Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistieden lill-pubbliku għal seminar ta’ nofstanhar fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti li se jsir is-Sibt, 18 ta’ Ġunju 2016, fil-Lukanda Le Méridien, San Ġiljan.
Matul dan is-seminar il-Kunsill, li studja kif se niktbu l-kliem mill-Ingliż, se jippreżenta l-proposti li wasal għalihom u jisma’ lill-pubbliku dwarhom qabel jippubblikahom.
Dawn il-proposti qed isiru wara analiżi tal-ortografija u sensiela ta’ laqgħat f’kumitat tekniku li kien fih nies minn oqsma differenti bħal għalliema, awturi u ġurnalisti. Il-proposti se jiġu ppreżentati wara li l-Kunsill ikkunsidra wkoll is-suġġerimenti tal-pubbliku fid-diskussjonijiet li organizza minn żmien għal żmien u opinjonijiet oħra li dehru fil-gazzetti u l-internet.
Min hu interessat jattendi s-seminar, mitlub jirriserva postu sat-Tnejn, 13 ta’ Ġunju, billi jimla l-formola elettronika t’hawn taħt jew billi jagħfas hawnhekk. Mal-applikazzjoni qed jintalab ħlas ta’ €5. Jekk jogħġbok ibgħat ċekk b’dan il-ħlas, pagabbli lil ‘Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti’, sat-13 ta’ Ġunju f’dan l-indirizz:
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460
Ir-reġistrazzjonijiet jiftħu fit-8.30am u s-seminar jibda fid-9am.