Taħdita dwar May Butcher – il-Ħamis, 4 ta’ April

Fl-istorja twila tal-Malti, kien hemm bosta barranin li ħabbew il-Malti u tgħallmuh imma ftit kien hemm minnhom li ħabbewh u stinkaw għalih daqs May Butcher (1886-1950). Din l-Ingliża li għexet f’pajjiżna bejn l-1932 u l-1950 u saħansitra ndifnet f’Malta, mhux biss tgħallmet u ħaddmet il-Malti, iżda saħansitra xerrditu bil-pubblikazzjoni tal-grammatika bl-Ingliż tagħha, bit-traduzzjoni tagħha ta’ xogħlijiet klassiċi Maltin u b’ħidmietha bħala membru akkademiku tal-Għaqda Kittieba tal-Malti, illum l-Akkademja tal-Malti. Hi kienet kittieba u traduttriċi prolifika li kienet temmen bis-sħiħ li l-korp letterarju Malti jeħtieġ it-traduzzjoni biex jikber, jinxtered u jiġi apprezzat. F’din it-taħdita Ivan Said jagħti ħarsa lejn il-ħidmiet prinċipali tagħha b’risq il-Malti u jesponi l-pjan li kellha biex tixpruna t-traduzzjoni letterarja bil-Malti. Iżda l-kelliem beħsiebu jiftaħ it-taħdita tiegħu b’nota ta’ ġieħ lil Ninu Cremona (1880-1972), kolonna tal-Akkademja tal-Malti, u li wħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu nqalbu għall-Ingliż minn May Butcher. Bis-saħħa ta’ artiklu minn tiegħu nafu ħafna dwarha  u kien hu li għenha qatigħ fil-pubblikazzjoni tal-grammatika tal-Malti tagħha, Elements of Maltese. 

It-taħdita m’għandhiex iddum aktar minn siegħa u se tingħata fiċ-Ċentru Studji Agostinjani fil-Kumpless Santa Rita, San Ġiljan nhar il-Ħamis, l-4 ta’ April 2024 fis-7 pm.