Il-Ħamis filgħaxija, 23 ta’ Ottubru, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Akkademja tal-Malti, organizzaw serata mużiko-letterarja f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.
F’diskors ta’ merħba, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, saħqet fuq il-kontribut imprezzabbli ta’ Dun Karm lejn il-letteratura u l-identità Maltija, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li l-lingwa Maltija tibqa’ titħaddem, tiġġedded u tingħata l-importanza li jixirqilha fis-soċjetà tal-lum.
Il-kommemorazzjoni ta’ din is-sena inkludiet interpretazzjonijiet mużikali ta’ wħud mix-xogħlijiet tal-Poeta Nazzjonali, fosthom “L-Innu ta’ Filgħodu” u “L-Innu ta’ Filgħaxija” mill-kantanta Francesca Bezzina akkumpanjata mill-pjanista Maria-Elena Farrugia.
Dr David Aloisio għamel apprezzament letterarju ta’ silta mill-poema Il-Jien u Lil Hinn Minnu – xogħol meqjus mill-aktar importanti ta’ Dun Karm, li beda jikteb disgħin sena ilu, fl-1936.
Matul il-programm ħa sehem ukoll is-Sur Charles Coleiro li qara l-poeżija tiegħu “Ġedded, Dun Karm, il-Wirt li Ħallejt Fostna”. Il-President tal-Akkademja, Dr Sergio Grech, għalaq is-serata b’diskors li fih fisser li minkejja l-kisbiet importanti li saru, l-ilsien Malti għadu jsib min irid iwarrbu u ma jqisux bħala l-ilsien nazzjonali tagħna.
Mexxa s-serata s-Sur Daniel Attard.