- Il-Gvern jeħtieġ jimxi kelma b’kelma mal-Att dwar l-Ilsien Malti u t-taqsima tal-Kostituzzjoni dwar il-lingwa.
- Il-partit fil-Gvern jara li titwettaq il-wegħda kif imniżżla fl-Att dwar l-Ilsien Malti, Taqsima II (Il-Kunsill, l-organi tiegħu u t-tmexxija tagħhom), Artiklu 4.2 (i): “iwaqqaf Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti li, minbarra li jservi bħala s-sede tal-Kunsill, joffri riżorsi stampati u awdjoviżivi meħtieġa lill-membri tal-għaqdiet tal-Malti, istituzzjonijiet u persuni oħra interessati”.
- Ikun hemm investiment qawwi biex il-Malti jkun aktar preżenti kemm online kif ukoll fuq l-istazzjonijiet televiżivi u radjufoniċi Maltin, speċjalment programmi edukattivi mmirati għat-tfal li permezz tagħhom ikunu esposti għal Malti tajjeb fuq it-tv.
- Issir kampanja għal Malti tajjeb u idjomatiku indirizzata għall-ġenituri u n-nanniet biex ikellmu lil uliedhom bil-Malti wkoll. Għandhom isiru korsijiet b’xejn fuq il-kitba tal-Malti għall-ġenituri u n-nanniet f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex.
- Il-Gvern jintrabat li fl-ewwel tliet snin tal-leġislatura tiegħu jippubblika online dizzjunarju u teżawru tal-Malti.
- Il-Gvern jintrabat li sal-ewwel tliet snin tal-leġislatura tiegħu joffri għajnuna finanzjarja lill-entitajiet privati biex jagħmlu l-verżjoni bil-Malti lis-siti elettroniċi uffiċjali tagħhom.
- Il-Gvern jintrabat li l-entitajiet kollha tiegħu jkollhom taqsimiet speċjalizzati tal-lingwa – li jinkludu tradutturi u qarrejja tal-provi – biex jassigura li t-traduzzjonijiet u l-kitbiet uffiċjali kollha bil-Malti, inkluż fejn tidħol korrispondenza u fuq il-mezzi soċjali, ikunu ppubblikati skont l-ogħla standard.
- Il-Malti għandu jkun l-ilsien ewlieni u jkun aktar viżibbli fl-attivitajiet uffiċjali meta l-maġġoranza tal-mistiedna jkunu Maltin. Dan jgħodd fost oħrajn, għad-diskorsi, materjal stampat u proġezzjoni ta’ materjal viżiv (eż. preżentazzjonijiet bil-powerpoint). F’każ ta’ ħtieġa tista’ ssir/titqassam verżjoni bl-Ingliż (jew b’xi lingwa oħra) tat-test/diskors bil-Malti u jkun hemm is-servizz ta’ interpreti biex il-mistiedna barranin ikunu jistgħu jsegwu bla diffikultà.
- Is-siti elettroniċi tad-dipartimenti u l-aġenziji kollha tal-Gvern għandhom ikunu bilingwi – l-ewwel il-verżjoni Maltija, segwita mill-verżjoni Ingliża.