Il-ħrara ma torqodx

Il-Ħamis, 15 ta’ April, fil-5.30pm fuq ZOOM. Agħfas HAWN.

Marlene Mifsud Chircop twieldet fit-23 ta’ Mejju 1950. Studjat fl-Università ta’ Malta fejn ippreżentat l-ewwel teżi tagħha għall-B.A. “Il-Folklor fir-Rumanz Storiku/Romantiku Malti” (1972) u t-tieni teżi għall-MA “A Motif-Index of the Maltese Folktale”. Għallmet il-Malti fis-sekondarja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi Għamlet ukoll id-Diploma fit-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni u għal bosta snin għallmet l-Ingliż fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ (MCAST).

Marlene ħadmet mal-folklorista Ġuże Cassar Pullicino u mal-mibki imma qatt minsi żewġha, il-folklorista antropoloġiku Dr Ġorġ Mifsud Chircop u kompliet bir-riċerka fin-narrattiva popolari, fl-irrakkuntar u fl-għana Malti, b’mod speċjali l-element kulturali u soċjali fl-għana tal-fatt.

Kienet tiddeskrivi ruħha bħala ‘għalliema u riċerkatriċi indipendenti’ u flimkien ma’ żewġha, ikkoproduċiet u ppreżentat 26 dokumentarju kulturali ta’ 45 minuta għat-televixin: Ix-xogħol Waħdu Jurik (1996) u Fuq Għajnejk (2001) taħt id-direzzjoni ta’ Alvin Scicluna) u għar-radju Maltese Folklore in the Modern World (2000) u A Folk Festival in Malta (2003). Interpretat u ttraduċiet kemm-il darba l-għana u l-irrakkuntar waqt festivals f’Malta u barra.

Ħadet sehem f’konferenzi f’Malta u barra, fejn ippreżentat fost l-oħrajn “Mnarja – a Midsummer’s Festival in Contemporary Malta” (Gothenburg 2006), “Maltese Folk Narrative” (Isle of Bute 2011), “Good Friday Processions in Contemporary Malta” (Innsbruck 2014), “The First Ten Years of the Maltese Folk singing Festival” (Malta 2014), The Development of Maltese Ballads (Malta 2014).

Barra diversi sessjonijiet tal-għana u tal-irrakkuntar, kemm f’Malta kif ukoll barra, ikkoorganizzat l-attivita kulturali “Grimani Min Qatlu?” għal Science in the City (Malta 2014). Sentejn wara, fl-2016, flimkien ma’ Fr Montebello ippubblikat il-ktieb Min Qatel il-Patri? bi studju speċjalizzat tagħha fuq il-ballati Maltin.

Matul l-aħħar snin ta’ ħajjitha, Marlene ħadmet fuq l-aġġornament tal-kitbiet ta’ żewġha u kompliet l-istudji tagħha tal-ballati folkloristiċi u t-traduzzjonijiet orali fil-kultura Maltija. Hija mhux biss ikkontribwiet fis-sensiela dwar It-Traduzzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta imma wkoll ħadet ħsieb it-tħejjija professjonali ta’ riċerkaturi żgħażagħ biex dan il-qasam ikompli jiżviluppa. Fl-istess hin, id-Dipartiment kien qed jgħin lil Marlene tiddokumenta l-kitbiet akkademiċi u l-materjal etnografiku tagħha u ta’ żewġha biex ikunu aċċessibbli għal dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw fl-etnografija ta’ Malta u tal-Mediterran.

Dr Adrian Grima ddeskrivieha bħala “ħabiba, kollega, u riċerkatriċi li ħadmet bla heda, tul ħajjitha kollha, sal-aħħar, fuq it-tradizzjonijiet orali tagħna u fuq il-folklor b’mod ġenerali. Din hija telfa kbira għalina lkoll. Imma huwa wkoll il-mument biex nerġgħu nirringrazzjawha tal-kontribut imprezzabbli tagħha.”

Marlene Mifsud Chircop mietet fis-26 ta’ Awwissu 2020.


Yanika Schembri Fava riċerkatriċi fil-proġett It-Tradizzjoni Orali, għalliema tal-Malti fi skola sekondarja u tgħallem taqsima-studju dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Fl-2019 kienet waħda mir-riċerkaturi tal-proġett Il-Kelma fil-Komunità u bħalissa qiegħda tiġbor it-taqbil tal-festi flimkien ma’ riċerkaturi oħra bħala parti mill-proġett Minn fuq l-Ispalla: It-Taqbil fil-Festi. Studjat il-Malti u t-tagħlim tal-Malti fl-Università ta’ Malta u qed tkompli tistħarreġ il-qasam tat-Tradizzjoni Orali, speċifikament versifikazzjonijiet ironiċi, bħala parti mir-riċerka tat-tieni Maġisteru tagħha.


Mark Montebello huwa patri Dumnikan. Twieled Tas-Sliema fl-1964 u studja mad-Dumnikani l-Belt u l-Ġiżwiti Birkirkara. Issieħeb mal-Ordni tal-Predikturi (id-Dumnikani) fl-1980, għamel il-professjoni reliġjuża fl-1983 u ġie ordnat saċerdot fl-1989. Studja l-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu r-Rabat, kif ukoll il-filosofija f’Tal-Virtù ma’ Peter Serracino Inglott u t-teoloġija fl-Università ta’ Malta. Minn dawn l-istituzzjonijiet kiseb rispettivament il-lettorat fil-filosofija u t-teoloġija; u l-baċellerat fit-teoloġija. Wara dan, huwa kiseb il-liċenzjat u d-dottorat tal-filosofija mill-Università Angelicum ta’ Ruma, l-Italja, u beda dottorat ieħor fil-filosofija fl-Università Komplutensi ta’ Madrid, Spanja. Huwa kiseb ukoll il-maġisteru fil-ġustizzja kriminali mill-Università ta’ Leichester, l-Ingilterra. Huwa awtur ta’ diversi kotba ta’ natura filosofija u kritika. Għamel ħafna xogħol umanitarju fil-ħabs ta’ Kordin, fil-Kottonera u mal-vittmi tal-kriminalità. Bħalissa joqgħod Gwardamanġa.