IL-PREMJU LETTERARJU TAL-UNJONI EWROPEA – stqarrija għall-istampa

L-Akkademja tal-Malti tirreferi għad-diskussjoni li qamet dwar il-Premju Ewropew tal-Letteratura u tiddikjara li hi ma tamministrax dan il-Premju għax mhix l-organizzatriċi tiegħu kif ġie sostnut.

Il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea twaqqaf u huwa ffinanzjat mill-Programm għal Unjoni Kreattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea (Creative Europe Programme of the European Union) bil-għan li jippromwovi l-kreattività u r-rikkezza tal-letteratura kontemporanja, jiċċirkolaha fi ħdan l-Ewropa u jagħti l-appoġġ lill-oqsma tal-letteratura fittizja.

Il-Premju jingħata minn konsorzju magħżul mill-Kummissjoni Ewropea u huwa magħmul mill-European and International Booksellers Federation (EIBF), mill-European Writers’ Council (EWC) u l-Federation of European Publishers (FEP). Dawn it-tliet membri huma responsabbli mit-twaqqif tal-ġuriji u l-organizzazzjoni taċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.

Jingħata premju wieħed f’kull pajjiż li jieħu sehem fuq bażi ta’ rotazzjoni kull tliet snin. Kull sena l-ġuriji nazzjonali minn terz tal-pajjiżi parteċipanti jinnominaw lill-awturi rebbieħa tagħhom, hekk li jkun possibbli li kull pajjiż imsieħeb u l-lingwa tiegħu jkunu rappreżentati darba kull tliet snin.

Għal dis-sena kien imiss li jieħdu sehem dawn il-pajjiżi: l-Albanija, l-Armenja, ir-Repubblika Ċeka, l-Iżlanda, il-Latvja, Malta, il-Moldova, in-Netherlands, il-Portugall, is-Serbja, is-Slovenja, l-Iżvezja u t-Tuneżija.

Il-ġuriji nazzjonali (ta’ kull pajjiż imsieħeb fl-UE) ikunu esperti fl-oqsma tal-letteratura, fil-pubblikazzjoni u l-bejgħ tal-kotba u jinħatru f’kull pajjiż li jkun qed jipparteċipa fil-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea ta’ dik is-sena.

Wara li jiġu magħżula (shortlisted) minn tlieta sa ħames awturi, il-ġuriji nazzjonali jagħżlu lir-rebbieħ/a tagħhom u dawn jingħataw premju finanzjarju kif ukoll promozzjoni u viżibilità akbar lil hinn mill-fruntieri, qabelxejn permezz taċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni fi Brussell u fil-fieri tal-kotba fl-Ewropa u mal-bqija tad-dinja.

L-Akkademja tal-Malti bħala msieħba tal-EWC tintalab taħtar persuna waħda biex tkun waħda mill-ġurija Maltija. L-espert li taħtar l-Akkademja jkollu dottorat fil-letteratura. Flimkien mal-ġurati mill-konsorzji l-oħra (fosthom l-EIBF u l-FEP) j/tintgħażel l-awtur/l-awtriċi rebbieħ/a. L-Akkademja ma tagħmel l-ebda pressjoni fuq il-ġurat maħtur minnha u ma tidħolx fil-ġudizzji li jieħu u fil-konklużjonijiet li jasal għalihom mal-kumplament tal-ġurati.

L-Akkademja tiċċelebra l-kittieba u x-xogħlijiet tagħhom speċjalment tal-membri tagħha u dan tagħmlu bl-attivitajiet u l-pubblikazzjoni tagħha Il-Malti. L-Akkademja tgħożż is-sħubija tagħha fl-EWC u se tkompli timpenja ruħha biex toffri opportunitajiet lill-kittieba kollha permezz ta’ din is-sħubija.

13.05.2021