Fis-sajf li għadda, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol għamel konsultazzjoni pubblika fuq il-qagħda tal-ilsien Malti u t-triq ’il quddiem. Tletin persuna u/jew għaqda taw il-fehma tagħhom f’din il-konsultazzjoni u magħhom kien hemm daqstant ieħor li kitbu ittri u artikli fil-gazzetti u l-midja soċjali.
Is-suġġetti ewlenin li tkellmu fuqhom in-nies fil-kontribuzzjonijiet li għamlu kienu dawn:
- L-irwol li għandu jkollu l-Kunsill Nazzjonali tal-Malti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-ġejjieni tal-Malti, jiġifieri jekk ikunx regolatorju, inkella konsultattiv;
- L-aġġornamenti fir-regoli tal-ortografija, b’mod partikolari l-ismijiet tal-pajjiżi u l-bliet barranin, il-kliem ta’ nisel barrani (l-aktar mill-Ingliż) u d-Deċiżjonijiet 1;
- L-użu tal-Malti f’oqsma differenti tal-ħajja, ngħidu aħna, fix-xandir u fit-tagħlim.
Waqt li kienet għaddejja l-konsultazzjoni pubblika, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu laqgħat mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li fihom ingħata tagħrif iddettaljat tax-xogħol li qiegħed jagħmel il-Kunsill u l-ħtiġijiet tiegħu. Il-Ministru Evarist Bartolo jirrikonoxxi l-ħidma mifruxa li għamel il-Kunsill tul dawn l-aħħar għaxar snin mit-twaqqif tiegħu. Biex jassistih f’ħidmietu, il-Ministeru tal-Edukazzjoni se jkun qiegħed jirdoppja l-allokazzjoni ta’ fondi u jimpjega persuna oħra mal-istess Kunsill bil-għan li ssir aktar riċerka fuq l-ilsien Malti u l-Kunsill ikun jista’ jsaħħaħ ir-relazzjonijiet pubbliċi tiegħu mal-entitajiet pubbliċi u l-pubbliku inġenerali.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Ministeru jagħraf ukoll li wasal iż-żmien li jiġi organizzat Forum Nazzjonali fuq l-Ilsien Malti, kif wara kollox jitlob l-Att dwar l-Ilsien Malti (Kap 470), biex dawk kollha li jixtiequ jsiru jafu x’xogħol sar u qiegħed isir b’risq ilsienna u/jew jixtiequ jagħtu sehemhom fil-ħarsien, it-tixrid u l-iżvilupp tiegħu, jingħataw l-opportunità kollha jiddiskutu u jesprimu ruħhom.
Il-Forum Nazzjonali se jsir nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru 2015 mit-8:30 sas-13:30 fil-lukanda Excelsior, il-Furjana. Dawk kollha li jixtiequ jattendu għandhom jibagħtu ittra elettronika lis-Sinjura Mandy Buhagiar – mandy.buhagiar@gov.mt sat-23 ta’ Ottubru 2015. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol iħeġġeġ li dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ilsien Malti biex jipparteċipaw f’dan il-forum.