It-taħdita li saret fuq May Butcher

L-Akkademja tal-Malti tirringrazzja lis-Sur Ivan Said għat-taħdita tiegħu dwar May Butcher li saret nhar il-Ħamis, 4 ta’ April 2024 fiċ-Ċentru Studji Agostinjani fil-Kumpless Santa Rita, San Ġiljan.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Said ta ħarsa lejn is-snin tletin, deċenju mill-aktar turbolenti u importanti għall-ilsien Malti li matulu ġew pubblikati xogħlijiet seminali, fosthom Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930 ) ta’ Juan Mamo, Leli ta’ Ħaż-Żgħir (1938) ta’ Ġużè Ellul Mercer u Il-Jien u lil Hinn Minnu  (1938) ta’ Dun Karm li May Butcher qalbet għal Malti The Ego and Beyond fl-1943. Ittraduċiet ukoll L-Innu Malti għall-Ingliż u r-riċerka ta’ Ninu Cremona Mikiel Anton Vassalli u żminijietu (1937) li dehret fl-1940 bit-titlu Vassalli and his times.

Il-kelliem sellem lil Ninu Cremona għad-dedikazzjoni sħiħa tiegħu għar-riċerka fuq l-ilsien Malti u matul it-taħdita ta rendikont dettaljat tal-ħidma ta’ May Butcher li mhux biss tgħallmet u ħaddmet il-Malti, iżda saħansitra xerrditu bil-pubblikazzjoni tal-grammatika bl-Ingliż tagħha Elements of Maltese (1938).

Uħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ Ninu Cremona nqalbu għall-Ingliż minn May Butcher u fost it-traduzzjonijiet tagħha ta’ xogħlijiet klassiċi Maltin insibu Il-Fidwa tal-Bdiewa (1936) li deher bħala The Ransom of the Peasants fil-Journal of the Faculty of Arts (1960-1971). Kienet membru akkademiku tal-Għaqda Kittieba tal-Malti, illum l-Akkademja tal-Malti, u kienet kittieba u traduttriċi prolifika li kienet temmen bis-sħiħ li l-korp letterarju Malti jeħtieġ it-traduzzjoni biex jikber, jinxtered u jiġi apprezzat.

Fid-diskors tiegħu, Ivan Said espona l-pjan li kellha biex tixpruna t-traduzzjoni letterarja bil-Malti.