Reazzjoni Pożittiva mill-Entitajiet tal-Malti għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill

Aħna, bħala sitt istituzzjonijiet u għaqdiet li naħdmu favur l-iżvilupp kontinwu tal-ilsien Malti, nixtiequ nesprimu l-apprezzament tagħna lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għax-xogħol imprezzabbli li qed iwettaq fuq l-istandardizzazzjoni tal-kitba tal-kliem mill-Ingliż li daħal fil-Malti.

Din il-ħidma sfiqa li ilha għaddejja sitt snin u tmexxiet minn esperti tal-lingwa bis-sehem attiv ta’ għadd kbir ta’ persuni interessati u ħaddiema fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-mezzi tax-xandir, it-traduzzjoni, il-pubblikazzjoni, il-lingwistika, u l-kitba kreattiva, wasslet biex il-Kunsill ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’seminar nazzjonali bħal dejjem miftuħ għal kulħadd nhar is-Sibt 18 ta’ Ġunju 2016.

Aħna napprezzaw il-professjonalità tal-Kunsill u fl-istess ħin il-ħeġġa tiegħu li jisma’ lil kulħadd u jdaħħal it-tibdil biss fejn hemm bżonnu. Għal darb’oħra, il-Kunsill għamel l-almu tiegħu biex jiddiskuti ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-lingwa Maltija u jfisser fid-dettall kif wasal għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Inħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jsemmgħu leħenhom fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti biex jieħdu sehem ukoll f’din l-aħħar fażi tal-konsultazzjoni pubblika qabel ma l-Kunsill iħabbar id-deċiżjonijiet finali tiegħu, kif inhu mitlub li jagħmel bil-liġi.

Aħna nemmnu li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kapaċi jimxi b’dan il-mod professjonali u demokratiku għax huwa magħmul minn rappreżentanza wiesgħa ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-iżvilupp ta’ lsienna.

Minkejja l-fehmiet differenti li jeżistu fuq dan is-suġġett verament kumpless, apprezzajna ħafna, għal darb’oħra, il-kolleġġjalità u l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li jeżistu bejn dawk kollha impenjati fil-qasam tat-tħaddim u l-iżvilupp tal-Malti. Kemm il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien kif ukoll aħna bħala għaqdiet u istituzzjonijiet ħdimna bis-sħiħ biex noħolqu dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni ħajja u fl-istess ħin dinamika.

Nirringrazzjaw lill-mezzi tax-xandir tal-interess tagħhom f’dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ħabbar il-Kunsill waqt is-seminar nazzjonali tat-18 ta’ Ġunju u nħeġġuhom biex fir-rappurtaġġ tagħhom jirriflettu kemm jistgħu l-kumplessità ta’ dan il-fenomenu u r-raġunijiet lingwistiċi u kulturali li wasslu għar-rakkomandazzjonijiet. Dan huwa suġġett li m’għandux jiġi ttrattat bi preġudizzji jew b’simplifikazzjonijiet bla bżonn.

Din l-istqarrija qed tinħareġ minn dawn l-għaqdiet u l-istituzzjonijiet:

L-Akkademja tal-Malti

L-Għaqda tal-Malti – Università

L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta

L-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta

Id-Dipartiment tal-Malti tal-UOM Junior College

 

 

18 ta’ Ġunju 2016

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.