Laurence Mizzi beda jieħu parti fix-xandir meta kien għadu student il-Liċeo f’nofs is-snin 40. Kien jieħu sehem f’xandiriet letterarji mtellgħa mill-Moviment tal-Malti. Kiteb u xandar anke xi novelli.
Iżjed tard beda jieħu parti regolarment fir-radjudrammi fuq ir-Rediffusion u kiteb ukoll għadd ta’ radjudrammi u anke radio serial (Ben Hur). Rebaħ żewġ konkorsi ta’ radjudrammi mnedija mir-Rediffusion.
Meta beda t-televiżjoni beda jieħu sehem regolarment fil-programmi, fosthom “Djalogu”. Kiteb numru konsiderevoli ta’ teledrammi, fosthom “L-Iskarjota”, “Pilatu”, “Meta Ġie l-Plumber” u s-sensiela ta’ “Inkwiet”.
Ktibt għadd ta’ kotba li kollha ġew pubblikati, fosthom “Dħaħen tal-Gwerra”, “Meta Faqqgħet il-Gwerra”, “Maltin fil-Gwerra”, “Għall-Ħolma ta’ Ħajtu” (Borg Pisani), “Ħsad fil-Ħarifa”, “Dizzjunarju ta’ Malta fil-Gwerra”, “Mill-Arkivju ta’ Ħajti” u “Artisti mill-Qrib”.