L-Akkademja tipparteċipa f’Jum l-Awturi Ewropej

L-Akkademja tal-Malti ħadet sehem f’Jum l-Awturi Ewropej li ġie ċċelebrat fl-20 ta’ Marzu 2024.

Għażla sabiħa ta’ kotba mis-27 Stat Membru tal-UE żdiedu mal-Librerija Pubblika, kollezzjoni li tinkludi fiha kotba li rebħu jew kienu fil-lista ta’ kotba għall-Premju tal-UE għal-Letteratura, il-Premju Nobel għal-Letteratura, il-Booker Prize u l-International Booker Prize.

120 awtur minn madwar l-Ewropa qraw siltiet mill-pubblikazzjonijiet tagħhom ma’ udjenzi żgħażagħ, inkluż tlieta fil-gżejjer Maltin: Joe Camilleri, Michael Cini, u Leanne Ellul. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari ġew koordinati mill-European Writers Council u l-membri lokali tagħhom, fil-każ ta’ Malta, l-Akkademja tal-Malti.

Jum l-Awturi Ewropej ġie mfakkar għall-ewwel darba s-sena l-oħra, u huwa maħsub biex jgħin lin-nies, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, jiskopru (mill-ġdid) is-sbuħija tal-qari u d-diversità rikka tal-letteratura Ewropea b’mod partikolari. 

Jum l-Awturi Ewropej huwa inizjattiva tal-linja kulturali tal-Programm Ewropa Kreattiva tal-UE, li tappoġġja l-letteratura u l-pubblikazzjoni. Il-linja tal-kultura ta’ Ewropa Kreattiva diġà tospita l-Premju tal-UE għal-Letteratura, tikkofinanzja xogħol ta’ traduzzjoni biex il-letteratura Ewropea ssir aktar aċċessibbli, u tgħaqqad l-udjenzi mal-letteratura Ewropea, għanijiet li huma kondiviżi minn Jum l-Awturi Ewropej ukoll. 

Il-kotba huma disponibbli għall-membri kollha ta’ Malta Libraries. Biex tissieħeb, żur librerija pubblika jew applika online fuq maltalibraries.gov.mt.

Għal aktar tagħrif dwar Jum l-Awturi Ewropej, agħfas HAWN.