. Sa issa l-Kap ta’ kull kumitat kien jinħatar mill-Kunsill minn fost nies proposti mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, li bla dubju huma l-aktar żewġ awtoritajiet akkademiċi stabbiliti. Din is-serjetà se tintilef bil-proposti l-ġodda għaliex il-Kap se jiġi propost minn 5 (mit-13-il membru) tal-Kunsill tal-Malti. Wieħed irid jiftakar li skont il-proposti se jkun hemm 7 membri li jistgħu ma jkollhom l-ebda kwalifika jew għarfien tal-Malti.[3] Mela 5 membri li jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti se jkollhom saħħa jinnominaw Kap Tekniku.

It-tielet.

Skont il-liġi kif kienet, il-kwistjonijiet tekniċi fuq il-lingwa kienu f’idejn Kummissjoni ta’ nies esperti. U l-Kunsill seta’ ma jaċċettax il-proposti tal-Kummissjoni imma ma seta’ qatt jibdilhom. Imma skont il-liġi proposta, il-Kunsill magħmul minn maġġoranza ta’ nies li mhux bilfors huma kkwalifikati fil-Malti se jkollu s-setgħa jiddeċiedi hu flok il-Kummissjoni meta ma jaqbilx magħha. Dan ifisser li, jekk tgħaddi l-liġi kif inhi proposta mill-Gvern, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Malti se jgħaddu minn idejn nies li jifhmu għal idejn nies li jistgħu ma jkunux kwalifikati.

Aħna l-għaqdiet u l-entitajiet tal-Malti (imsemmija hawn taħt) niddikjaraw li

  1. ma naqblux mal-partijiet tal-emendi li jdgħajfu l-element akkademiku tal-Kunsill tal-Malti
  2. ma naqblux li jittajjar is-sehem tal-Akkademja u tad-Dipartiment tal-Malti fil-ħatra tal-Kapijiet tal-Kumitati Tekniċi, ħatriet li dejjem saru skont il-kwalifika akkademika
  3. ma naqblux li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill tista’ tkun magħmula minn nies li mhumiex ikkwalifikati fl-istudju ta’ lsienna.

L-Akkademja tal-Malti

Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università                   

Id-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College     

L-Istitut tal-Lingwistika fl-Università   

L-Għaqda tal-Malti – Università

L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti 

[1] 11-il membru (il-kompożizzjoni tal-Kunsill skont il-liġi kif kienet): il-President, rapp[reżentant] tal-Akkademja, rapp. tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, rapp. tal-Istitut tal-Lingwistika, rapp. tal-Għaqdiet tal-Malti, 2 kapijiet tal-Kumitati Tekniċi, rapp. tal-Avukat Ġenerali, rapp. tal-Kunsill Malti għall-Arti, rapp. tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u rapp. tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni nominat mill-Ministru.

[2] 13-il membru (skont il-proposta tal-Ministru Bartolo): il-President, rapp. tal-Akkademja, rapp. tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, rapp. tal-Istitut tal-Lingwistika, rapp. tal-Għaqdiet tal-Malti, rapp. tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni fl-Università, rapp. tal-Avukat Ġenerali, rapp. tal-Kunsill Malti għall-Arti, rapp. tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, rapp. tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni nominat mill-Ministru, rapp. tal-Awtorità tax-Xandir, rapp. tal-pubblikaturi u rapp. tal-Kunsill tal-Ktieb.

[3] Dawn huma r-rappreżentant tal-Avukat Ġenerali, rapp. tal-Kunsill Malti għall-Arti, rapp. tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, rapp. tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni nominat mill-Ministru, rapp. tal-Awtorità tax-Xandir, rapp. tal-pubblikaturi u rapp. tal-Kunsill tal-Ktieb.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.