Fit-taħdita tiegħu Rev. Paul Sciberras se jfisser kif Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid ma mexiex bl-istess mod kif mexa fit-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim, miktub bil-Lhudi u l-Aramajk, ilsna Semitiċi għall-aħħar.
Waqt li Saydon fit-Testment il-Qadim żamm ħafna mal-prinċipju li ma jdaħħalx kliem Rumanz, fit-Testment il-Ġdid miktub bil-Grieg kellu jimxi mod ieħor. B’hekk naraw kontribut min-naħa tiegħu bl-għodda tat-traduzzjoni: daħħal u laqa’ fil-lingwa-riċettur kliem Rumanz u b’hekk kabbar ilsien pajjiżu. Fl-istess waqt, il-kelliem se jafferma l-punt li Saydon kien Semitista u seta’ jħalli l-kulur Semitiku fit-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim, imma inqas ferm fit-Testment il-Ġdid mill-Grieg.

Carmel Bezzina, li fit-teżi tal-M.A. tiegħu stħarreġ u evalwa l-kontribut ta’ Saydon għall-istudju tal-lingwa u l-letteratura Maltija, se jitkellem dwar uħud mill-istudji lingwistiċi tal-Prof. Saydon.
Dan l-istudjuż għaref jista’ jitqies pijunier u kontributur ewlieni fl-istudju tal-lingwistika Maltija, studju li dak iż-żmien kien għadu fil-bidu tiegħu. Il-kelliem se jikkummenta wkoll dwar xi kitbiet tal-proża, kemm mil-lat tematiku kif ukoll mil-lat stilistiku kreattiv. Saydon ħallielna narrattivi qosra ambjentati fi sfond rurali li l-kittieb kien tant midħla tiegħu. Se jaċċenna wkoll għal xi kitbiet awtobijografiċi, li jitfgħu dawl fuq dak li għadda minnu Saydon tul il-karriera akkademika u fil-ħajja adulta.
IL-KELLIEMA
Carmel Bezzina
Carmel Bezzina twieled Ħal Balzan fl-24 ta’ Ġunju 1951. Studja fl-Università ta’ Malta mnejn iggradwa B.A. fil-Malti u fl-Ingliż fl-1972, u M.A. fil-Malti fl-1979 bit-teżi P.P. Saydon’s Contribution to the Study of Maltese Language and Literature. Fl-2003 ggradwa M.Ed. fil-Counselling mill-Università ta’ Bristol, l-Ingilterra, bit-teżi Maltese Adolescents’ Relationship with Parents. Ħadem bħala għalliem fil-livell sekondarju u f’dak post-sekondarju. Qabel irtira fl-2016, huwa kien Senior Lecturer, jgħallem il-Lingwa u l-Lingwistika Maltija l-Junior College u l-Università ta’ Malta. Huwa membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), u serva għal bosta snin fl-eżekuttiv tas-Soċjetà. Tinteressah ħafna l-istorja ta’ Ħal Balzan u kiteb għadd ta’ studji u artikli ta’ riċerka dwar dan ir-raħal. Fl-2008 ngħata ‘Ġieħ Ħal Balzan’ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan.
Huwa l-awtur ta’ dawn il-kotba:
Saydon Biblista u Studjuż tal-Malti (2006)
Ħal Balzan u l-Lunzjata u kitbiet oħra (2011)
Ħal Balzan u l-Lunzjata u aktar kitbiet (2021)
Ġrajjiet u Tifkiriet (2021)
Huwa wkoll kontributur u l-editur ta’ dawn il-kotba:
Ħal Balzan – 350 Sena Parroċċa – 1655 – 2005 (2006)
Il-Vara Titulari tal-Lunzjata ta’ Ħal Balzan 1869 – 2019 (2019)
Rev. Dr Paul Sciberras
Rev. Dr Paul Sciberras SThL, SSL, SThD kien ordnat qassis djoċesan fl-1988. Speċjalizza fix-Xjenzi Bibliċi mill-Istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma. Mill-2003, Dun Pawl jgħallem l-Iskrittura fl-Università ta’ Malta, minn fejn ukoll kiseb id-dottorat fit-Teoloġija fl-2011, b’teżi fuq it-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid tal-Bibbja minn Mons. Prof. Pietru Pawl Saydon. Huwa Lettur Anzjan u bħalissa l-Kap tad-Dipartiment tal-Iskrittura, il-Lhudi u l-Grieg fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-istess Università. Huwa membru tal-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenza Episkopali Maltija, tal-Għaqda Biblika Maltija, u tal-Kummissjoni Permanenti għar-Reviżjoni tal-Bibbja bil-Malti. Huwa l-koeditur tal-Bibbja bil-Braille bil-Malti (2005) u konsulent tal-proġett tal-Istorja tal-Milied fil-Lingwa tas-Sinjali bil-Malti (2009). Huwa wkoll l-editur tal-Ħames Edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti, maħruġa mill-Għaqda Biblika Maltija fl-2020. Kiteb diversi artikli ta’ riċerka Biblika bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan b’diversi pubblikazzjonijiet Maltin u internazzjonali.